Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12616 u cioe' b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12019, qed ngħaddi d-dettalji tal-fond imsemmi kif ukoll korrispondenza separatament mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma u mill-Enemalta li tindika wkoll li ż-żewġ entitajiet ma jaqblux, għaldaqstant jista' jagħti tweġiba għal din il-mistoqsija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni tal-Ilma għandhom regoli differenti (Electricity Supply Regulations u Water Supply Regulations).
Il-Korporazzjoni Enemalta qed tapplika r-regoli tagħha. F'dan il-kaz ser terġa' tagħmel Tariff Survey u jekk issib li jaqa' taħt Domestic jiġi kklassifikat bħala Domestic.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq f'Sta. Venera li qegħdin fil-programm tal-gvern sabiex jiġu mibnija mill-ġdid għas-sena 2006?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita' qegħda taġġorna l-pjan sabiex it-toroq li għadhom qatt ma saru u li huma responsabilita tal-Gvern, isiru fuq medda ta' tlett snin. Meta l-pjan jitlesta dan ikun pubblikat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni sabiex isir ix-xogħol fuq bankini ġo Triq il-Kostituzzjoni, il-Mosta fuq in-naħa ta' fejn hemm l-istabilimenti tal-Falcar u tal-Paramount? Jista' jgħid meta ser ikunu approvati l-fondi relattivi? Jista' jgħid ukoll jekk ingħatax permess sabiex ġot-triq stess u fl-istess naħa ssir kaxxa tal-parking li nżebgħet safra?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-pulizija in segwitu għal rapport li sar u li kopja tiegħu qed tintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-status ta' exempt person lill-persuna li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant kien tneħħa. Il-Pulizija qed tagħmel l-istħarriġ meħtieġ sabiex din il-persuna tkun rintraċċata u jkunu jistgħu jittieħdu passi opportuni skond il-liġi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mid-dipartiment in segwitu għal rapport li sar u li kopja tiegħu qed tintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta’ l-Expatriates bħal ma jsir f’każijiet simili, informa lill-Uffiċjal Prinċipali ta’ l-Immigrazzjoni sabiex dan jieħu l-passi meħtieġa billi jitħassar it-timbru tal-“freedom of movement” mill-passaport u din il-persuna tiġi mġiegħla tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha hawn Malta.
Nirreferi wkoll għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 13261 f'din l-istess Seduta.
Tista' il-Ministru tgħid kemm huma dawk is-single mothers li qed jirċievu xi forma ta' benefiċċju mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali? Jista' jgħid kemm huwa l-ammont komplessiv?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub qed jinġabar u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid xi ħlas għandhom is-suldati fl-AFM fl-iskali u gradi kollha? X'inhuma l-ħlasijiet ta' l-għases li jsiru? Jista' jgħid jekk nhar ta' Ħadd humiex jitħallsu doppjament jew le?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-salarji li għandhom is-suldati fil-Forzi Armati ta’ Malta huma kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ma jsir l-ebda ħlas extra ta’ l-għases li jsiru fl-Armata ħlief dawk li jsiru fil-Ħdud meta l-ħlas huwa bir-rata doppja. L-aktar li wieħed jista’ jitħallas huwa l-massimu ta’ l-iskala għaxra ta’ salarju.
Jista' il-Prim Ministru jgħid xi ħlas għandhom is-suldati fl-AFM fl-iskali u gradi kollha? X'inhuma l-ħlasijiet ta' l-għases li jsiru? Jista' jgħid jekk nhar ta' Ħadd humiex jitħallsu doppjament jew le?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern ħallasx xi kumpens lill-familji tal-vittmi fil-każ ta' l-inċident ta' l-Um El Faroud? Jekk le, hemmx xi proposta ta' kumpens pendenti u jekk iva, f'liema ammont?
Kemm-il darba tħallas dan il-kumpens, jew f'każ li l-ħlas ta' kumpens għadu biss propost, tista' tispjega x'inhu l-ammont ta' kumpens imħallas jew propost għal kull każ li hemm quddiem il-qorti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li issa waslu fil-fażi finali tagħhom l-arranġamenti meħtieġa biex jiġu kkumpensati l-qraba tal-vittmi, flimkien mar-rappreżentanti legali tagħhom.
Billi l-kumpens miftiehem hu arranġament amikevoli milħuq barra l-Qorti, ma jinħassx prudenti li jingħataw dettalji finanzjarji.
Tista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12601 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid jekk il-gvern ħallasx xi kumpens lill-familji tal-vittmi fil-każ ta' l-inċident ta' l-Um El Faroud? Jekk le, hemmx xi proposta ta' kumpens pendenti u jekk iva, f'liema ammont?
Kemm-il darba tħallas dan il-kumpens jew f'każ li l-ħlas ta' kumpens għadu biss propost, tista' tispjega x'inhu l-ammont ta' kumpens imħallas jew propost għal kull każ li hemm quddiem il-qorti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi kumpens imħallas taħt l-Att dwar is-Sigurta Soċjali, ninsab infurmata li r-romol tal-vittmi tħallsu l-pensjoni tar-romol skond il-provedimenti ta' l-imsemmi Att.
Jista' il-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li jinbidlu l-presidenti tal-kunsilli skolastiċi? Jista' jgħid jekk ġewx konsultati l-kunsilli lokali rispettivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Skond l-Att ta' l-Edukazzjoni Kap 327 Parti 4 23.2 (a) il-presidenti tal-kunsilli skolastiċi huma appuntati mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni. F'din il-ħatra nagħti il-konsiderazzjoni xierqa ta' nomini li jaslu mill-Kunsilli Lokali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern ħallasx xi kumpens lill-familji tal-vittmi fil-każ ta' l-inċident ta' l-Um El Faroud? Jekk le, hemmx xi proposta ta' kumpens pendenti u jekk iva, f'liema ammont?
Kemm-il darba tħallas dan il-kumpens jew f'każ li l-ħlas ta' kumpens għadu biss propost, jista' il-Ministru jispjega x'inhu l-ammont ta' kumpens imħallas jew propost għal kull każ li hemm quddiem il-qorti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12019, qed ngħaddi d-dettalji tal-fond imsemmi kif ukoll korrispondenza separatament mill-Water services corporation u mill-Enemalta li tindika wkoll li ż-żewġ entitajiet ma jaqblux, għaldaqstant jista' il-Ministru jagħti tweġiba għal din il-mistoqsija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir il-connection tad-drenaġġ bejn id-djar privati u s-servizz tal-gvern ta' drenaġġ fi Triq il-Ftieħ (qabel G. Mamo) Birkirkara? Jaf li hemm diversi familji u koppji li ma jistgħux jidħlu fir-residenza tagħhom, u dan peress li l-gvern għadu ma pprovdiex is-servizz? X'inhu jżomm lill-gvern milli jipprovdi dan is-servizz meta residenzi li nbnew mill-awtorita' tad-djar fl-istess triq ingħataw dan is-servizz? Pjanta qed tintbagħat separatament.
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-estensjoni tal-main tad-drenaġġ imsemmi trid tgħaddi minn propjeta' privata u fin-nuqqas ta' permess tas-sidien, dan ix-xogħol ma jistax isir qabel isiru l-proċeduri biex ikun stabbilit is-servitu' li hemm bżonn.
Id-drenaġġ tal-postijiet mibnija mill-Awtorita' tad-Djar tqabbad mal-mejn li hemm fil-Bypass filwaqt li l-oħrajn iridu jitqabbdu f'livell aktar l-isfel, u għalhekk il-bżonn ta' dan is-servitu'.
Jista' il-Prim Ministru jara li l-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tingħata l-arretrati tal-paga dovuti lilha mill-forzi armati ta' Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-arretrati tal-paga dovuti mill-Forzi Armati ta’ Malta lill-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament ġew imħallsa lill-individwu kkonċernat f’Marzu li għadda.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Universita' ta' Malta hijiex l-unika istituzzjoni li għandha l-fakulta' u s-saħħa legali li tagħti degrees lill-istudenti universitarji? Jista' ukoll jgħid jekk hemmx talbiet minn universitajiet barranin sabiex joperaw lokalment filwaqt li jkollhom id-dritt legali li joħorġu/jagħtu degrees lill-istudenti? F'każ li ssir tali talba, jista' il-Ministru jgħid xi tkun il-pożizzjoni tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni? F'każ li r-risposta hi li l-Universita' ta' Malta għandha dritt esklussiv, jaħseb li din il-policy tmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għal diversi snin kellna istituzzjonijiet edukattivi privati ta' livell ta' edukazzjoni ogħla li, jew bi programmi tagħhom jew flimkien ma' Universitajiet jew Kulleġġi oħra barranin, offrew korsijiet li jwasslu għal degree jew diploma. L-awtoritajiet kompetenti edukattivi fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jistgħu biss jirregolaw kondizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-liċenzja ta' skola. Il-kwestjoni tar-rikonoxximent tad-degree jew diploma hi materja trattata taħt il-liġi apposta u l-liġi dwar l-edukazzjoni li tagħti ċertu mansjoni lis-Senat ta' l-Universita'. Sakemm jiġu osservati standards edukattivi aċċettabbli fuq livell ewropew kif ukoll il-kondizzjonijiet stabbiliti għaż-żamma ta' skola m'għandu jkun ebda xkiel biex universita' barranija topera lokalment. Kull każ jiġi trattat fuq il-merti tiegħu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid u jispjega r-raġuni li ħa d-dipartiment ta' l-artijiet (File L578/70) u dan sabiex jiżgombra lill-persuna li d-dettalji dwarha u dwar il-fond qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-fond in kwestjoni mhux qiegħed jiġi użat għall-iskop li ġie mikri għalih u minkejja li d-Dipartiment tal-Artijiet ilu għal żmien twil jikkomunika mal-inkwilin rigward dan, huwa xorta waħda baqa' juża l-fond għall-iskop differenti minn dak li ġie mikri għalih. Fil-bidu ta' din is-sena l-inkwilin ġie infurmat illi l-kirja mhux ser tiġġedded wara l-31 ta' Marzu 2005 u ġie mitlub biex ibattal il-fond u jikkonsenja ċ-ċwievet jew inkella jittieħdu passi legali kontrih inkluż dak ta' żgumbrament.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10687 u jgħid dawk il-fondi li nqatgħu minn holiday flats ma' l-MTA għandhomx il-kontijiet ta' l-ilma u d-dawl b'rati kummerċjali jew b'rati domestiċi? Jekk b'rati kummerċjali, jaf li huma diversi dawk l-abitazzjonijiet li preżentement huma vojta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jekk jogħġbu jagħti d-dettalji tal-fondi msemmija ħalli nkun nista' nitlob l-informazzjoni dwar ir-rati li dawn huma obbligati jħallsu.