Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' hit and run is-sena l-oħra? Kemm ġew solvuti każi u kemm weġġgħu nies fihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005, ġew irrapurtati lill-Pulizija erba' każi fejn persuni ntlaqtu minn vettura li baqgħet sejra, li minnhom tlieta ġew solvuti. F'dawn l-inċidenti sfaw midruba erba' persuni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni tressqu l-qorti talli ħaddmu magħhom nies bla permess u x'weħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' l-2006, il-Pulizija ressqet żewġ persuni quddiem il-Qorti fuq akkużi li ħadmu persuni bla permess, liema każi għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kaċċaturi nqabdu allegatament jiksru l-liġi din is-sena? X'kien ir-reat u x'kienet il-piena f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena tressqu 150 persuna l-Qorti bi ksur tar-Regolamenti ta' l-1993 dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u tal-Fenek Servaġġ, kif emendat; Regolamenti ta' l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta' Speċi Protetti u Riservi Naturali; u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66). Minn dawn 96 instabu ħatja u ngħataw pieni skond il-liġi, 15 instabu mhux ħatja u kienu liberati, filwaqt l-proċeduri kontra l-bqija għadhom mhux konklużi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-uffiċċju konġunt se jagħmel dawk il-proċeduri neċessarji sabiex tiġi pproċessata l-applikazzjoni ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u dan sabiex tinxtara porzjon art li parti minnha hi mqabbla lilhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jivverifika l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet l-ispiża nvoluta fix-xogħol li sar fil-bieb ta' barra ta' l-edifiċju tal-Qorti kif ukoll tal-ħġieġ li tpoġġa u l-magna tas-sigurta? Min wettaq dawn ix-xogħlijiet? Jista' jgħid ukoll liema kumpannija ħadet it-tender tas-security mal-bieb? X'inhi l-ispiża kuljum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Diviżjoni tal-Ġustizzja nefqet is-somma ta' Lm26,105 fix-xogħol tal-bieb ta' barra ta' l-edifiċju tal-Qorti li jinkludi ukoll il-ħġieġ li tpoġġa.
Ix-xogħol tal-bieb ta' barra kif ukoll tal-ħġieġ saru minn Combined Industries Limited (Lm23,617), Raniolo and Farrugia Co. Ltd. (Lm1,673) u MSD (Lm815). L-iScanner jew aħjar il-magna tas-sigurta' swiet is-somma ta' Lm9,000. Ix-xiri u x-xogħol tal-magna tas-sigurta' sar minn Malta International Airport.
Infurmat ukoll illi l-kumpanija li ħadet it-tender tas-security mal-bibien tal-Qrati tal-Ġustizzja hija Sterling Security Co. Ltd. L-ispiża nvoluta kuljum hija ta' Lm2.45,0 fis-siegħa għal ħames siegħat kull Security Guard. Meta jkun hemm xi Ġuri, jiddaħħal Security Guard ma' impjegat tal-Gvern wara il-ħin stipulat sa kemm dan jintemm.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm u min huma l-impjegati barranin li jaħdmu fil-grad ta' executives mal-Malta Shipyards Ltd.? X'pagi għandhom? Xi fringe benefits għandhom? Jista' jgħid min ħa t-tender tal-ħaddiema barranin tal-Malta Shipyards Ltd.?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min qiegħed jara li jiġu ripatriati lejn pajjiżhom l-immigranti llegali? Jikkonferma li hemm kumpannija privata li qed tassisti f'din il-proċedura? Min hi? Jikkonferma li dan ix-xogħol qed isir minn ġo Marsilja fi Franza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-ripatrijazzjoni ta' persuni li jinsabu f'Malta illegalment issir mit-Taqsima ta' l-Immigrazzjoni tal-Pulizija. Il-proċedura ssir kollha kemm hi mill-Pulizija mingħajr ebda assistenza ta' xi kumpanniji privati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'karigi ta' direttur hemm fil-qrati tal-ġustizzja? X'inhuma r-responsabbiltajiet ta' kull direttur?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-"Top Management" tal-Qrati tal-Ġustizzja hi magħmula kif ġej:
§ Direttur Support Services li hu responsabbli għal Finanzi, Riżorsi Umani u Operat tal-Qrati.
§ Direttur u Reġistratur Qrati u Tribunali Ċivili. Dan hu responsabbli għall-Amministrazzjoni tal-Qrati u Tribunali Ċivili, it-tqassim ta’ l-Awli Superjuri, ix-xogħol tar-Reġistru tal-Qrati u Tribunali Ċivili, is-sezzjoni tas-Subbasti, is-sezzjoni tal-Marixxalli, Arkivji Ċivili u l-Qorti tal-Familja. Huwa wkoll ir-Reġistratur tal-Qrati ta’ Ġurisdizzjoni Ċivili.
§ Direttur u Reġistratur Qrati u Tribunali Kriminali. Dan hu responsabbli għall-Amministrazzjoni tal-Qrati Kriminali, it-tqassim ta’ l-Awli Inferjuri, ix-xogħol tar-Reġistru tal-Qrati Kriminali, l-Arkivji ta’ Ġurisdizzjoni Kriminali u s-sezzjoni ta’ l-esebiti. Huwa wkoll ir-Reġistratur tal-Qrati ta’ Ġurisdizzjoni Kriminali.
§ Direttur u Reġistratur Qrati u Tribunali Għawdex. Dan hu responsabbli għal Qrati t’Għawdex u jagħmilha kemm ta’ Direttur taċ-Ċivil kif ukoll ta’ Direttur tal-Kriminal u bħala hekk jassumi r-responsabbiltajiet ta’ dawn iż-żewġ karigi f’dak li jirrigwarda l-Qorti t’Għawdex. Huwa wkoll ir-Reġistratur tal-Qrati Ċivili u Kriminali f’Għawdex.
§ Direttur Ġenerali, Qrati tal-Ġustizzja. Dan hu responsabbli mill-Amministrazzjoni tal-Qrati f’Malta u Għawdex u d-Diretturi msemmija qabel jirrispondu lilu għax- xogħol tagħhom ħlief fejn jirrigwarda d-doveri tagħhom ta’ Reġistraturi li għalih jirrispondu lis-STO Prim Imħallef.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mit-talba li għamlet il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, rigward vettura, liema talba saret lid-dipartiment tal-liċenzji u baqgħet mingħajr tweġiba?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat mid-Direttorat tal-Liċenzji u Ttestjar, li l-ittra li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ta' l-20 ta' Ottubru, 2005 f'isem il-klijent tiegħu li ddettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ntbagħtet tweġiba għaliha fit-28 ta' Ottubru, 2005.
Jista' il-Ministru jgħid meta ser jitħallsu l-membri tal-Korp tal-Pulizija wara li fil-25 ta' April 2004 il-Banda tal-Pulizija ħadet sehem fil-Malta EU Excession Celebrations kif ukoll il-grupp mużikali tal-pulizija fid- 29 ta' April 2004? Jaf il-Ministru li kemm il-Banda kif ukoll il-grupp Mużikali tal-Pulizija kienu ġew ordnati sabiex dan is-servizzi jaħdmuhom extra duties u mhux mix-xogħol normali tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħlas dovut ser isir fil-futur qarib.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir mir-returns ta' l-overtime tal-Membri tal-Banda tal-Pulizija, u dana wara li ilhom ma jitħallsu tal-overtime minn Marzu tal-2004 sa llum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan l-ilment qed ikun investigat sabiex jekk hemm xi ħlasijiet pendenti dawn isiru mill-aktar fis possibli.
Jista' il-Ministru jgħid kif ftit taż-żmien ilu d-Detail Officers ġew ordnati mill-Kummissarju sabiex il-membri tal-banda tal-Pulizija jingħtaw l-off duty tagħhom flimkien, għalkemm mhux is-sezzjonijiet kollha, għajr dawk tad-distretti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-prattika il-membri kollha li jifformaw parti mill-banda tal-Korp tal-Pulizija jingħataw l-off duty fl-istess ġurnata. Pero' dan mhux dejjem ikun possibli minħabba raġunijiet ta' loġistika.
Jista' il-Ministru jgħid kif dan l-aħħar żdiedu xi membri mal-Banda li ggradwaw bħala Pulizija ġodda, pero' din l-ordni ġiet injorata, u mhux qed jingħataw l-off duty ma l-oħrajn bil-konsegwenza li l-off duty ma jattendux il-banda jew ikollhom jitħallsu overtime?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16349 f'din l-istess Seduta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għal visa Maltija (C/35140)
Response (BORG, TONIO)
Nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jinforma lill-persuna msemmija tmur l-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Immigrazzjoni sabiex tivverifika l-pożizzjoni tagħha.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15981 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid u jispjega r-raġuni għar-rifjut ta' visa lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li għandu l-mara tiegħu taħdem hawn Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija s'issa, dwar it-talba tal-persuna imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, għad mhux konfermat li din it-talba hija bona fede.
Jista' il-Ministru jgħid u jispjega r-raġuni għar-rifjut ta' visa lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li għandu l-mara tiegħu taħdem hawn Malta?
Jista' il-Ministru jgħid lil min ingħata l-kuntratt għal servizzi ta' ushering u/jew ticketing fil-military tattoo li saret fil-Belt Valletta bejn il-15 u s-16 ta' Ottubru 2005? Jista' jgħid ukoll jekk il-kuntratt ngħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order u kemm kien il-valur tal-kuntratt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-servizz ta’ ticketing u ushering fil-Valletta Military Tattoo li sar fil-15-16 ta’ Ottubru 2005 ngħata b’direct order lis-Sur Alfred Tabone. Is-Sur Tabone tħallas is-somma ta’ Lm 650 ta’ dan is-servizz.