Legislature:
Category:
Reset
Active:

VRT

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vetturi tal-gvern jew ta' enti parastatali li ma għaddewx mill-VRT din is-sena? Ta' liema dipartiment jew ente kienu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment Tekniku ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ikollu biss il-figura globali tal-vetturi li ma jgħaddux mit-test tal-VRT. Għalhekk statistika speċifika ta' dawk il-vetturi li ma jgħaddux mit-test ma tiġiex miżmuma separatament.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħabsin illum wara li ġew mogħtija pieni mill-qorti? Kemm minn dawn kienu hemm għal aktar minn darba u kemm-il darba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-31 ta' Awissu 2006, in-numru ta' priġunieri li qegħdin iservu sentenza kien ta' mitejn u tnejn u tletin (232). Numru ta' drabi li kienu l-ħabs: L-ewwel darba 91 It-tieni darba 40 It-Tielet darba 19 Ir-Raba darba 16 Il-Ħames darba 09 Is-Sitt darba 18 Is-Seba darba 13 Aktar minn seba drabi 26

ETC — Ħaddiema ta' 'il fuq minn 61 sena

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni llum ta' 'il fuq minn 61 sena li qed jaħdmu? Kemm minnhom huma nisa u kemm huma rġiel? Kemm minnhom huma impjegati u kemm huma self-employed?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-aħħar statistika ippublikata hi dik ta' Marzu 2006. Informat li kien hemm 4,422 persuna 'il fuq minn 61 sena jaħdmu, minn dawn 3,525 kienu rġiel filwaqt li 897 kienu nisa. Minn dawn il-4,422 persuna, 2,763 kienu mpjegati filwaqt li 1,659 kienu 'self-employed'.

AFM — Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ġew interċettati opri tal-baħar li fuqhom kien hemm immigranti illegali waqt patrols regolari tal-forzi armati din is-sena? Kemm saru interċetazzjonijiet wara rapporti minn persuni ċivili jew mill-pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li sa l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena (2006) kien hemm 52 każ fejn il-Forzi Armati ta’ Malta interċettaw opri tal-baħar li fuqhom kien hemm immigranti rregolari u li sussegwentament daħlu Malta. Ħamsa minn dawn il-każijiet kienu waqt patrols regolari li l-Armata soltu taghmel, erbgħa wara rapport minn persuni civili u tnax wara rapport mill-Pulizija. Fil-kumplament, l-interċettazzjoni ġiet effetwata wara notifika li ġiet minn diversi sorsi bħalma huma vapuri merkantili u dgħajjes tas-sajd, ajruplani ċivili, u miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni u Salvataġġ Maritimu li hemm f’Ruma.

ETC — Persuni boarded-out

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ġew boarded out persuni din is-sena, kemm dawk li kienu qed jaħdmu u kemm dawk li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li din is-sena, sal-15 ta' Settembru, n-numru totali ta' persuni li ħadu għall-ewwel darba Pensjoni għall-Invalidita' mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, kien 489.

Pulizija — Każi ta' Overdose

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' overdose lill-pulizija din is-sena? Kemm minn dawn kienu aċċidentali? Kemm kienu kawża ta' ecstacy u kemm ta' drogi oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' l-2006, ġew irrapurtati lill-Pulizija 171 każ ta' xi tip ta' overdose. Minn dawn, dawk li jistgħu jitqiesu bħala aċċidentali kienu 50, peress li kienu riżultat ta' droga ta' abbuż, fosthom 5 kawża ta' ecstacy.

Skemi ta' Irtirar Kmieni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-enti li bħalissa għandhom skemi ta' irtirar kmieni? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li għamlu użu minn din l-iskema u f'liema ente kienu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor Interpellant li bħalissa hija l-Air Malta biss li kelli Skema ta’ Irtir Kmieni li għalqet fil-15 ta’ Settembru. Kull applikazzjoni f’din l-iskema issa hija fid-diskrezjoni tal-kumpanija li jiddeċiedu jekk jaċċettawx l-applikazzjoni kif ukoll b’effett minn meta tibda tapplika. Ninsab infurmat ukoll li kemm il-Bank Ċentrali kif ukoll l-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji jħaddmu skema msejħa ‘Voluntary Severance Scheme’. Skond din l-iskema l-Bank Ċentrali jista’ ma jilqax l-applikazzjoni. Minn meta din l-iskema ġiet imnedija, il-Bank laqa’ 7 applikazzjonijiet. Meta twaqqfet l-MFSA fis-sena 2002, 22 impjegat tas-CBM ġew trasferiti għal ma’ din l-Awtorita’. Dawn ġarrew magħhom l-iskema imsemmija hawn fuq. Skond din l-iskema l-impjegat ikun intitolat għal tlett snin salarju. Mit-22 impjegat, s’issa wieħed biss għamel użu minn din l-iskema.

Qrati — Sewqan taħt l-effett tax-xorb

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni ttellgħu l-qorti fuq drink driving din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' l-2006, kien hemm 91 sewwieq/a li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dawn kollha, 58 kellhom riżultat pożittiv, filwaqt li 27 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. F'kull każ qed jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti skond il-liġi. Għalkemm 91 sewwieq/a irriżulta li t-test tagħhom kien posittiv, in-numru ta' verifiki li saru hu akbar.

ETC — Persuni 'il fuq minn 61 sena

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni 'il fuq minn 61 sena li għadhom jaħdmu u x'tip ta' xogħol jagħmlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f’Marzu 2006, kien hemm 4,422 persuna ‘il fuq minn 61 sena jaħdmu. Hawn taħt issib tabella li turi x-xogħol li kienu qed jagħmlu. Occupation Total Armed forces 4 Clerks 286 Crafts and related trade workers 350 Elementary Occupations 882 Legislators, Senior Officials and Managers 936 Plant and machinery operators and assemblers 309 Professionals 637 Service Workers and shop and market sales workers 484 Skilled agriculture and fishery workers 208 Technicians and Associate Professionals 326 Total 4422 Nixtieq ninforma lil Onorevoli interpellant, li l-aħħar statistika ippublikata hi dik ta’ Marzu 2006.

Importazzjoni ta' Armi tan-Nar

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew importati armi tan-nar din is-sena s'issa u x'tip kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar u t-12 ta’ Settembru 2006 ġew importati 1,847 armi tan-nar, kif jidher hawn taħt: Pin fire revolver 3 Matchlock pistol 10 Machine gun 3 Air pistol 95 Air rifle 366 Mortar 1 Sub machine gun 1 Carbine 10 Matchlock musket 10 Percussion cap pistol 3 Muzzlegun 1 Percussion revolver 2 Flare pistol 3 Pepper box revolver 1 Shotgun 446 Revolver 89 Pistol 379 Flintlock musket 5 Rifle 403 Percussion musket 2 Paintball gun 8 Flintlock pistol 6

Importazzjoni ta' Vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew importati vetturi bil-mutur, sena b'sena fl-aħħar ħames snin? X'tip kienu u kemm swew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm distinzjoni bejn importazzjoni ta’ vettura u reġistrazzjoni ta’ vettura. L-Awtorita' iżżomm informazzjoni dwar vetturi reġistrati. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika preċiżament l-informazzjoni li għandu bżonn minħabba l-fatt li din it-talba hi tant estensiva li mhux vijabbli li tinġabar.

Għalliema Barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn għalliema barranin jaħdmu mal-gvern illum u x'suġġetti jgħallmu? Minn liema pajjiż ġejjin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li m'hawn l-ebda għalliema barranin jaħdmu mal-gvern fis-settur pimarju u sekondarju ta' l-iskejjel ta' l-Istat.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' persuni li għandhom applikazzjoni pendenti għall-housing soċjali bħalissa u kemm inqdew din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li wara reviżjoni li għamel id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali dwar l-applikazzjonijiet li kellu pendenti, preżentement hemm 2,179 talba pendenti. Ninsab infurmata wkoll li matul din is-sena, s'issa, ġew allokati 66 post u kien hemm 21 persuna li ġiet rikonoxxuta bħala l-inkwilin tal-post li kienet diġa' tabita fih. Dan minbarra numru ta' każijiet ta' persuni li ġew moqdija billi ġew riferuti biex jibbenefikaw minn skemi u l-inizjattiva tal-Care and Repair ta' l-Awtorita' tad-Djar.

WSC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom is-servizzi ta' l-ilma u/jew tad-dawl maqtugħa għax ma ħallsux il-kontijiet dovuti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-11 ta' Awissu 2006, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kellha 315 il-servizz domestiku tad-dawl u 353 il-servizz domestiku ta' l-ilma sospiżi. L-Enemalta ma żżomx din it-tip ta' informazzjoni.