Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista — Baċir Nru 1
Question
Peress li fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista hemm li Baċir Numru 1 isir attrazzjoni u peress li f'risposta għal domanda parlamentari numru 341 ir-risposta kienet li l-Gvern għadu qed jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar l-użu ta' l-istess baċir, jista' l-Ministru jgħid x'hemm eżattament ipprogrammat dwar il-futur ta' dan l-istess baċir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Gvern għadu ma wasalx għall-konklużjonijiet tiegħu.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Bini ta' dar għall-anzjani f'Bormla
Question
Jista'l-Ministru jgħid x'kienu l-kundizzjonijiet marbuta mal-bdil ta' biċċa art fl-area fejn qed tinbena d-dar ta' l-anzjani f'Bormla? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ffirmat bejn il-Gvern u l-Knisja għal dan l-istess bdil?
Response (BORG, TONIO)
Il-kundizzjonijiet marbuta mal-bdil ta' biċċa art fl-'area' fejn qed tinbena d-dar ta' l-anzjani f'Bormla huma dawk li jidhru fil-kuntratt bejn il-Knisja u l-Gvern li jġib id-data tas-6 ta' Awissu, 1997, u li tiegħu qiegħed inpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra.
18.11.98
Jista' l-Ministru jsemmi x'passi se jieħu sabiex talba tal-Kunsill Lokali li saret f'Marzu ta' l-1998 sabiex jinżabru s-siġar ta' Triq is-Sur fl-Isla titwettaq?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma hemm l-ebda rekord ta' din it-talba ġol-files tad-Dipartiment. Minkejja dan in-nuqqas, dan l-ilment ġie mgħoddi lis-sezzjoni taż-żbir tas-siġar sabiex ix-xogħol jiġi mwettaq fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jsemmi jekk sarux talbiet minn xi entitajiet lill-Malta Drydocks sabiex l-ex-stamperija tagħhom, li tinsab fis-swar ta' San Mikiel fl-Isla, tkun mgħoddija lilhom għal xi użu ieħor? X'inhi l-pożizzjoni tat-Tarzna dwar dan?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Kunsill Lokali ta' l-Isla għamel talba lill-Malta Drydocks dwar dan is-sit.
Peress li bħalissa t-Tarzna għaddejja minn stadju ta' ristrutturazzjoni intenna għadu kmieni biex wieħed jasal għal xi konklużjoni.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni jekk hemmx ħsieb li l-iskola primarja ta' l-Isla tkun ri-allokata jew sarux xi diskussjonijiet mal-Malta Drydocks bil-għan li l-istudenti ma jibqgħux jiġu effetwati mill-grit blasting, issa li l-Baċir Nru. 3 reġa' beda jintuża?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Malta Drydocks qed tintalab biex, kemm jista' jkun, ma jsirx grit blasting fil-ħinijiet ta' l-iskola fil-baċir numru 3, issa li qed jerġa' jiġi attivat. L-Onor. Interpellant japprezza li mhux faċli tirrialloka l-iskola primarja ta' madwar 340 tifel u tifla biex tevita l-inkonvenjent u fl-istess ħin tħalli lit-tfal qrib l-Isla.
Ninsab informat li riċentement saru xogħlijiet ta' blasting taħt is-swar ta' l-Isla. Jista' l-Ministru jikkonferma li dawn ix-xogħlijiet saru bis-sistema l-ġdida msejjħa slurry blasting u jekk fl-affermattiv, għalfejn twaqqaf ix-xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fis-26 u 27 ta' Ottubru 1998 sar xogħol ta' blasting u l-proċess użat kien dak magħruf bħala 'slurry blasting'.
Ix-xogħol twaqqaf wara lmenti li saru għalkemm uffiċjal tat-Tarzna li kien preżenti waqt ix-xogħol ma innota l-ebda inkonvenjent.
Jista' l-Ministru jsemmi xi progress sar sabiex parti minn Triq is-Sur fl-Isla titwessa, wara li l-Kunsill Lokali ħejja l-pjanti u ġab il-permessi neċessarji iktar minn sena ilu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dan ix-xogħol qed isir mill-Kunsill Lokali, u għalhekk hu dan il-Kunsill li għandu responsabilta tax-xogħol.
Jista' l-Prim Ministru, bħala l-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali, jinforma f'liema stadju waslet it-talba tal-Kunsill Lokali ta' l-Isla għall-uffiċċju adegwat fi Triq San Gużepp l-Isla?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-24 ta'
Diċembru 1997, il-Kunsill Lokali Isla kien għamel talba
formali lid-Dipartiment responsabbli biex post pubbliku
fi Triq San Ġuzepp, Isla jiġi wżat bħala l-uffiċċji
amministrattivi tal-Kunsill.
Ma jidhirx li sar wisq progress dwar it-talba mill-
amministrazzjoni preċedenti. Sa nara kif it-talba tiġi
mistħarrġa f'qasir żmien.
Jista' l-Ministru jikkonferma li qed tinġabar informazzjoni dwar l-interess ta' residenti tal-binja Dockyard Terrace fl-Isla, fejn qed jiġu mitluba jekk humiex lesti li joħorġu mill-post tagħhom għal somma ta' flus jew tpartit ta' bini bil-għan aħħari li din tkun trasformata f'lukanda? X'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru, fl-eventwalita' li jkun hemm talba formali minn xi persuna li tkun trid tagħmel użu kummerċjali minn dan il-post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali ma kellu x'jaqsam xejn ma xi inizjattiva tat-tip indikata mill-Onor. Membru fil-Mistoqsija tiegħu.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Membru li l-Ministeru tiegħi ma jħossx li għandu jieħu pożizzjoni fuq sitwazzjoni ipotetika.
16.11.98
Jista' l-Ministru jsemmi għal-liema raġunijiet id-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart u Implimentazzjoni ta' l-Istrateġija qed jitfa' offerti għoljin fil-Kunsilli tal-Kottonera għal kuntratti tal-knis tat-toroq u l-latrini pubbliċi? Jista' l-Ministru jagħti l-figuri għal kull offerta mitfugħa bejn l-1995 u l-1998 minn dan id-Dipartiment għal kuntratti maħruġa mill-Kunsilli tal-Kottonera? Jista' l-Ministru jsemmi n-numru ta' impjegati ta' dan id-Dipartiment li kienu jaħdmu fil-Kottonera fl-1994 u x'inhi l-pożizzjoni llum u kemm-il kuntratt kellu f'idejh fl-1995 u kemm għandu llum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar. Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għalfejn id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura tefa' offerta ta' 320% għola fl-offerta għall-kuntratt tat-tindif u l-manutenzjoni tal-ġonna pubbliċi maħruġa mill-Kunsill Lokali ta' l-Isla? L-offerta ttieħdet minn dan id-Dipartiment? U jekk le, hemm xi raġuni oħra minbarra ż-żieda fil-prezz?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura tefa' offerta wara li saret evalwazzjoni tax-xogħol involut kif titlob is-sengħa. L-offerta ma ġietx mirbuħa mid-Dipartiment. Il-kunsill ħass li l-offerta tad-Dipartiment kellha tiġi miċhuda għax id-Dipartiment għamel xi korrezzjonijiet fid-dettalji tal-offerta kif ħarġet. Ma nistgħax ngħid jekk kienx hemm xi raġunijiet oħra.
Jista' l-Ministru jsemmi f'liema stadju jinsab il-proġett għall-bini ta' appartamenti fi Triq San Filippu, l-Isla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proġett fi Triq San Filippu l-Isla qiegħed fl-istadju li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qed tipproċessa l-applikazzjoni għal permess tat-twaqqiegħ u rikostruzzjoni ta' dan il-bini.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li post magħluq fil-pussess tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, fi Triq Santa Katerina, l-Isla, hux se jinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku wara li dan kien ingħalaq fl-1993 u jekk fl-affermattiv, meta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Huwa l-ħsieb ta` l-post indikat mill-Onorevoli Interpellant jinfetaħ bħala Uffiċċju Distrettwali tas-Saħħa kemm jista` jkun possibbli fil-viċin futur.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-29 t'Ottubru 1998, dan il-Ministeru tramite id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, kien informa lis-Segretarju tal-Kunsill ta` l-Isla li l-post Nru. 2, Triq Santa Katerina, Senglea, għandu jiġi utilizzat bħala Uffiċċju Distrettwali tas-Saħħa għall-popolazzjoni ta` l-Isla.
Kopja ta` l-ittra bid-data tad-29 t'Ottubru 1998 mibgħuta lis-Segratarju tal-Kunsill Lokali ta` l-Isla qiegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se tibbenefika mill-miżura dwar il-pensjonijiet tas-servizzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi l-persuna minnhu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li qed tirċievi. Saret stima mill-ġdid bl-aħħar emendi li kien hemm f'Ottubru tan-1997 (Miżura dwar il-pensjonijiet tas-servizz).
11.11.98
Jista' l-Ministru jara li Triq Papa Alessandru, f'Ħaż-Żabbar tingħata kisja tarmak għaliex tinsab fi stat verament diżastruż?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li din it-triq għadha qatt ma' ġiet asfaltata u għalhekk minħabba l-ħafna xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet rigward il-Baċir Nru. 1? Meta se tittieħed deċiżjoni sabiex vapuri ma' jissewwewx aktar f'dan il-Baċir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 341.
Irrid inżid li deċiżjoni dwar il-Baċir tittieħed fiż-żmien opportun.
Jista' l-Ministru jara li jiġi rranġat id-dawl tal-ground tal-Fortini, fil-Birgu għax minbarra l-fatt li d-dawl mhux jixgħel hemm ukoll xi ħsarat fl-iswitchboard?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Club tal-Vittoriosa Stars tal-Birgu kien ġie mitlub jissottometti stima tax-xogħlijiet meħtieġa biex tissewwa l-ħsara imsemmija. Wara tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar x'għajnuna jista' jipprovdi l-Gvern biex ix-xogħol meħtieġ ikun jista' jsir.
Jista' l-Ministru jara li jinbnew żewġ dressing rooms fil-ground tal-Fortini, fil-Birgu għax l-uniku post fejn wieħed jista' jbiddel huwa container antik? Jikkonsidra l-Ministru li dan il-każ jingħata attenzjoni speċjali peress li ilhom isiru diskussjonijiet sa mill-1995 bejn l-awtoritajiet u l-kumitat tal-Vittoriosa Stars?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Gvern kien diġa' beda diskussjonijiet mal-Club tal-Vittoriosa Stars dwar il-bini tad-dressing rooms fil-ground tal-Fortini. Kien hemm diversi suġġerimenti dwar is-sit ta' dawn id-dressing rooms iżda kien hemm oġġezzjonijiet mir-residenti li joqogħdu fil-viċin. Il-Club kien ġie mitlub jissottometti pjanti ta' dak li qed jipproponi iżda sa' llum għadu ma kienx hemm risposta.