Jista' l-Ministru jara li jinqatgħu s-siġar li hemm fi Triq Alessandra, Bormla, peress li qed ikunu ta' inkonvenjent?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iż-żbir ta' siġar f' din il-lokalita' jaqa' direttament taħt ir-responsabilita' tal-Kunsill Lokali ta' Bormla. Għalhekk l-Onor. Interpellant huwa mitlub jindirizza t-talba tiegħu lill-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għadhom ma rċevewx l-arretrati dovuti mill-Ftehim Kollettiv? Meta hemm il-ħsieb li jkun irċevihom kulħadd?
Response (DALLI, JOHN)
Id-Dipartiment tat-Teżor awtorizza l-ħlas ta` arretrati skond kif stabbilit mill-Ftehim Kollettiv lil kull kategorija ta` Uffiċjali Pubbliċi \ Impjegati tal-Gvern li għan-nom tagħhom saret talba f`dan ir-rigward mid-dipartimenti konċernati u liema ħlas kien ukoll konfermat mill-Uffiċċju tal-Management u Personnel fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Infakkar ukoll lill-Onor Interpellant li jekk jaf b`xi każ partikolari fejn il-ħlas ta` arretrati għadu ma sarx jgħarraf b`dan lid-Dipartiment tat-Teżor ħalli l-każ ikun jista` jiġi investigat.
Peress li f'Xatt ir-Risq, il-Birgu, qed ikun hemm ħafna laneċ tas-sajd li qed ikollhom ġeneraturi jaħdmu u peress li dawn qed joħolqu inkonvenjent għar-residenti li joqogħdu viċin, jista' l-Ministru jintervjeni sabiex dan l-inkonvenjent jispiċċa?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat minħabba li din hi kwestjoni ta' irmiġġ.
22.02.99
Jista' l-Ministru jara li tintlaqa' t-talba ta' numru ta' residenti fi Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, il-Birgu, sabiex parti minn din it-triq issir "no entry" liema talba saret ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Birgu lill-bord tal-kontroll tat-traffiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontrol tat-Traffiku approva t-talba tal-Kunsill Lokali tal-Birgu biex isiru `No Entry` signs fi Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur fit-18 ta` Novembru 1998.
Jikkonferma l-Ministru li l-għalliema tal-Junior Lyceum ta' Verdala, Bormla ressqu diversi lmenti dwar nuqqasijiet li hemm fl-istess skola? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma t-talbiet tal-għalliema u meta jew jekk hux se jintlaqgħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ilmenti li qed jagħmlu l-għalliema ta' l-iskola G. Despott J.L. Verdala se jiġu diskussi ma' l-istess staff mill-awtoritajiet tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li fl-iskola tal-Junior Lyceum ta' Verdala hemm nuqqas ta' siġġijiet, imwejjed u bins fil-klassijiet? Jista' jgħid ukoll jekk hux minnu li hemm ħafna neon tubes maqtugħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhuwiex minnu li fl-iskola tal-Junior Lyceum tal-Verdala hemm nuqqas ta' siġġijiet, imwejjed u bins fil-klassijiet. Kif, m'huwiex minnu li hemm ħafna neon tubes maqtugħa, għalkemm huwa fatt li hemm xi ftit min dawn in-neon tubes li m'humiex qed jiffunzjonaw. Qed jittieħdu l-passi sabiex dawn in-neon tubes jiġu mibdula b'oħrajn ġodda.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tintlaqa' it-talba kemm tal-Kunsill Lokali Birgu kif ukoll tal-Vittoriosa Stars F.C. sabiex jinbnew xi dressing rooms fil-ground tal-Fortini?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif kont diġa' għedt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 699 il-Club tal-Vittoriosa Stars kien ġie mitlub jissottometti pjanti tax-xogħol propost. Dan l-aħħar is-Segretarju Parlamentari kellu laqgħa fuq il-post ma' uffiċjali tal-Club u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali. Il-Club reġa' impenja ruħu li jibgħat dawn il-pjanti. Wara tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar x'tip ta' għajnuna tista' tingħata mill-Gvern.
Jista' l-Ministru jispjega fejn wasal ix-xogħol fuq id-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li tilqa' fiha l-ewwel residenti? Kif se ssir l-għażla tan-nies li jridu jidħlu fiha, jiġifieri hux se tingħata preferenza lill-applikanti mill-Kottonera?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar fejn wasal ix-xogħol fid-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 4315.
Hu maħsub li x-xogħol ikun lest għal ħabta t'Awwissu/Settembru 1999 u mbagħad jidħlu r-residenti. L-applikanti li huma mill-Kottonera normalment ikollhom preferenza għad-dħul f'din id-Dar.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux xi share mill-Malta Film Studios? Jekk fin-negattiv jista' jgħid jekk il-Gvern qattx kellu share mill-MFS; ta' kemm persentaġġ kien u meta spiċċa dan ix-shareholding?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Gvern m'għandux shares mill-Malta Film Studios.
Il-Gvern kellu shareholding ta' mija fil-mija fil-Mediterranean Film Studios qabel dawn inbiegħu fit-3 ta' Ottubru 1995.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li t-toroq fl-area tal-flats il-ġodda ta' Santa Liena, Bormla jiġu mtejba peress li qed joħolqu nkonvinjent għar-residenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jonqsu l-ħsarat li qed isiru kemm fis-sistema ta' l-ilma kif ukoll tad-drenaġġ fl-area ta' St.Margerita Bormla? Jista' jgħid x'qiegħed jikkawża dawn il-ħsarat spissi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ħsarat li saru fid-drenaġġ saru mill-kuntratturi li qed jagħmlu xogħol ta' bini fil-viċin.
Barra minn hekk il-ħsarat huma fil-connections u mhux fil-main sewer.
Qed jittieħdu passi biex din il-ħsara tissewwa.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiftaħ il-Job Centre ta' Bormla? Jista' l-Ministru jgħid meta ġie iffirmat il-kuntratt mal-Banda San Ġorġ sabiex l-ETC tagħmel użu minn parti mill-każin ta' l-istess banda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk ma jinqalgħux xi ntoppi mprevvisti, ir-'Regional Job Centre' ta' Bormla għandu jaqbad jiffunzjona fil-bidu ta' April 1999.
Il-kuntratt bejn l-ETC u l-banda San Ġorġ sabiex l-ETC tagħmel użu minn parti mill-każin ta' l-istess banda ġie ffirmat nhar it-Tlieta 25 ta' Awissu 1998.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm trid tkun ilha Malta persuna fi stat ta' refuġjat sabiex tkun tista' taħdem? Biex jgħixu dawn il-persuni li lanqas permess ma jaħdmu ma jkollhom? Kemm hawn refuġjati Malta? Kemm ilhom Malta?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-refuġjati huma fl-istess pożizzjoni ta' barranin oħrajn li jitolbu permess għax-xogħol.
Għaldaqstant jekk issir applikazzjoni għall-ħruġ ta' liċenzja ta' impjieg lill-persuna li tkun ingħatat 'refugee status', din tista' tintlaqa' favorevolment jekk ix-xogħol involut ikun speċjalizzat, ma jkunx hemm Maltin biex jagħmlu dan ix-xogħol u l-persuna jkollha r-rekwiżiti meħtieġa.
Tajt struzzjonijiet biex f'dan il-każ il-persuna konċernata xorta waħda tibqa' żżomm l-istatus ta' refuġjat, jiġifieri, ma jkollhiex għalfejn tirrinunzja għal dan l-istatus, kif kien isir qabel.
Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hu l-Uffiċċju ta' l-UNHCR li jieħu ħsieb l-interessi ta' refuġjati f'Malta.
09.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti fl-Isptar Monte Carmeli li għandhom applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva mad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi hemm 4 applikazzjonijiet pendenti minn persuni residenti fl-Isptar Monte Carmeli.
9.2.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm inkjesti maġisterjali pendenti li għadhom ma għalqux? Għal-liema maġistrat jappartjenu l-akbar numru ta' inkjesti li għadhom ma għalqux?
Kemm inqatgħu kawżi ċivili quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bejn Novembru 1997 u Novembru 1998 fil-perijodu bejn l-1995 u 1996? Kemm inqatgħu sentenzi mill-Prim Awla, Qorti ta' l-Appell Ċivili għall-istess perijodi?
Kemm saru u nqatgħu ġurijiet matul l-istess perijodi msemmija? Kemm ingħataw deċiżjonijiet kriminali ta' kompetenza ta' aktar minn sitt xhur ħabs għall-istess perijodi u kemm hemm minnhom li ilhom diferti għas-sentenza għal aktar minn tliet snin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija
għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
L-informazzjoni l-oħra hija nkluża fid-dokumenet li qed
inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.