Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna tispiċċa mix-xogħol wara aktar minn 25 sena servizz iżda jkollha anqas minn 61 sena, hijiex intitolata sabiex tieħu unemployment benefits?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuna li tkun reġistrata taħt l-Ewwel Taqsima tar-Reġistru miżmum skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Att dwar is-Servizzi ta' Impieg u Taħriġ ikollha dritt għal benefiċċju tad-disimpieg jekk:
a. tkun ħallset aktar minn 50-il kontribuzzjoni bħala persuna mpjegata (ta' l-Ewwel Klassi)
u
b. li tkun ħallset jew kellha akkreditati mhux anqas minn għoxrin kontribuzzjoni ta' l-Ewwel Klassi għall-aħħar sentejn sħaħ ta' kontribuzzjoni tagħha qabel il-bidu tas-sena ta' benefiċċju.
3.5.99
Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed nibgħathom separatament, tkun tista' tibda tirċievi l-pensjoni wara li ilha li għalqet il-61 sena aktar minn xahrejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi l-pensjoni tal-persuna minnu ndikata issa waslet biex tiġi ffinaliżżata u għandha tirċievi ċ-ċekk fi ftit ġranet oħra. Dan id-dewmien seħħ minħabba illi t-taqsima tal-pensjonijiet kellha tiġbor xi nformazzjoni minn għand l-ex employer tal-persuna msemmija. Dan it-tagħrif issa wasal. Irrid inżid ngħid illi l-istess persuna se tiġi wkoll infurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li sejra tirċievi.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bars u restaurants f'Malta li għandhom permess li joħorġu mwejjed fuq barra quddiem il-ħwienet tagħhom? F'liema lokal qegħdin? Kemm-il mejda jista' joħroġ kull ħanut? Kemm jitħallas ta' kull mejda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, skond ir-Regolamenti ta' l-1997 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Pulizija, it-tariffa għat-tqegħid ta' mejda b'mhux iżjed minn erba` siġġijiet fuq art pubblika, hija ta' Lm5 fis-sena.
03.05.99 (p.m.)
Peress li x-xogħol fuq il-proġett ta' Pjazza Sta. Margerita, Bormla jidher li beda mill-ground ta' l-iskola, jista' l-Ministru jgħid jekk dan huwiex se jkun lest sakemm tibda sena skolastika oħra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol inbeda mill-ground ta' l-iskola minħabba li kien jeħtieġ li jinfetaħ aċċess ġdid għall-parkeġġ tal-karozzi. It-tender tal-ġibjun li se jinbena fil-ground ġiet pubblikata nhar l-Erbgħa 28 ta' April 1999. Dan ix-xogħol mhux mistenni li jitlesta sa Settembru ta' din is-sena, iżda ser isir kull sforz biex l-inkonvenjent lill-iskola ikun mill-anqas possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies impjegati ġodda mal-Malta Freeport Corporation? Minn liema lokalita' ġejjin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Onorevoli Interpellant ma ndikax xi perjodu partikolari, qed nillimita t-tweġiba għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999.
Fl-imsemmi perjodu ġew impjegati 12-il persuna mal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles. Dawn ġejjin wieħed minn kull wieħed minn dawn il-postijiet Ħad-Dingli, il-Gżira, Wied il-Għajn, Paola, tas-Sliema u Ħaż-Żebbuġ u tlieta minn Ħal-Qormi u tlieta oħra minn Valletta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ħafna persuni li għandhom appartament bil-kera tal-gvern f'dawn l-aħħar ġranet irċevew ittra li nfurmathom li l-kera kienet se tiżdied f'xi każi anke b'erbgħa darbiet aktar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li x-xogħol dwar ir-reviżjoni tal-kera kien tlesta qabel l-elezzjoni ġenerali tal-5 ta' Settembru, 1998, iżda l-inkwilini ma ġewx infurmati bir-reviżjoni. Wara l-elezzjoni ġenerali ħarġu ittri mid-dipartiment biex kulħadd ikun infurmat bir-reviżjoni li saret.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-relazzjoni li għandu l-Foreign Office ma' l-aġenzija tal-Ġnus Magħquda, partikolarment ma' l-UNCITRAL?
Response (BORG, JOE)
Bħala membru tan-Nazzjonijiet Uniti Malta hija awtomatikament membru ta` l-Aġenzija tagħha l-UNCITRAL.
L-UNCITRAL taħdem favur l-armoniżazzjoni tal-liġi tal-Kummerċ tal-pajjiżi kollha membri tagħha. Għal dan il-għan Malta regolarment tiġi mistiedna tipparteċipa f`konferenzi dwar diversi aspetti tal-Kummerċ internazzjonali, fosthom l-'electronic commerce', li Malta qed issegwi b`interess.
L-UNCITRAL kienet ukoll ta` għajnuna għal Malta fl-aħħar snin fil-preparazzjonijiet għat-twaqqif tal-'Malta International Arbitration Centre' li għandu jinfetaħ aktar tard din is-sena.
Jista' l-Ministru jara fiex waslet l-applikazzjoni għal sussidju quddiem l-Awtorita' tad-Djar bin-numru HAN 92/98, peress li jidher li kien hemm xi nuqqas ta' ftehim?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Deċiżjoni finali dwar din l-applikazzjoni ser tiġi komunikata lill-applikant fi ftit tal-ġranet oħra.
3.5.99
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5531?
Response (BONNICI, JOSEF)
Iż-żewġ Ministri preċedenti msemmija fil-mistoqsija ma tantx jidhru li taw valur lill-konklużjonijet ta' l-investigazzjoni tal-MSU, illum il-MITTS.
Il-pjanijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma dwar ir-riorganizazzjoni tas-sistema ta' l-informatika tagħha, illum imorru 'l bogħod minn dak li jidher li kien maħsub qabel.
Jista' l-Ministru jgħidilna fejn irridu nirrapportaw bozoz tat-triq maqtugħa? Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għaliex bozza ħdejn Block 6B, San Gwann t'Għuxa, Bormla ilha fuq ħames ġimgħat maqtugħa u dan minkejja li ġiet rapportata minni stess għal darba darbtejn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Biex tinbidel bozza tat-triq li tkun inqatgħet, wieħed jista' jirraporta jew fl-uffiċċju distrettwali partikolari tal-Korporazzjoni Enemalta, inkella fis-Sezzjoni ta' l-istreet Lightning tal-Korporazzjoni fil-Marsa.
Rigward il-bozza imsemmija, jiena nfurmat li din inbidlet.
Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li jsir xi ħaġa sabiex dawk il-persuni li għandhom post tal-gvern mibni fuq art akkwistata b'possession and use ikunu jistgħu jsiru sidien ta' darhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li l-art li qegħda fil-pussss tal-Gvern taħt it-titolu ta' 'Possession & Use' hija amministrata mill-'Lands Department', il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministru responsabbli minn dak id-Dipartiment.
3.5.99
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li f'Sant'Anġlu l-Birgu fejn hemm il-bini magħruf bħala Taċ-Ċiniżi, qed ikun hemm żbroff tad-drenaġġ fil-baħar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li jirrizulta li hemm imblokk fis-sistema privata tad-drenagg tal-bini magħruf bħala taċ-Ċiniżi u d-dipartiment tas-Saħħa bagħat avviz bil-miktub sabiex jitneħħa dan l-imblokk. L-Onor. Interpellant jista' jitlob aktar informazzjoni mingħand il-Ministru tal-Ambjent.
Għaqda ta' Persuni b'Diżabilita' — Ċentru f'Bormla
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li l-fergħa ta' l-Għaqda ta' Persuni b'Diżabilita' ta' Bormla jkollhom dar sbaiex isservi ta' ċentru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-suġġett diġa ġie diskuss ma l-għaqda msemmija. Mhux faċli daqs kemm wieħed jixtieq li tinstab soluzzjoni bħal din u dan għal raġunijiet li huma ovvji għal dawk kollha li qed ifittxu akkomodazzjoni alternattiva. Madanakollu l-Ministeru jibqa miftuħ għal soluzzjonijiet raġjonevoli.
28.4.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li fil-Fgura ikun hemm venda tal-karozzi tal-linja? X'qed isir sabiex in-nies tal-Fgura jkunu moqdija aħjar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mhux possibbli li għalissa ssir venda tal-karozzi tal-linja fil-Fgura. Madanakollu se jibqgħu jsiru sforzi biex ikunu solvuti problemi li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien fir-rigward tas-servizz tal-karozzi tal-linja fil-Fgura.