Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kellha tkun l-ispiża għall-bini u tlestija tad-dar ta' l-anzjani f'Bormla? Jista' jgħid ukoll kemm se tkun l-ispiża finali ta' dan il-proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-aħħar stima ta' l-ispiża totali għall-proġett tad-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla kienet ta' madwar Lm2.5 miljuni. Għalissa mhux possibbli li wieħed jgħid kemm se tkun l-ispiża finali ta' dan il-proġett. 8.6.99
Leg 9 PQ #7454 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Ħwienet miksija bl-aluminium

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jittieħdu ċerti deċiżjonijiet sabiex isiru enforcements sabiex faċċati ta' ħwienet miksija bl-aluminium, li jkunu ilhom hekk għal ħafna snin, jerġgħu jinġiebu fl-istat oriġinali? Għaliex ħanut toħroġlu enforcement u ieħor fl-istess lokal le?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ma tagħmilx distinzjoni bejn faċċati ta' ħwienet jew faċċati oħra miksija bl-aluminium. F'kull każ fejn, wara l-1988, sar jew isir xi xogħol ta' aluminium fuq il-faċċati u jkun hemm provi li dan ix-xogħol sar mhux skond il-permessi approvati u mhux skond id-DC 1/88 (Kundizzjonijiet ta' Żvilupp maħruġa fl-1988) jittieħdu passi skond l-Att I ta' l-1992 sabiex ir-regolamenti jiġu osservati. Fejn ix-xogħol ta' aluminium ikun sar wara l-1988 skond kif approvat ma jkunx hemm lok ta' xi forma ta' azzjoni. F'kull każ ieħor fejn ix-xogħol ikun sar qabel il-ħruġ tad-DC 1/88, meta ma kienux joħorġu kundizzjonijiet ad hoc dwar aluminium, jitqies li ma kienx jirrikjedi permess u allura ma jittieħdux passi.
Leg 9 PQ #7464 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Postijiet fuq art possession and use

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7191?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7191 ingħatat f'Seduta 114.

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn min ittieħdet id-deċiżjoni sabiex id-dar ta' l-anzjani f'Bormla jkollha l-faċċata miżbugħa kulur oranġjo skur? Jidhirlu l-Ministru li dan il-kulur ma tantx imur ma' post bħal Kottonera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kuluri li qed jintużaw fuq il-faċċata tad-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla intagħżlu mill-perit ta' dan il-proġett u ġew approvati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Dawn il-kuluri għandhom l-intenzjoni li jsebbħu u jqajjmu ftit l-ambjent u jaqblu ma l-irranġar tal-ġnien li hemm quddiem id-dar. 8.6.99
Leg 9 PQ #7446 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Kottonera - Każijiet ta' enforcement

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'każijiet ta' enforcement hemm fit-tlett ibliet tal-Kottonera mill-awtorita' ta' l-ippjanar? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi guidelines stabbiliti dwar x'jista' jsir u x'ma jistax isir f'dawn l-ibliet, konness ma' faċċati ta' djar, ħwienet u aperturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-każijiet ta' enforcement mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar fit-tlett ibliet tal-Kottonera huma dwar : Alterazzjonijiet - 31 Addizzjonijiet - 32 Garaxxijiet - 7 Air Conditioners - 2 Dish antenna - 1 Ninsab infurmat ukoll li kien hemm 61 każ ieħor illi ġew regolarizzati mis-sidien stess u għalhekk dawn il-każijiet huma magħluqa. Għalkemm ma hemmx guidelines speċifii għal dawn l-ibliet, il-gwidi għaċ-ċentri storiċi (village cores), li huma ppublikati, japplikaw ukoll għal dawn l-ibliet. Dawn il-guidelines japplikaw għall-iżvilupp fl-Urban Conservation Areas. Hemm ukoll design guidelines dwar faċċati ta' ħwienet. Ta' min jgħid ukoll li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar għandha skema dwar il-bdil ta' gallariji ta' l-injam fil-Kottonera. Hemm il-ħsieb li din l-iskema 'l quddiem tinfirex għal areas oħra.
Leg 9 PQ #7447 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarzna — Mini

Question

Peress li jidher li ż-żewġ mini tat-Tarzna li jagħtu għall-Baċir Nru. 1 qed issirilhom grada, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li dawn il-mini jingħalqu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Id-deċiżjoni dwar x`ser isir għandha tittieħed mit-Tarzna.
Leg 9 PQ #7448 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Pjazza Sta. Margerita

Question

Jista' l-Ministru jagħti xi time frames dwar kif għandhom ikunu lesti fażijiet differenti tal-proġett ta' Pjazza Sta. Margerita, Bormla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ewwel fażi tal-proġett ta' Pjazza Santa Margerita tinkludi z-zona ta' quddiem id-dar ta' l-anzjani u l-parkeġġ, u x-xogħol huwa maħsub li jintemm f'Ottubru. Ix-xogħol imbagħad ikompli fix-Xgħajra, fil-parti ta' quddiem il-Kunsill Lokali, u fuq in-naħa ta' Santa Tereża. Ix-xogħol kollu fuq dan il-proġett mistenni jitlesta sa tard is-sena d-dieħla.

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Relatata mal-proġett tad-dar ta' l-anzjani f'Bormla, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex Triq San Ġużepp reġgħet inqalgħet riċentement?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Triq San Ġużepp inqalgħet reċentement sabiex jitpoġġew il-kanen ta' l-ilma. Dan huwa parti mill-proġett relatat mad-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla. Qed issir koordinazzjoni mal-Water Services Corporation sabiex dan ix-xogħol jitlesta malajr. 8.6.99
Leg 9 PQ #7450 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għall-facilitator fil-waiting list? Minn liema lokal huwa kull student li qed jitlob għall-facilitator u f'liema klassi qiegħed?

Response (GALEA, LOUIS)

Lista ta' talbiet għall-facilitator għat-tfal li għad iridu jiġu eżaminati mill-iStatementing Board ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #7190 Sitting 114 1999-06-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu liċenzji sa l-aħħar ta' Marzu, 1999 għal: a) ġarr ta' armi għall-kaċċa; b) insib; u c) arma biex tinżamm id-dar biss?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar il-ħlas tal-liċenzji speċifikati fil-Mistoqsija bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu, 1999, hu kif ġej : - għall-ġarr ta' armi għall-kaċċa 9,032 għal insib 2,785 għal arma biex tinżamm id-dar biss 13,309
Leg 9 PQ #7191 Sitting 114 1999-06-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Postijiet fuq art possession and use

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi ħaġa sabiex dawk il-persuni li għandhom post tal-gvern mibni fuq art possession and use ikunu jistgħu jixtruha?

Response (BORG, TONIO)

Sabiex il-Gvern ikun jista` jiddisponi minn postijiet mikrija, l-art li fuqhom jinsabu dawn il-postijiet trid tkun tal-Gvern b'titlu assolut. Fil-każi fejn l-art jew il-fondi li darba kienu eretti fuq din l-art, li ġew meħuda b'titlu ta' 'possession and use', il-proprjeta` tal-Gvern li tinsab fuq din l-art tista` tinbiegħ biss jekk is-sidien li kienu jipposjedu din l-art jew il-fondi li kien hemm, ikunu lesti li jaqilbu t-titlu għad-dominju pubbliku (public tenure) u kontestwalment ibiegħu l-kera tal-għarfien (recognition rent) lill-Gvern. Is-sidien li kellhom proprjeta` meħuda b'dan il-mod qegħdin jiġu mħajjra jagħmlu dan.

Dipartiment tal-Welfare — Użu ta' karozzi/mobile phones

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' ismijiet u gradi ta' persuni li għandhom dritt jagħmlu użu minn karozza u mobile imħallsa mill-gvern fid-Dipartiment tal-Welfare?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fid-Dipartiment tal-Welfare, jew aħjar id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Familja, id-Direttur jagħmel użu minn mobile imħallas mill-Gvern. Dwar użu ta' karozza imħallsa mill-Gvern, id-Direttur jagħmel użu minn karozza waħda, skond ir-regolamenti. Dwar karrozzi oħra mħallsa mill-Gvern, id-Dipartiment għandu sitt karozzi, tlieta "impressed" u tlieta tal-kiri, u dan għall-użu ta' l-istaff fil-qadi ta' dmirijiethom. 31.5.99
Leg 9 PQ #7285 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Triq Polverista - Tarmac

Question

Jista' l-Ministru jara li tingħata kisja tarmac jew concrete area fit-turf ta' Triq Polverista, Bormla, area li tagħti għal fuq il-ġibjuni li hemm fl-istess area?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġerilu li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali interessat.
Leg 9 PQ #7286 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Ġibjuni ta' Sta. Liena

Question

Jista' l-Ministru jara li tingħata tindifa ġenerali fl-area ta' madwar il-ġibjuni ta' Sta. Liena, Bormla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li għalkemm dawn il-ġibjuni qiegħdin fil-foss ta' swar u partijiet minnhom ma għandhom l-ebda aċċess, il-Ministeru ta' struzzjonijiet lid-Dipartiment ta' l-Immaniġjar ta' l-Iskart biex jara x'jista' jsir ħalli din l-area titnaddaf.
Leg 9 PQ #7287 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Abram Gatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri bl-istudenti ta' l-Iskola Abram Gatt, issa li jidher li ttieħdet id-deċiżjoni li din tispiċċa minn skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
Leg 9 PQ #7288 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Distrett Nru. 2

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif inhu ffurmat il-complement tal-pulizija għat-tieni distrett elettorali? X'ħinijiet qed jinfetħu l-għases fl-istess distrett?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' membri tal-Korp stazzjonati fil-lokalitajiet ta' dan id-distrett huma Supretendent, Spettur, tlettax-il surġent u sittin Kuntistabbli. Dan in-numru ma jkoprix il-Fgura, li tifforma parti minn Distrett tal-Pulizija, differenti. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li, l-għases ta' Bormla u ta' Ħaż Żabbar jinżammu miftuħa l-ħin kollu, filwaqt li ħlief għal dik ta' Wied il-Għajn li ma tinfetaħx, l-għases l-oħra tat-tieni distrett elettorali jinfetħu regolarment ħlief meta l-pulizija li jkunu ġewwa fl-għases jkunu meħtieġa fuq xi xogħol barra.
Leg 9 PQ #7289 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Birgu — DOE

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'hemm ipprogrammat għall-post magħruf bħala d-DOE fil-fortini l-Birgu? X'se jsir minn dan il-post?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-post li huwa taħt il-ġurisdizzjoni tat-Taqsima tax-Xogħlijiet se jibqa' jintuża bħala uffiċċju ta' l-istess Taqsima.
Leg 9 PQ #7187 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Kottonera — Yacht Marina

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi studju li sar (jekk sar) dwar dak li qal l-istess Ministru li yacht marina fil-Kottonera ma tirrendix?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Diġa' indikajt li dan hu l-parir li tat l-Awtorita' Marittima meta l-Gvern staqsa lill-istess Awtorita' riditx tagħmel l-investiment meħtieġ min-naħa tagħha.
Leg 9 PQ #7188 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Qbid ta' droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet maqbuda droga mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-lum? X'tip ta' droga kienet? Minn fejn inqabdet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar droga maqbuda bejn l-1 ta' Jannar, 1999, u d-19 ta' Mejju, 1999, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 24.05.99 (a.m.)