Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex reġa' inqala' ħafna madum fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' jgħid min hu responsabbli ta' dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fit-terrazzin ta' quddiem id-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla kellu jinqala ftit madum li kien għadu kif tpoġġa għax il-kuntrattur spiċċatlu dik il-kwalita' ta' madum.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnu l-ġebel taż-żonqor li bih kienet miksija Triq il-Konservatorju, Bormla? Għaliex dan iż-żonqor ma reġax tpoġġa? X'sar minnu, u x'se jsir minnu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li Triq il-Konservatorju ma kenitx miksija bil-ġebel taż-żonqor ħlief madwar xi tappieri tad-drenaġġ. Fejn kien hemm xi ġebel taż-żonqor, dan intrefa' mill-Kunsill Lokali ta' Bormla u mit-Taqsima tad-Dipartiment ta' l-Ambjent ġewwa Bormla wkoll.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-tifel li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament tneħħielu l-facilitator? Jista' jgħid ukoll meta se jerġa' jingħata s-servizz ta' facilitator?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan it-tifel għadu ma ġiex assessjat mill-Istatementing Board.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex persuni mid-Dipartiment tad-Djar marru jkejlu l-common parts f'uħud mill-appartamenti ta' San Ġwann t'Għuxa, Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn informazzjoni li nagħtatli, f'dawn il-blokki saru spezzjonijiet mill-Awtorita' tad-Djar, sabiex jiġi stabbilit jekk jistax jiġi nstallat lift f'dawn il-blokki skond skema ġdida li nieda l-Gvern Preżenti. Kif ukoll, saru spezzjonijiet oħrajn mid-Dipartiment għall-Bini u Manutenzjoni tad-Djar bħala parti minn "costing exercise" fuq xogħol ta' manutenzjoni li sar minn ħaddiema ta' dan id-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jara li l-Kappella ta' San Ġwann t'Għuxa, Bormla, isirilha dak ix-xogħol ta' restawr li hemm bżonn, peress li din il-kappella li tmur lura sas-sena 1640, qed isirulha ħafna ħsarat peress li issa ilha magħluqa għal ħafna snin?
Response (BORG, TONIO)
Ix-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ma jaqax taħt ir-responsabbilita` tal-Ministeru ta` l-Intern, u għalhekk nitlobu biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew approvati proġetti ta' investiment ġdid mill-MDC mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' jgħid ukoll, fil-każ ta' investiment barrani, minn liema pajjiż ġejjin?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir xi xogħol ta' resurfacing f'Bormla, il-Birgu, l-Isla, l-Kalkara, il-Fgura u x-Xgħajra? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawn it-toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Billi l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xogħol ta` `resurfacing` fil-lokalitajiet, nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu liċenzji tal-kaċċaturi u nassaba sa l-aħħar ta' Settembru mqassmin kif ġej:
a. kaċċatur mingħajr arma personali tiegħu li joħroġ għal kaċċa jħallas Lm12 biss; (b) kaċċatur li għandu l-arma biex iżomm u jġorr li jħallas Lm19 biss; (ċ) nassab li jonsob fiss li jħallas Lm6 biss; (d) kaċċatur u nassab li jħallas Lm25 biss; (e) kaċċatur ta' fuq il-baħar li jħallas Lm30 biss; (f) kaċċatur ta' l-art u ta' fuq il-baħar li jħallas Lm49 biss; (g) kaċċatur li jikkaċċja l-fenek salvaġġ biss li jħallas Lm5; (h) nassab tal-fenek biss li jħallas Lm6 biss; (i) kaċċatur li jikkaċċja fuq l-art, fuq il-baħar u jonsob li jħallas Lm55 biss; (j) kaċċatur li jikkaċċja fuq l-art, fuq il-baħar, jonsob għal għasafar u anke il-fenek salvaġġ li jħallas Lm60 biss; u (k) individwu biex iżomm l-arma biss li jħallas Lm7?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm hawn snieter irreġistrati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min jista' jibbenefika minn hearing aids? Jista' jgħid ukoll jekk it-tifla li kopja taċ-ċertifikat tagħha qed jintbagħtat separatament tistax tibbenfika minn għotja ta' hearing aid?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li huma ntitolati għall-`hearing aids'
1. It-tfal kollha u
2. Pazjenti bil-karta roża.
Ninsab infurmat li l-persuna konċernata ngħatat il-`hearing aids' neċessarji.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11102 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jikkonsidra l-Ministru li Triq R. Taylor, Bormla jsir "No Parking" għax qed toħloq inkonvenjent lir-residenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Kunsill Lokali ta` Bormla diġa ġie nfurmat mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex parti minn Triq Rikkardu Taylor isir `single yellow line` quddiem id-djar tar-residenti biex ma jipparkjawx karozzi u b`hekk jitneħħa l-inkonvenjent għar-residenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi xogħol ta' restawr minn xi diviżjoni fid-Dipartiment tal-Kultura fil-Knisja ta' Santa Tereża, Bormla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Kultura mhux responsabbli għar-restawr ta' Knejjes.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10294 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid kemm ġew ivvotati flus għall-Cottonera Rehabilitation Project mill-1996 sal-lum? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm mill-flus ivvotati ntnefqu għall-proġetti fil-Kottonera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fl-1996 ġew approvati Lm250,000 għall-Proġett ta' Riabilitazzjoni tal-Kottonera u ntefqu Lm100,725.65. Fl-1997 ġew ivvutati Lm225,000 iżda ġew riveduti għal Lm150,000 li minnhom intefqu Lm114,641.79. Fl-1998 u l-1999 il-voti tal-Kottonera kienu jagħmlu parti mill-vot għal proġetti ta' riabilitazzjoni. Fl-1998 kienu ġew approvati Lm400,000 li kienu ġew riveduti għal Lm700,000 u li minnhom Lm104,110.39 intefqu fil-Kottonera waqt li fl-1999 ġew ivvutati Lm600,000 li minnhom (sa l-aħħar ta' Ottubru) intefqu Lm20,749.49 fil-Kottonera.