Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu fl-Air Malta minn Settembru 1998 sa l-aħħar ta' Diċembru 1999? Jista' jgħid kemm hemm minnhom li għad m'humiex tal-post? Jista' jgħid ukoll jekk dawk li daħlu biex jaħdmu fis-sajf għadhomx hemm? Jekk fl-affermattiv, kemm għad hemm illum, f'Jannar jew Diċembru, li suppost daħlu għas-sajf biss meta jkun hemm load ta' xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-perjodu bejn Settembru 1998 u Dicembru 1999, l-Air Malta ingaggat 94 impjegat fuq bazi regolari u 392 ohra fuq bazi part-time temporanji (stagjonali). Sebgha u erbghin (47) minn dawn ta` l-ahhar ghadhom jahdmu mal-Kumpanija principalment biex jimlew vakanzi kawzati minn `unpaid maternity leave`.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm persuni għaddew mill-eżami kemm dak miktub kif ukoll mediku fir-reklutaġġ ta' suldati ġodda mal-Forzi Armati? Kemm minnhom se jiġu ngaġġati? Meta se jibdew dawk magħżula?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hi kif muri hawn taħt:
Numru ta' kandidati li għaddew mill-eżami bil-miktub: 101
Numru ta' kandidati li għaddew mill-eżami mediku: 85
Kandidat li kellu nċident għad irid isirlu eżami mediku fil-futur qarib.
Il-Kandidati li għaddew minn kollox (eżami fiżiku, eżami bil-miktub, intervista u eżami mediku) se jiġu ngaġġati fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ir-residenti fi Triq W. Rosato, Bormla, ilhom għal aktar minn 15-il ġurnata bi pressa baxxa ħafna ta' ilma? Jista' jgħid ukoll meta s-sitwazzjoni se tirritorna għan-normal?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta għal din il-mistoqsija tingħata f`xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari li kont għamilt dwar il-possibbilta' li mara Russa miżżewwġa Malti ġġib tgħix magħha lil ommha, fejn inti tlabtni ngħaddilek id-dettalji, jista' il-Minstru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar dan il-każ?
Response (BORG, TONIO)
Kif għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10754, jinħtieġu d-dettalji eżatti tal-persuni nvoluti sabiex il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ikun jista` jiġi verifikat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11757, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa pubblika għall-bejgħ taż-żewġ garages li hemm fi Triq l-Ammiraljat, Għajn Dwieli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fir-rigward ta':
(1) garaxx numru 1, is-sejħa għall-offerti saret permezz ta' Avviż Numru 305 li ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern fid-29 ta' Diċembru 1998.
(2) Garaxx numru 4, is-sejħa għall-offerti saret permezz ta' Avviż 97 li ġie pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tad-9 ta' Lulju 1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm f'tunnellati ta' skart intrema fis-sena 1998 li hu aluminium u plastic?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li billi l-iskart li jintrema jkun imħallat mhux possibbli li nkunu nafu l-piż eżatt tal-frazzjonijiet ta' l-iskart.
Minn studji li saru mid-Dipartiment jirriżulta li l-piż tal-plastik li ntrema matul is-sena 1998 kien ta' madwar 20,000 tunellata u dak ta' l-aluminium huwa ta' madwar 450 tunellata.
Jista' l-Ministru jagħti aktar informazzjoni dwar is-siti eżatti magħżula għaż-żewġ sports complexes li se jibnew f'Malta? Jista' wkoll jgħid meta hemm il-ħsieb li jibda x-xogħol fuqhom, meta jitlestew u x'tip ta' attivita' sportiva ser tista' tkun ipprattikata f'dawn il-komplessi?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9407 mogħtija f'Seduta Numru 146.
Rigward is-sit għall-kumpless ta' Safi/Kirkop, informat li din issa ġiet identifikata fil-parti msejħa "Il-Karwija", limiti ta' Ħal Kirkop/Safi. Bħalissa għadhom għaddejin taħditiet mas-sidien attwali ta' l-art. F'dan l-istadju, huwa għaldaqstant kmieni li jiġi determinat il-qies eżatt ta' l-art li ser tintuża għall-bini ta' dan il-kumpless.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għaliex ħafna persuni qed jilmentaw li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma li għadhom kif irċevew ,u li huma għal xahrejn fis-sajf, huma ħafna għola minn kontijiet ta' qabel għal tliet xhur fix-xitwa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika u jikkwota kont jew kontijiet partikulari biex inkun nista nagħti tweġiba preċiża. Ta' min ifakkar li l-kont li ħareġ qabel dan, kien jinkludi l-kreditu dovut għar-roħs fir-rati tad-dawl u l-ilma kif kien ġie mħabbar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru xi arranġamenti għal sleep disorder clinic? Jekk inxtarax l-apparat u jekk hemmx personel li qed jieħdu xi forma ta' speċjalizzazzjoni, fejn u kemm-il darba? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid meta saret s-sejħa għall-applikazzjoni, min kien intitolat li applika u min intgħażel?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-arranġamenti għal sleep disorders clinic huma wieqfa sakemm jiġu mpjegati sleep technologists.
L-apparat (polysommograph) ġie `commissioned' fi Frar 1999.
Żewġ persuni tekniċi ġew mibgħuta dak iż-żmien (Frar 1999) għal kors intensiv ta' ġimgħa ġo Lane For Sleep Laboratory ġo St Thomas's Hospital London sabiex ikunu jistgħu jgħinu fil-commissioning tal-apparat. Dawn intgħażlu peress li lokalment kienu l-uniċi tnejn b'esperjenza fi sleep studies.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn min se jitmexxa fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla: (a) il-catering; (b) it-tmexxija; u (c) it-tindif?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara li ħarġet sejħa għall-offerti għat-tmexxija tad-Dar ta' Bormla, din ser tiġi fdata lil Health Care Services Ltd. Skond kif mitlub mill-istess sejħa t-tmexxija tinkludi fost l-oħrajn il-catering u t-tindif.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11424 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li ġiet riferuta lilek u cioe': jista' l-Ministru jara li jissaħħaħ il-vultaġġ tal-kurrent tad-dawl fil-Housing Estate Tal-Fortini, Birgu?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk impjegati fl-Armed Forces ta' Malta, li jispiċċaw mix-xogħol bi żmien, jeħdux żewġ terzi ta'kull żieda li jingħataw membri fl-Armed Forces? Jekk fl-affermativ, jista' jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li spiċċa mill-AFM fl-1981, hux suppost li ħa dawn iż-żidiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-impjegati fil-Forzi Armati ta' Malta li jispiċċaw mix-xogħol biż-żmien ikollhom pensjoni tas-servizz jew mill-Gvern Ingliż jew mit-Teżor u ġieli anke mit-tnejn. Għaldaqstant il-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li jkunu intitolati għaliha tkun waħda minn awk b'rata fissa skond it-Tnax il-Skeda taħt l-istess Att dwar is-Sigurta' Soċjali u mhux taż-żewġ terzi.
Inżid ngħid illi 'l-persuna minnhu ndikata se tkun infurmata bil-miktub dwar il-pensjoni tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-garaxx li huwa tal-Housing Authority u li issa sarulu wkoll il-bieb u t-twieqi, li qiegħed f'numru 11, Triq l-Ammiraljat, Għajn Dwieli? X'jista' jagħmel biex japplika persuna li hi interessata f'dan il-garaxx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar bniet żewġ maisonettes u erba' garages fuq din il-plot.
Żewġ garages minnhom huma abbinati maż-żewġ maisonettes fuq imsemmija u ż-żewġ garages l-oħra nbiegħu wara sejħa pubblika għall-offerti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet il-pensjoni qabel is-sena 1979? Meta daħal fis-seħħ il-metodu tat-two thirds?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-pensjoni qabel l-1979 kienet Lm12.10 fil-ġimgħa għal raġel miżżewweġ li jkun imantni lil martu u Lm7.40 għal kull persuna oħra.
Il-Pensjoni taż-Żewġ Terzi għal min kien impjegat daħlet fis-seħħ fit-22 ta' Jannar 1979.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet it-talba ta' l-anzjana ta' 93 sena, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex tidħol f'SVPR?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament li applikat biex tidħol fl-SVPR qegħda tingħata prijorita' u ser tkun ammessa fi ftit żmien ieħor.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11419 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Intern u li ġiet riferuta lilek u cioe': jista' l-Ministru jara li l-Kappella ta' San Ġwann t'Għuxa, Bormla, isirilha dak ix-xogħol ta' restawr li hemm bżonn peress li din il-kappella li tmur lura sas-sena 1640, qed isirulha ħafna ħsarat peress li issa ilha magħluqa għal ħafna snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jindirizza din il-Mistoqsija l-Cospicua Rehabilitation Project fi ħdan il-Ministeru ta' l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11422 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li ġiet riferuta lilek u cioe': jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir xi xogħol ta' resurfacing f'Bormla, il-Birgu, l-Isla, il-Kalkara, il-Fgura u x-Xgħajra? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawn it-toroq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11243?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11751 tinvolvi ħafna xogħol u tieħu ħafna żmien tal-perita nkarigata mill-proġett tad-Dar tal-Anzjani ta' Bormla biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa mill-persuni responsabbli fid-Dipartiment tal-Bini u Enġinerija. L-Onor. Interpellant japprezza li billi baqa' biss ftit ġranet oħra biex tinfetaħ din id-dar, il-perita għandha l-ħin tagħha kollu meħud fis-superviżjoni tax-xogħol li għad jonqos. Għalhekk risposta definittiva għal din id-domanda għandha tingħata aktar il-quddiem.