Jista' l-Ministru jgħid min għandu dritt, minbarra l-istaff u l-istudenti tal-Junior Lyceum ta' Verdala u St Geroge's FC., li juża l-entratura prinċipali ta' l-istess skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjoni għal marine fuel station fl-Isla? Jekk fl-affermattiv, f'liema stadju waslet din l-applikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi applikazzjoni li tipproponi l-bini ta` fuel station fi Triq ix-Xatt, l-Isla, ġiet sottomessa fit-13 ta` Settembru 2000. L-applikazzjoni (PA 4988/00) qed tiġi evalwata.
Jista' l-Ministru jara li tinstab entratura (li xi snin ilu kienet tintuża) għal ġol-ground ta' Verdala sabiex ikun hemm dħul separat mill-entratura prinċipali ta' l-iskola?
Minn min qed jintużaw l-entraturi li jeżistu? Dawn għandhom xi kirja għall-użu ta' dawn l-entraturi?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara x'sar miċ-cheque tar-refund tat-taxxa li ntbagħat f'Diċembru, 1999 lis-sinjura - dettalji dwarha qed jintbagħtu separtament- u li qatt ma wasal għandha? Meta se jerġa' jintbagħat lilha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.
Billi dan l-aħħar fir-Revenue Security Corps intgħażlu xi nies biex jieħdu l-ġurament biex ikunu jistgħu jservu fir-Revenue Security Investigation Section, jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji intgħażlu dawn in-nies? Jista' jassigura li ma kienx hemm xi preferenzi ma' min intgħażel peress li hemm xi wħud minn dawk li ntgħażlu li huma juniors għal dawk li ma ntgħażlux?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir sabiex numru ta' klieb kbar li hemm jiġġerrew, b'perikolu b'mod speċjali għat-tfal u r-residenti fin-naħa ta' San Ġwann t'Għuxa, Bormla, jinġabru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kellha rapport wieħed dwar dan l-ilment u qed jittieħdu passi sabiex dawn il-klieb jinġabru mill-S.P.C.A.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx kwota dwar kemm suppost joħroġ contravention tickets kull pulizija?
Jista' jgħid jekk qattx kienet teżisti din il-kwota?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk issa li ħafna minn dawn it-tickets qed jinħarġu mill-gwardjani lokali, kull pulizija huwiex obbligat li joħroġ ċitazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma hemmx stipulat in-numru ta` ċitazzjonijiet li għandhom jingħataw mill-Pulizija f`xi żmien partikolari. Il-ħidma tal-Gwardjani Lokali ma għandha bl-ebda mod tirristrinġi jew tirregola il-ħidma tal-Korp tal-Pulizija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid huwiex minnu li l-istaff ta' l-ex-Cable and Wireless qegħdin jingħataw pensjoni ta' Malta two thirds in full, jiġifieri mingħajr tnaqqis ta' pensjoni barranija?
Jekk hu minnu, għaliex il-pensjonanti ta' Barclays Bank Plc m'humiex jingħataw l-istess trattament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta persuna jkollha dritt għall-Pensjoni tas-Servizz li titħallas minn jew f'isem il-Prinċipal tagħha dwar servizzi li jkunu ngħataw, l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi li fl-istima tar-rata tal-Pensjoni tas-Sigurta' Soċjali, Pensjoni tas-Servizz tkun ikkunsidrata bir-rata oriġinali tagħha (jiġfieri dik ir-rata li ħarġet l-ewwel darba) kemm il-darba din ir-rata hija aktar minn Lm200 fis-sena jew dik il-pensjoni ma tkunx ġiet ikkommutata kollha.
Dan il-provvediment tal-liġi jolqot lill-pensjonanti kollha mingħajr ebda distinzjoni. Għalhekk, kull min jaqa' taħt dan il-provvediment tal-Liġi, kemm jekk dik il-persuna kienet impjegata mall-ex Cable and Wireless, kemm jekk kienet mall-Barclays Bank, kemm ukoll jekk kienet mall-Gvern Ingliż, jingħata l-istess trattament.
Jista' l-Ministru jara tistax issir xi ħaġa għar-rigward tar-reviżjoni tal-kera tal-postijiet tal-gvern li ssir kull sentejn, u dan peress li qed ikollna persuni li wara li jispiċċaw pensjonanti qed ikollhom isofru konsegwenzi ta' kera għolja għal sentejn jew anqas?
Response (BORG, TONIO)
Ir-reviżjoni tal-kera tal-postijiet residenzjali tal-Gvern issir mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u mhux mid-Dipartiment tal-Artijiet u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isir xi studju dwar x'jista' jsir sabiex persuni li jgħixu fi djar tal-gvern fuq art b'titolu ta' possession and use, ikunu jistgħu jixtru darhom?
Response (BORG, TONIO)
Id-Dipartiment ta` l-Artijiet ilu għal żmien twil jaħseb x`jista jagħmel sabiex jifdi t-titolu tal-“possession and use” biex b`hekk persuni li għandhom ir-residenza tagħhom fuq proprjeta` li ġiet akkwistata b`dan it-titolu jkunu jistgħu jixtru darhom.
Nixtieq ngħid li dan mhux faċli u s`issa għadha ma nstabet l-ebda soluzzjoni ħlief dik fejn is-sidien volontarjament ibiegħu lill-Gvern il-kumpens li jkunu qegħdin jirċievu wara li t-titolu tal-“possession and use” idur f`wieħed ta` “public tenure”.
Jista' l-Ministru jara li l-cables tad-dawl ma' arblu perikoluż jiċċaqalqu għal ma' arblu ġdid li tpoġġa xi xahar ilu fi Triq Santa Liberata, Kalkara?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex dilettanti tal-ħamiem tal-ġiri qed ikunu mħarka minħabba l-ħamiem?
Response (BORG, TONIO)
Minħabba l-fatt li din id-domanda hija wisq ġenerika, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika b`liema reati speċifiċi qed jiġu akkużati dawn id-dilettanti tal-ħamiem.