Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20801 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Kottonera — Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol konness mal-proġett tal-Kottonera hu għaddej bħalissa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 20540 (Seduta 410).

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li pensjonanti li ggwadanjaw minn emenda fil-liġi li wettaq Gvern Laburista fl-1997 sabiex il-pensjoni tas-servizz ma titqiesx u ma jiħdux pensjoni mnaqqsa, issa qed jintalbu li jħallsu mijiet ta' liri bħala ħlas lura mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jista' jkun hemm aktar minn raġuni waħda għaliex qegħdin jinġabru xi ħlasijiet żejda li tħallsu bħala pensjoni lil diversi persuni li għandhom ukoll pensjoni tas-servizz. Sibna każijiet illi dak li jkun qatt ma kien iddikjara li qiegħed jieħu pensjoni tas-servizz u allura bilfors kellha ssir stima mill-ġdid tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali u min kien qiegħed jitħallas aktar id-dipartiment kellu jiġbor dak il-ħlas żejjed li seta kien hemm. Hemm ukoll każijiet fejn hemm żewġ pensjonijiet tas-servizz, jiġifieri dawk mit-Teżor kif ukoll dawk mis-Servizzi Ngliżi. Meta sar l-eżerċizzju biex tiġi fis-seħħ l-emenda ta' Ottubru ta' l-1997 mwettqa mill-Gvern preċedenti, kien hemm xi każijiet li flok ġiet injorata pensjoni tas-servizz waħda, ġew injorati it-tnejn. Għaldaqstant inħoloq ħlas żejjed. Peress dan kien tort tad-dipartiment, il-ħlas żejjed qed imur lura għal perjodu ta' sentejn biss u qed jitħallas lura bl-anqas rata possibbli taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Leg 9 PQ #20791 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — CDs - Qbid

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-kopja ta' C.D. video tapes u playstation games mhux oriġinali nqabdu tul din is-sena mis-swieq Maltin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-ewwel ta` Jannar u l-aħħar ta` Ottubru ta` din is-sena, il-Pulizija ikkonfiskat 2,248 bejn CD`s, video tapes u logħob tal-playstation mhux oriġinali mis-swieq lokali.
Leg 9 PQ #20793 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Arrestati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-barranin li tul din is-sena ġew arrestati u mressqa l-qorti minħabba xi reat? Min liema pajjiż kienu ġejjin? X'tip ta' reati kienu akkużati bihom?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20084 li kienet tkopri l-perijodu Jannar - Settembru 2000. Ninsab infurmat illi matul Ottubru ta` din is-sena, il-Pulizija ressqet 61 persuna ta` nazzjonalita` barranija quddiem il-Qorti. L-akkużi kienu jinkludu serq, traffikar ta` droga, pussess ta` droga, attakk u resistenza fuq uffiċjali pubbliċi, offiżi fuq il-persuna u ksur ta` l-Immigrazzjoni. Il-pajjiżi li minnhom kienu ġejjin il-persuni msemmija għall-perijodu Jannar - Ottubru 2000, kienu kif ġej : - Alġerija, Awstralja, Armenja, Afrika t`Isfel, Bulgarija, Ċina, Kanada, Eġittu, Franza, Filippini, Ġermanja, Indja, Iraq, Italja, Ġordan, Libanu, Libja, Moldavja, Marokk, Niġer, Niġerja, Olanda, Pakistan, Palestina, Polonja, Russja, Rumanija, Renju Unit, Sirja, Somalja, Svizzera, Turkija, Tuneżija, Ungerija, Ukrajna, Jugoslavja u Yemen.
Leg 9 PQ #20794 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kontravenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il membru tal-Korp tal-Pulizija weħlu crime fis-snin 1999 u 2000 talli ma' waħħlux biżżejjed Traffic Contravention Tickets?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-snin 1999 u 2000 kien hemm 93 membru tal-Korp li ttieħdu passi dixxiplinari kontra tagħhom talli mingħajr raġuni tajba u xierqa naqsu milli jirrapurtaw kontravenzjonijiet biżżejjed bħalma huma fid-dmir li jagħmlu.
Leg 9 PQ #20795 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Primarja - Bormla

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex xogħol ta' manutenzjoni li kellu jsir fis-sajf fl-iskola primarja ta' Bormla ma sarx sabiex qed isir issa meta l-istudenti qed jattendu l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalkemm ix-xogħol fuq l-irranġar ta' toilets fl-Iskola Primarja, Bormla, beda fil-bidu tas-sajf li għadda dan waqaf għal xi żmien minħabba li saret talba għal varjazzjoni fix-xogħol u għal xogħol addizzjonali. L-approvazzjoni għal dawn ix-xogħlijiet ingħatat lill-kuntrattur f'nofs Settembru meta seta' jitkompla x-xogħol. Il-Kumpanija Kalaxlokk għandha l-inkarigu li tibdel is-saqaf tat-tromba tat-taraġ ta' l-imsemmija skola. Minħabba raġunijiet tekniċi x-xogħol ma setax jibda fis-sajf li għadda u għalhekk ittieħdu prekawzjonijiet biex tiġi mħarsa s-saħħa ta' min jagħmel użu mill-imsemmi taraġ. Hemm ħsieb li l-Kumpanija Kalaxlokk tagħmel dan ix-xogħol matul il-vaganzi ta' l-Għid.
Leg 9 PQ #20796 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Primarja - Bormla

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet hemm bżonn li jsiru fl-iskola Primarja ta' Bormla? Jista' l-Ministru jserraħ ras il-ġenituri li m'hemmx ħsarat fis-soqfa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola Primarja, Bormla, jinħtieġu dawn ix-xogħlijiet: * Tibdil tas-saqaf tat-tromba tat-taraġ * Tiswijiet u tibdil ta' numru ta' aperturi * Tiswija tal-kolonni fil-faċċata * Tiswijiet fil-waterproofing membrane * Ridekorazzjoni ta' klassijiet u kuriduri. Is-saqaf tat-tromba tat-taraġ li sa jinbidel tul il-vaganzi ta' l-Għid mill-Kumpanija Kalaxlokk, twaħħal taħtu tagħmir għall-iskansar mill-periklu. Għaldaqstant ġejt assigurat dwar is-safety u s-sigurta` meħtieġa għal kulħadd.
Leg 9 PQ #20430 Sitting 416 2000-11-01 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Refund

Question

Jista' l-Ministru jara x'sar miċ-cheque tar-refund tat-taxxa li ntbagħat f'Diċembru, 1999 lis-sinjura - dettalji dwarha qed jintbagħtu separtament- u li qatt ma wasal għandha? Meta se jerġa' jintbagħat lilha?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond il-Bank Ċentrali, ċ-cheque tar-refund tat-taxxa f'isem it-taxpayer konċernat ma' ssarrafx. Billi għaddew is-sitt xhur tal-validita' tiegħu, cheque ġdid ser jintbagħat f'Novembru.

Impjiegi — Self-Employed

Question

Peress li skond il-figuri maħruġa mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika, jidher li f'Settembru 2000 kien hemm 16179 self-employed, jista’ l-Viċi Prim Ministru jaqsamhom skond ix-xogħol li jagħmlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #20663 Sitting 411 2000-10-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Bozza

Question

Jista’ l-Ministru jara li tissewwa l-bozza li hemm fuq bieb 27, Triq il-Regatta, Blokk 8, Bormla?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment ta' l-Onorevoli Membru ġie riferit lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa, u jekk ikun il-każ, tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #20664 Sitting 411 2000-10-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Revenue Security Corps — Revenue Security Investigation Section

Question

Billi dan l-aħħar fir-Revenue Security Corps intgħażlu xi nies biex jieħdu l-ġurament biex ikunu jistgħu jservu fir-Revenue Security Investigation Section, jista' l-Prim Ministru jgħid fuq liema kriterji ntgħażlu dawn in-nies? Jista' jassigura li ma kien hemmx xi preferenzi ma' min intgħażel peress li hemm xi wħud minn dawk li ntgħażlu li huma juniors għal dawk li ma ntgħażlux?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li wieħed jintgħażel biex jaħdem fir-“Revenue Security Investigation Section” (RSIS) skond kemm ikun maqtugħ għat-tip ta’ xogħol li jsir minn din is-Sezzjoni. Jitqiesu ukoll il-kwalitajiet personali ta’ l-indivdwu. Dan minħabba s-sensitivita’ tax-xogħol li tagħmel din is-Sezzjoni. Kif wieħed jista’ japprezza, l-anzjanita’ ma tistax titqies bħala fattur ewlieni għal min jaħdem fl-RSIS.
Leg 9 PQ #19627 Sitting 406 2000-10-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Bormla

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex l-istudenti li qed jattendu l-J.L. ta' Verdala, Bormla ma jkomplux jerfgħu l-piż finanzjarju għall-ħlas ta' ħafna photo copies, fejn f' numru ta' każi ntalbu jitħallsu (s'issa) aktar minn Lm5?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li peress li s-sena skolastika għadha kemm bdiet, l-istudenti ġew mitluba jagħmlu numru ta' fotokopji minn diversi għalliema. Qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex bi ftehim fost l-għalliema l-fotokopji li jintalbu jagħmlu l-istudenti jkunu mqassmin fuq perjodu ta' żmien.
Leg 9 PQ #20438 Sitting 406 2000-10-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Multi storey car park

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pjan li jsir multi storey car park taħt il-ground ta' l-iskola primarja ta' Bormla għadux għaddej? Jekk fl-affermattiv, meta jaħseb li ser jibdew ix-xogħlijiet? Kemm se jieħdu żmien biex jitlestew?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Kif diġa stqarrejt diversi drabi f'din il-kamra, il-Gvern huwa impenjat jagħmel 'Multi-Storey Car Park' taħt il-ground tal-Iskola Primarja ta' Bormla. L-istudji neċċessarji, pjanti u disinji diġa saru mit-Taqsima tax-Xogħlijiet izda qabel ma dawn jiġu konfermati irid jiġi konkluż 'Traffic Impact Statment' li qed isir bħalissa.

Bormla — Dar ta' l-Anzjani

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari numru 19098 fejn il-Viċi Prim Ministru qal li hu infurmat li hemm biss ftit ħoss li jista' jikkawża inkonvenjent lir-residenti fi Triq San Ġużepp u Triq il-Konservatorju f'Bormla, ġej minn pompa ta' l-ilma fid-dar ta' l-anzjani li ttella' l-ilma fuq il-bejt u li ngħataw struzzjonijiet lill-kuntrattur biex din il-pompa tiġi mgħottija b'sound insulating material, jista' jara li verament issir xi ħaġa għax l-ilmenti tal-ġirien dwar dan l-inkonvenjent ma naqsux?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'referenza għal xi ħsejjes li ġejjin mill-pompa li ttella' l-ilma fuq il-bejt tad-dar ta' l-Anzjani f'Bormla, nikkonferma li l-kuntrattur konċernat ingħata l-istruzzjonijiet biex jieħu miżuri sabiex dan l-inkonvenjent jiġi eliminat. Ninsab infurmat illi l-miżuri neċessarji ser jittieħdu fi żmien ftit ġranet.

Djar — Sussidju

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk teżistix xi skema ta' sussidju sabiex jiġu rranġati u mtejba postijiet tal-Joint Office?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li Skema 5 dwar Sussidju fuq Xogħolijiet ta' Irranġar fi Djar Privati Okkupati minn Inkwilini jew Ċenswalisti, tapplika għall-postijiet residenzjali mikrija mill-Joint Office.
Leg 9 PQ #20441 Sitting 406 2000-10-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Joint Office — Fidi ta' ċens

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi skema għal fidi ta' ċens għall-postijiet tal-Joint Office? Kif jista' jinfeda ċ-ċens?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħalissa l-Uffiċċju Konġunt ma għandu ebda skema għal fidi ta` ċens peress li l-iskema li kien hemm għalqet. Ċens jista` jinfeda jekk hemm stipulat fil-kuntratt li jista` jinfeda jew skond il-liġi. Mhux eskluża l-possibilita` li d-dirett dominju jinbiegħ bit-tender jew skond il-Policy attwali approvata mill-Kamra tar-Rappreżentanti f`Novembru 1998 għar-rigward residenzi.

VRT — Testijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vetturi li ma għaddewx mit-test tal-VRT tul din is-sena? Jista' jgħid ukoll kemm ġew skrappjati karozzi f'din l-istess sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li n-numru ta' vetturi li m'għaddewx mill-Vehicle Roadworthiness Test mill-1 ta' Jannar 2000 sat-30 ta' Settembru 2000, fl-ewwel test kien 7,751. Fl-istess perjodu ġew skrappjati 3,239 vettura.
Leg 9 PQ #20431 Sitting 405 2000-10-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ground

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jsir ix-xogħol neċessarju sabiex il-ground tal-Juinior Lyceum Verdala jkun fi stat aħjar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-titjib tal-ground tal-Liċeo tas-Subien fil-Verdala kien inkluż f'development brief li tħejja għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u qiegħed jiġi kkunsidrat ma' prijoritajiet oħra.
Leg 9 PQ #20432 Sitting 405 2000-10-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Verdala Junior Lyceum

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li jsir titjib fil-ground tal-Junior Lyceum ta' Verdala? X'inhuma dawn il-pjani? Fiex jikkonsistu?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20431.