Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22376?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn Settembru 1998 u l-31 ta' Diċembru 2000 ġew impjegati erba' persuni mal-MIMCOL. Dawn huma mill-Mellieħa, minn Ħal Qormi, minn Ħal Tarxien u minn Ħaż-Żabbar.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq fit-2 Distrett elettorali li din is-sena ser jinbnew jew jinksew bit-tarmac mid-Dipartiment fil-Ministeru tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq fit-2 Distrett elettorali li din is-sena ser jinbnew jew jinksew bit-tarmac mid-Dipartiment fil-Ministeru tiegħu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari Nru. 22257, 22451 u 22605.
Jista' l-Ministru jgħid minn min ingħatat l-ordni sabiex inqatgħu l-mażżri li kien hemm fix-Xatt ta' Bormla quddiem il-club tar-Regatta?
X'inhi r-raġuni li s-sidien tagħhom ma ġewx imgħarrfa minn qabel biex ineħħuhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sakemm il-Baċir numru 1 jibqa` jintuża mit-Tarzna ta` Malta, l-Awtorita` Marittima ma taqbilx li jinħarġu permessi għall-irmiġġi f`din iż-żona. Id-deċiżżjoni li jinqatgħu l-irmiġġi ttieħdet mill-Awtorita` Marittima meta minħabba f`dawn l-irmiġġi l-ħruġ tal-bastiment mill-Baċir numru 1 fit-28 ta` Diċembru 2000 ma setax isir.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li billi dawn l-irmiġġi kienu qegħdin fil-post mingħajr ma qatt intalab permess lill-Awtorita` Marittima skond il-Berthing Regulations, l-Awtorita` ma kinitx f`pożizzjoni li tinforma lis-sidien.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ETC torganizza xi courses flimkien mal-consortia li ħadu l-proġett tal-Cottonera u l-Casino di Venezia, u b'mod partikolari mmirati għan-nies tal-Cottonera, sabiex ikunu ppreparati għall-impjiegi li jistgħu jinħolqu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ETC biħsiebha tuża skemi ta' impjiegi u taħriġ biex tgħin nies qiegħda mill-Cottonera biex isibu impjieg ladarba l-proġett jitlesta. Għal dan il-għan l-ETC bdiet eżerċizzju estensiv biex teżamina l-ħiliet, l-interessi u l-għażla ta' impjieg tal-persuni kollha li huma qiegħda u li huma mill-Cottonera. Fl-istess ħin, l-ETC qiegħda jkollha taħditiet mal-partijiet konċernati biex hi tkun infurmata dwar l-opportunitajiet ta' xogħol li jistgħu jinħolqu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talba quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li jiġu nstallati lifts fil-palazz ta' Verdala? Jista' jgħid ukoll jekk l-awtorita' tapprovax dan it-tip ta' installar ta' lifts f'postijiet storiċi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar m`għandha l-ebda talba quddiemha sabiex jiġi nstallat lift/s fil-palazz ta` Verdala.
Talbiet għall-installazzjoni ta` lift/s f`postijiet storiċi jiġu kkunsiderati skond il-merti tal-każ individwali.
Peress li l-Ministru kien qal li s-security guards ta' l-isptarijiet u l-polikliniċi kellhom iduru minn post għal ieħor, u peress li hemm ħafna li ilhom ma jduru għal sentejn sħaħ, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn hux se jduru jew le?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Wara li d-Diviżjoni kienet ħarġet ir-rotation, il-GWU kienet ħarġet direttiva lis-Security Guards biex ħadd ma jiċċaqlaq minn postu u għalhekk ir-rotation ma setgħetx tiġi attwata.
Id-Diviżjoni qed taħdem fuq kriterji oġġettivi li a bażi tagħhom ghandha ssir ir-rotation.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li s-security guards ta' St Lukes jingħataw time in lieu għall-overtime li jagħmlu u security guards ta' SVPR qed jitħallsu tiegħu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-Security Guards kollha jingħataw time off in lieu għal siegħat żejda li jaħdmu.
Minħabba ċirkustanzi speċjali s-security guards tal-SPVR li qed jaħdmu sigħat żejda fis-swali li qed jiġu
re-furbished
(biex jiġi skansat il-vandaliżmu bħal ma kellna dan l-aħħar), qegħdin jitħallsu għal dawn is-sigħat li qed jaħdmu.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-mediċina Aldactone (25mg) ilhom neqsin mill-ispiżerija tal-gvern għal aktar minn tlett xhur? Jista' jgħid meta ser ikunu jistgħu jinqdew dawk li jiġu bżonnhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern għandhom kuntratt ma' aġent lokali għall-pilloli 'Spiroloctone 25mg'. Dan il-kuntrattur sab problemi biex jonora dan il-kuntratt u kien informana li l-istokk kellu jasal sal-15 ta' Diċembru 2000. Fid-9 ta' Jannar 2001 qalilna li s-supplier tiegħu għandu problema peress li l-manifattur għandu problema bir-'raw material' u għalhekk dawn il-pilloli ħa jkunu fis-suq f'nofs Frar 2001.
Meta l-GPS kienu infurmati bil-problema bdew proċeduri biex jinxtara stokk fuq l-account tal-kuntrattur li miegħu għandu l-kuntratt il-Gvern. Għalkemm ġiet ikkonfermata ordni fl-4 ta' Novembru 2000 ma' 'wholesaler' Ingliz b'delivery ta' 1 sa 3 ġimgħat, dan ukoll ma setax isib stokk.
L-aħħar informazzjoni li għandna hija li stokk suppost ikun fuq is-suq għall-aħħar ta' Jannar 2001.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament spiċċat b'pensjoni żgħira ta' Lm74 kull erba' ġimgħat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li qiegħda tirċievi.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet għaddejjin bħalissa fl-iskola primarja ta' Bormla? Jista' jserraħ ras numru ta' ġenituri li ma hemm ebda periklu għal uliedhom minħabba dawn ix-xogħlijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa ġewwa l-iskola Primarja ta' Bormla qed jinbidel is-saqaf tat-tromba ta' l-uniku taraġ li hemm fl-iskola. Dan ix-xogħol qed isir mill-Kumpanija Kalaxlokk. L-aktar fażi perikoluża f'dan ix-xogħol, jiġifieri t-twaqqih tas-saqaf tal-konkrit, sar fil-vaganzi tal-Milied.
F'dawn il-ġranet qed jinbena s-saqaf ġdid bit-travetti u l-bricks. Qed jittieħdu l-prekawzjonijiet, kemm mill-ħaddiema tal-Kalaxlokk u l-awtoritajiet ta' l-iskola, biex it-tfal u l-għalliema ma jkunu esposti għal ebda periklu.
Ix-xogħol fuq dan is-saqaf hu mistenni li jitlesta fi ftit ġranet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kumpanniji li tul is-sena 2000 kellhom żieda ta' mpjegati? Kemm kienet iż-żieda f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal żieda ta' impjegati f'kumpaniji privati. Jekk dan huwa l-każ, nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' serq tul Diċembru 2000? X'kienu l-oġġetti jew ammonti ta' flus li nsterqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Diċembru 2000, il-Pulizija kellha 714-il rapport li jikkonċerna serq. L-ammont totali ta` flus li ġie rapportat li nsteraq huwa ta` Lm190,339.00.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-hold ups li sal-lum għadhom ma ġewx solvuti? X'kien insteraq f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 ġew irrapurtati lill-Pulizija 31 każ ta` hold up. F`dawn il-każi kien rappurtat li nsterqu ammonti differenti ta` flus Maltin u barranin, telefon ċellulari, arloġġ u deheb. Fi tnejn minn dawn il-każi ma ġie misruq xejn.
Dan hu tnaqqis ta` 35% fuq is-sena 1999, u tnaqqis ta` 45% fuq is-sena 1998 Miċ-ċifra tas-sena 2000, ġew solvuti 14, u qed jiġu nvestigati 17.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' applikazzjonijiet hemm quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal Triq il-Farfett tal-Flejġel, Żabbar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha quddiemha applikazzjoni waħda li hi pendenti u tirrigwardja żvilupp fi Triq il-Farfett tal-Flejgel, Żabbar. Fl-applikazzjoni ntalab permess biex biċċa art tinbena f`residenza.