Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema mertu l-ETC qed tibgħat għal uħud minn dawk li jirreġistraw għax-xogħol sabiex jagħmlu course?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni hija obbligata li tipprovdi korsijiet ta' taħriġ biex tgħin persuni li qiegħdin jirreġistraw għax-xogħol. Ghaldaqstant il-Korporazzjoni minn żmien għal żmien qiegħda tibgħat għal dawk li jinsabu jirreġistraw għax-xogħol biex jattendu għal wieħed mill-bosta programmi li qiegħdin jiġu organiżżati bil-ħsieb li dawn ittejbu jew jaġġornaw ix-xorta tat-tagħrif u tas-sengħa tagħhom u b'hekk jkunu aktar imħejjija għal ħidmi bi qliegħ.
Leg 9 PQ #23227 Sitting 484 2001-02-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Xiri ta' proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xiri tal-proprjeta' tas-sinjura indikata separatament li ttieħdet għal skop pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-file indikat mill-Onor. Interpellant, ma jirriżultax li l-persuna msemmija hija s-sid tal-fond. Barra minnhekk, hemm indikazzjonijiet illi l-fond li s-suġġett tiegħu huwa l-file indikat, ser jiġi rilaxxat mill-esproprijazzjoni.
Leg 9 PQ #23231 Sitting 484 2001-02-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'dokumenti huma meħtieġa mill-Planning Authority sabiex jinbidel ġeneru ta' negozju għal ieħor - change of use?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi applikazzjoni għal "change of use" huwa kkunsidrat bħala "full development". Għaldaqstant id-dokumenti relevanti għal "full development permit" huma dawk applikabbli. L-Onor. Membru tajjeb ikun infurmat ukoll li teżisti Use Classes Order li fiha l-attivitajiet kummerċjali ġew klassifikati. Jekk l-attivita` hija fl-istess klassi, allura ma jkunx hemm il-ħtieġa ta` full development permit imma trid tintbgħat lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar talba akkumpanjata b`kopja tal-aħħar liċenzja mħallsa.
Leg 9 PQ #23232 Sitting 484 2001-02-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Neighbours Consent

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk in-negozji li jintħieġu n-neighbours' consent għal permess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-neighbours` consent form isir waqt l-ipproċessar ta` talba għal-liċenzja tal-Pulizija dwar xi negozju jew sengħa li jistgħu jdejqu lill-ġirien.
Leg 9 PQ #23235 Sitting 484 2001-02-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Zabbar — Triq il-Baħrija - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi nstallata bozza fit-tarf ta' Triq il-Baħrija, Zabbar, fejn ma tinfidx - kantuniera ma' Cappucchin Road?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Leg 9 PQ #23237 Sitting 484 2001-02-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Zabbar — Triq A. Erardi - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi nstallata bozza fit-tarf ta' Triq A. Erardi, Zabbar, fejn ma tinfidx - kantuniera ma' Cappucchini Road?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Leg 9 PQ #23219 Sitting 483 2001-02-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Abram Gatt - Bighi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn qed jitpoġġew id-desks u s-siġġijiet ta' l-iskola Abram Gatt, Bighi? Jista' jgħid jekk il-mod kif qed jinħażnu jkunx possibbli li jerġgħu jintużaw mingħajr ma jsofru ħsarat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-'desks' u s-siġġijiet li qabel kienu l-Iskola Abram Gatt, illum Malta Centre for Restoration qegħdin jiġu temporanjament storjati fil-forti Ricasoli. Bil-mod kif qegħdin jiġu storjati, dawk id-'desks' u siġġijiet li għadhom tajbin jistgħu jiġu wżati mingħajr ma jkunu sofrew xi ħsarat.

Seduti Parlamentari — Tmien Leġislatura

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta saret l-ewwel u l-aħħar seduta parlamentari tat-Tmien Parlament? Kemm saru seduti f'din il-leġislatura? Kem saru mistoqsijiet parlamentari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ewwel seduta tat-Tmien Parlament saret fil-5 ta' Diċembru 1996 u l-aħħar seduta saret fil-15 ta' Lulju 1998. B'kollox saru 242 seduta. Saru 15,515-il mistoqsija parlamentari għal tweġiba orali u 2,012-il mistoqsija għal tweġiba bil-miktub.

Seduti Parlamentari — Disa' Leġislatura

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta saret l-ewwel seduta tad-disa' Parlament? Kemm saru seduti sa issa? Kemm saru mistoqsijiet parlamentari sa issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ewwel seduta tad-Disa' Parlament saret fl-24 ta' Ottubru 1998. Sallum saru 483 seduta; 23,280 mistoqsija parlamentari għal tweġiba orali u 210 mistoqsijiet parlamentari għal tweġiba bil-miktub.

Seduti Parlamentari — Seba' Leġislatura

Question

Jista' l-Viċi Prim Minsitru jgħid meta saret l-ewwel u l-aħħar seduta parlamentari tas-sebgħa parlament? Kemm saru seduti u mistoqsijiet parlamentari għall-istess leġislatura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ewwel seduta tas-Seba' Parlament saret fl-4 ta' April 1992 u l-aħħar seduta saret fl-24 ta' Lulju 1996. B'kollox saru 571 seduta u 34,929 mistoqsija parlamentari għal tweġiba orali.

Penjsonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna indikata separatament baqgħat tieħu l-istess pensjoni, minkejja li minn Jannar suppost ħadet żieda għall-għoli tal-ħajja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 'l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' pensjoni li qiegħda tirċievi taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta ser tirċievi l-pensjoni l-anzjana indikata separatament li skond risposta li ħarġet minn domanda parlamentari suppost li bdiet tirċeviha minn Jannar 2001?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Leg 9 PQ #22892 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Ħal Kirkop — Garage tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk, issa li l-ħaddiema tal-garaxx ta' Ħal Kirkop marru Kordin, hux ser ikollhom canteen bħal ma kellhom Ħal Kirkop? Kif ser jingħata dan il-canteen?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nixtieq nikkonferma li l-ħaddiema ser ikollhom canteen fil-workshop ta' Kordin. It-tender biex jingħata dan il-canteen lill-operaturi privati għandha tiġi ppubblikata fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #22901 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Sussidji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna b'diżabilita' hux intitolata għal xi tip ta' sussidju fuq telefon mill-Maltacom? Fiex jikkonsisti dan is-sussidju?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #22903 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Met Office

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22413 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe’ peress li l-Met Office huwa responsabbli, għal fost l-oħrajn, tbassir tat-temp għall-pubbliku in ġenerali, tbassir tat-temp għall-attivitajiet fuq il-baħar (sajd, jottijiet, tħaffir għaż-żejt, baħħara, eċċ), tbassir u twissijiet għall-Protezzjoni Ċivili, tbassir tat-temp għall-avjazzjoni ċivili u militari, u t-tħaris ta' arkivju estensiv ta' informazzjoni li nġabret fuq aktar minn 50 sena, dan jista' jitqies bħala patrimonju nazzjonali; u peress li dawn kollha jistgħu ma jiffurmaw parti mill-policy ta' kumpannija privata naturalment tħares lejn kif se jkollha aktar profitt, jista' jgħid meta l-MIA tiġi pprivatizzata, x'garanzija se jkollu il-gvern li jibqagħlu kontroll fuq il-Met Office? X'sinifikat se jkollha l-World Meteorological Organization (Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li tagħha Malta għandha r-Rappreżentat Permanenti) meta l-MIA tiġi pprivatazzata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li meta l-Amministrazzjoni Laburista ta' bejn l-1996 u l-1998 kienet tipprivatizza l-M.I.A., l-Uffiċju Meteoroloġiku kien inkluż ukoll. Għaldaqstant wieħed ma jistax jifhem il-biża' li għandu l-Onorevoli Interpellant dwar kif il-privatizzazzjoni ta' l-M.I.A. tita' taffettwa l-Uffiċju Meteoroloġiku. L-Onorevoli Membru għandu jkun jaf ukoll li l-Uffiċju Meteoroloġiku huwa regolat minn direttivi li joħorġu mid-Dipartiment ta' l-Avvjazzjoni Ċivili. Meta l-M.I.A. tiġi privatizzata, dawn id-direttivi jibqgħu fis-seħħ. Naturalment l-M.I.A. għandha wkoll id-dover li l-Uffiċju Meteorologiku jitmexxa bl-aktar mod effiċjenti u li dan jagħmel użu minn għodda moderna tat-teknoloġija. Sfortunatament, meta l-Gvern Laburista kien iddeċieda li jipprivatizza l-M.I.A. u miegħu l-Uffiċju Meteoroloġiku, ma kien sar ebda pjan strateġiku dwar dan l-Uffiċju. Issa dan qed isir kif jirriżulta mit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 22756 waqt is-Seduta numru 472. Fir-rigward tal-World Meteorological Organisation, l-Onorevoli Interpellant żgur li jaf li l-parteċipazzjoni ta' Malta f'din l-Organiżżazzjoni taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru għall Affarijiet Barranin. Huwa l-imsemmi Ministeru li jinnomina r-rappreżentant ta' Malta fi ħdan din l-Organiżżazzjoni.
Leg 9 PQ #22905 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Malta Government Investments Ltd

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22378?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998 u l-31 ta' Diċembru 2000 ma kienx hemm ingaġġ ta' persuni mal-Malta Government Investments Limited.
Leg 9 PQ #22906 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Metco

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22377?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998 u l-31 ta' Diċembru 2000 ġew impjegati żewġ persuni mal-METCO, wieħed minn Ħal-Qormi u l-ieħor minn Tal Pieta'.