Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li fil-parti annessa maċ-cheque tal-pensjonijiet, inkun hemm aktar tagħrif dwar kemm support hi l-pensjoni u kemm inqata', jekk ikun il-każ, għall-ħlas ta' residenza għall-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' kull sena, pensjonanti li jkunu f'residenza għall-anzjani tal-Gvern diġa' jirċievu notifika dwar l-ammont ta' pensjoni u bonus imħallsa direttament lilhom u ta' l-ammont li jkun tħallas lill-Welfare Committee, skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, separatament matul dik is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk impjegat fid-dipartiment tas-Saħħa, li jkun rappreżentant ta xi union, jitħallasx meta jattendi laqgħat tal-union? Jekk il-laqgħat ikunu l-Ħadd jew f'xi festa, u jkun xogħol, kif jitħallas ta' dan il-ħin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Impjegat tad-Dipartiment tas-Saħħa li hu rappreżentant ta' trade union jitħallas il-paga normali tiegħu meta jattendi għal laqgħat tal-union. Dan jiġri wkoll meta l-laqgħat ikunu l-Ħadd jew f'xi festa.
Normalment, dawn ir-rappreżentanti ta' trade unions ikollhom l-approvazzjoni maħruġa mid-Direttur tar-Riżorsi Umani.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li numru ta' anzjani għadhom ma irċevew ebda żieda għall-għoli tal-ħajja? Jista' jgħid wkoll x'inhi r-raġuni li fejn tidher iż-żieda, ma jidhirx tnaqqis tal-F.S.S.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond ir-rekords tad-Dipartiment, huma biss l-anzjani li jinsabu rikoverati f'istituzzjonijiet tal-Gvern għall-anzjani li għadhom ma tħallsux iż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Peress li mill-pensjoni tas-sigurta' soċjali trid titnaqqas kontribuzzjoni li tista' tlaħħaq sa 60% tad-dħul tal-pensjonant bħala kontribuzzjoni dovuta lill-Kumitat tal-Welfare fil-każ ta' persuna residenti f'xi istituzzjoni tal-Gvern, ma tistax tiġi riveduta r-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali qabel jsir il-kalkolu tal-kontribuzzjoni dovuta.
Bħalissa d-Dipartiment tal kura ta' l-Anzjani qiegħed jaħdem r-rata ta' kontribuzzjoni dovuta mill-anzjani fis-sena kurrenti. Dan jirrekjedi assessment tad-Dħul kollu tal-pensjonant biex tiġi stabbilita r-rata korretta dovuta lill-Kumitat tal-Welfare. Jiena nfurmat li x-xogħol fuq dawn ir-rati jinsab miexi sew u hekk kif jitlesta dan ix-xogħol t-Taqsima tal-pensjonijiet tkun tista' tħallas il-benefiċċju bir-rata dovuta lill-anzjani.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li numru ta' anzjani għadhom ma irċevew ebda żieda għall-għoli tal-ħajja? Jista' jgħid wkoll x'inhi r-raġuni li fejn tidher iż-żieda, ma jidhirx tnaqqis tal-F.S.S.
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom miżmuma l-permessi għall-ftuħ ta' spiżeriji ġodda? Meta kien li fetħet l-aħħar spiżerija? Jista' jgħid jekk din l-istess kondizzjoni, ċioe rifjut ta' permessi ġodda, tgħoddx wkoll għall-ftuħ ta' clinics ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk impjegati mad-Dipartiment tas-Saħħa minn skala sitta l-fuq, hux suppost jagħmlu overtime ? Jista' jgħid jekk jeżistux xi eċċezzjonijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Impjegati minn Skala 6 il-fuq mhux suppost li jagħmlu "overtime" bi ħlas. Pero` fid-Diviżjoni tas-Saħħa hemm żewġ persuni li saru Skala 6 f'Jannar 2001 u li qed jagħmlu l-"overtime". Dan l-"overtime" kien approvat mid-Direttur tagħhom u mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tas-Saħħa minħabba nuqqas serju ta` uffiċċjali f'dan il-grad mediku speċjalizzat. Saret ukoll talba lis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Finanzi sabiex dan l-"overtime" jibqa` jsir għax hu ġustifikat fiċ-ċirkostanzi preżenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-impjegati mad-Dipartiment tal-Works li fl-1997 ħadu course ta' foreman hux ser javvanzaw xi grad aktar milli qegħdin?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-avvanz fil-grad jista' jingħata biss wara sejħa għall-applikazzjonijiet li ssir sabiex jimtela xi post vakant. Dawk li għamlu l-kors imsemmi japplikaw, ma' impjegati oħra, kull meta jkun il-każ.
Iċ-ċertifikati tal-kandidati li jkunu applikaw kollha jittieħdu fil-konsiderazzjoni mill-Board magħmul apposta mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm xi enforcement officer fil-P.A. li ġie trasferit għal-sezzjoni oħra fl-istess awtorita', meta fl-awtorita' hemm nuqqas ta' enforcement officers? X'kienet ir-raġuni wara dan it-trasferiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi riċentement tmexxa enforcement officer mid-dmirijiet ta` infurzar għal dawk ta` case officer bħala parti minn programm kontinwu biex jitħarrġu l-impjegati għal xogħol differenti fl-Awtorita` stess. Ta` min jgħid li l-"Enforcement Section" u d-"Development Control" ingħaqdu taħt sezzjoni waħda biex ikun hemm iktar koordinazzjoni bejn iż-żewġ sezzjonijiet.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-partners u l-ulied ta' dawk li huma reġistrati bħala votanti Għawdxin inqatgħalhom il-pass għall-vapuri? Minn meta bdiet isseħħ din il-miżura? Kemm persuni ntlaqtu b'din il-miżura?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-iskop tal-pass li l-Gozo Channel hu li tagħmilha aktar faċli lil dawk l-Għawdxin li jgħixu Malta li jżuru lil ġenituri tagħhom li huma attwalment residenti f’Għawdex.
Inħass li l-użu ta’ dan il-pass mill-partners u l-ulied ta’ dawk li huma biss reġistrati f’Għawdex bħala votanti imur kontra dan l-iskop. Dan għaliex normalment il-partners u l-ulied jgħixu fl-istess dar f’Malta ma dawk li suppost imorru jżuru f’ Għawdex u allura l-użu tal-pass ma japplikax.
Mill-ewwel ta’ din is-sena sad-data li fiha kien imġedded l-aħħar pass simili, jiġifieri it-28 ta’ Frar 2001, ġew rifjutati 21 pass għal din ir-raġuni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bbenefikaw minn għajnuna tal-mard f'Settembru 1998, 1999 u 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta' persuni li bbenefikaw għall-ewwel darba minn Għajnuna għall-Mard kien hekk:
(i) Settembru 1998 - 105
(ii) Settembru 1999 - 117
(iii) Settembru 2000 - 50
Inżid ukoll li l-għadd totali ta' persuni li bbenefikaw minn Għajnuna għall-Mard fl-aħħar ta' Settembru 2000 kien ta' 13,601 persuna.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-futur tal-iskola St Mary's ta' l-Imsida? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi xogħolijiet għaddejjin f'din l-iskola bħal issa? Jista' jgħid wkoll jekk din is-sena skolastika li qegħdin fiha, hix ser tkun konkluża f'St Mary's jew jekk hux ser isir ċaqliq tul din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma għandha ebda skola l-Imsida bl-isem ta' St Mary's. Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għall-iskola Santa Marija, allura nirreferih għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 23689 u 24262.
Peress li ilhom jinstemgħu ilmenti dwar storbju u irwejjaħ ġejjin minn ġeneratur li hemm fid-dar ta' l-anzjani, Bormla, u peress wkoll li l-ġirien ġew imwiegħda li dan l-inkonvenjent ser jispiċċa, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta ser isir dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux veru li l-ġeneratur tad-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla jagħmel l-istorbju u ċerti rwejjaħ.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien is-salarju fis-sena 1999, 2000 u din is-sena tar-radiographers li isimhom qed jintbagħat separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s-salarju fis-sena 1999, 2000 u din is-sena tar-radiographers li isimhom intbagħat separatament huwa kif ġej:
1999 2000 2001
L-ewwel tnejn LM16,200 LM16,200 LM18,244
It-tielet LM4,399 LM4,451 LM13,668
Peress li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament, irċiviet arretrati għas-sena 2000, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux intitolata għall-arretrati għas-snin ta' qabel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa sabiex il-familji li jgħixu fiż-żewġ appartamenti li hemm f'Hilltop Flats, Triq il-Blajjet, Marsascala jkollhom pressa tal-ilma adegwata?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid minn min kienet iffirmata d-delegazzjoni ministerjali li dan l-aħħar għamlet żjara ġo Miami? Ma min iltaqgħet? X'kienu r-riżultati ta' din iż-żjara?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita Marittima ilha tattendi l-konvenzjoni Seatrade Cruise Shipping, ikkunsidrata bħala l-ikbar u l-iktar konvenzjoni mportanti fil-qasam tal-cruise liners, sa mill-1992 fejn ikun hemm madwar 900 eżibitur u iktar minn 1,000 rappreżentant ta' 90 operatur ta' cruise liners.
Għal din il-Konvenzjoni nternazzjonali attendiet delegazzjoni Ministerjali ffurmata mill-Ministru responsabbli għat-Trasport u Komunikazzjoni flimkien ma' l-assistent personali tiegħu. Jattendu wkoll kien hemm iċ-Chairman ta' l-Awtorita' Marittima, id-Direttur Eżekuttiv tal-Portijiet u d-Deputat tiegħu flimkien ma' l-Marketing Executive ta' l-Awtorita' Marittima.
Għalkemm ma kienux parti mid-delegazzjoni, irid ngħid li l-mara tiegħi u ta' l-Assistent Personali, ivjaġġjaw miegħi lejn l-Amerika, u mistennija lura fid-19 ta' Marzu.
Din is-sena l-Awtorita' kkordinat padiljun ta' eżibituri Maltin fejn, flimkien ma' l-Awtorita', ħadu sehem il-Konsorzju VISET u diversi aġenti tal-cruise liners Maltin. Fuq l-istand ta' Malta, ġiet imtella' wkoll eżibizzjoni tal-proġett propost tal-bini ta' Cruise Terminal ġdid fil-Belt mill-VISET, li għadu kif ġie approvat mill-Kabinett.
Id-delegazzjoni Ministerjali ltaqgħet ma' rappreżentanti ta' l-operaturi ta' l-industrija tal-cruise liners internazzjonali, liema laqgħat servew sabiex jiġi kkonsolidat ir-rapport li diġa' jeżisti bejnhom u bejn l-Awtorita' Marittima ta' Malta. Aktar minn hekk ittieħdet l-opportunita' sabiex jiġi spjegat lil dawn l-operaturi l-iżvilupp infrastrutturali u organizzattiv fil-qasam tal-cruise liners u ferries li ser iseħħ fis-snin li ġejjin.
Id-delegazzjoni kellha wkoll l-opportunita' li tiltaqa' ma' rappreżentanti t'operaturi portwarji kif ukoll ażjendi li jieħdu ħsieb is-sigurta' u li jipprovdu diversi servizzi oħra fil-portijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm numru ta' ħaddiema tal-Gvern, li poġġew il-paving blocks f'Tas-Sliema ħdejn Ġnien l-Indipendenza, li għandhom jieħdu tal-overtime li għamlu aktar minn sitt xhur ilu? Meta jaħseb il-Ministru li dawn il-ħaddiema ser jitħallsu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 24135 u 24265 (Seduta 506 u 511).
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-responsabilitajiet tal-Kunsilli Lokali mat-twaqqif tagħhom? Jista' jgħid sena b'sena sal-lum, kif żdiedu dawn ir-responsabilitajiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-funzjonijiet statutorji tal-Kunsilli Lokali huma stabbiliti permezz ta' Art. 33 ta' l-Att dwar il-Kunsilli Lokali . Dawn il-funzjonijiet ghaddew lill-Kunsilli kif inhu gej:
- il-paragrafi (b), (e), (f), (g), (i), (l), (m) u (n) fil-1994 permezz ta' Avviz Legali 91 ta' l-1993;
- il-paragrafi (a), (c) u (d) fil-1995 permezz ta' Avviz Legali 113 ta' l-1994;
-il-paragrafi (h), (j), (k) u (o) fil-1996 permezz ta' Avviz Legali 42 ta' l-1996.
Il-Gvern ghadda aktar poteri u responsabbiltajiet godda minn Settembru 1998 l'hawn u nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi ghat-Twegiba li jien tajt ghal-mistoqsija parlamentari nru. 24361.