Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajnuna Supplimentari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif ikun ikkalkulat jekk persuna hux intitolata għall-għajnuna supplimentari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena ta' benefiċċju li tibda f'Lulju, l-Allowance Supplimentari titħallas lil dawk il-kapijiet ta' familja li ma jirċevux l-Allowance tat-Tfal, u li d-dħul tagħhom ma kienx aktar minn Lm3,770 fil-każ ta' koppja miżżewġa, u Lm3,270 fil-każ ta' persuna waħedha fis-sena kalendarja preċedenti. Dan l-ammont jinkludi kull dħul barra l-ammont imħallas bħala kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali. F'każ ta' Pensjonanti, d-dħul ikun dak stmat għas-sena kurrenti. Il-ħlas isir hekk: Fil-każ ta' koppja fejn id-dħul totali tal-familja kollha ma jaqbiżx Lm3,770 fis-sena, jitħallsu 1.5% tad-differenza bejn Lm10,270 u d-dħul totali tal-familja. Il-massimu ta' ħlas ikun ta' Lm120 fis-sena (Lm2.30 fil-ġimgħa). Fil-każ ta' persuna li tgħix waħedha fejn id-dħul totali tagħha ma jaqbiżx Lm3,270 fis-sena, jitħallsu 1% tad-differenza bejn Lm8,270 u d-dħul totali tagħha. Il-massimu ta' ħlas ikun ta' Lm60 fis-sena (Lm1.15 fil-ġimgħa). Fejn id-dħul ikun anqas minn Lm2,270, l-ammont li jitħallas, jinħadem bl-istess persentaġġi daqs li kieku d-dħul kien Lm2,270.

Għajnuna tal-Mard

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif ikun ikkalkulat jekk persuna hux intitolata għal għajnuna tal-mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kalkolu tar-riżorsi finanzjarji tal-kap tal-familja kkonċernat isiru fuq: a) Il-valur kapitali ta' kull proprjeta' immobbli, urbana, (minbarra d-dar residenzjali); b) Flus il-bank jew fl-idejn. Nispjega li f'każ ta' persuna waħedha dan il-valur kapitali ma jridx jeċċedi l-ammont ta' Lm4,000, u f'każ ta' koppja ma jridx ikun aktar minn Lm7,000. Barra minn hekk, id-dħul kollu fil-ġimgħa tal-membri kollha ta' dik il-familja jkun kkalkulat skond id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima II tat-Tieni Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, u li m'għandux jeċċedi r-rata ta' l-iskala għal dik il-familja kif stabbilit fis-Seba' Skeda ta' l-istess Att.
Leg 9 PQ #24968 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-Knisja — Kindergarden, Pre-Grade & Year One

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet għal dħul fl-iskejjel tal-knisja għall-kindergarden, pre-grade u Year One għal din is-sena? Jista' jgħid għal kull każ kemm-il vakanza hemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kurja ta' l-Arċisqof, permezz ta' l-Uffiċċju Stampa ippubblikat fis-26 ta' Marzu d-dettalji kollha li l-Onor. Membru qed isaqsi. Qed inpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #24969 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk barra dawk l-istudenti li jidħlu fl-iskejjel tal-knisja permezz tal-polza, ikunx hemm xi każi partikulari fejn studenti jidħlu fi skola tal-knisja mod ieħor?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Segretarjat għall-Edukazzjoni u Kultura tal-Knisja jimxi fuq dawn il-kriterji biex idaħħal tfal fil-Kindergarten, pre-grade u l-ewwel sena fl-iskejjel Primarji tal-Knisja. (a) Aħwa fl-istess skola jew fi skola ta' l-istess Kongregazzjoni; (b) Tfal fid-Djar tal-Knisja; (c) 10% minn kull klassi hu riservat għall-familji fil-bżonn (humanitarian cases); (d) Il-kumplament jitilgħu bil-polza.
Leg 9 PQ #24823 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Sea Malta — Vapuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-flotta ta' vapuri tas-Sea Malta mit-twaqqif tagħha sal-lum, sena sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #24824 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tug Malta — Vapuri ta' Irmonk

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-flotta ta' vapuri ta' irmonk tat-Tug Malta mill-1990 sal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fl-1990, il-flotta ta' vapuri ta' l-irmonk tal-kumpanija Tug Malta kienet magħmula minn seba' vapuri, cioe, l-M.T. Rożi, l-M.T. Mari, l-M.T. Ċetta, l-M.T. Katarin, L-M.T. Feliċa, l-M.T. Grezz u l-M.T. Vitorin. F'Jannar ta' dik l-istess sena, l-M.T. Rożi kienet inbiegħet għall-iscrap. Fl-1996 l-M.T. Mari tbiddlilha isimha għal M.T. Mar u s-sena ta' wara inbiegħet għall-iscrap. L-M.T. Ċetta inbiegħet fl-1998. Il-vapuri Katarin, Feliċa, Grezz u Vitorin għadhom sa llum jiffurmaw parti mill-flotta tal-Kumpanija. Fl-1991 żdiedet mal-flotta l-M.T. Lieni li nxtrat ġdida. Fis-sena 1996 inxtrat l-M.T. Mari (second hand) u f'Settembru tas-sena li għaddiet l-M.T. SeaSalvor ittieħdet fuq "bareboat charter" mingħand id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Illum il-flotta ta' vapuri ta' l-irmonk tat-Tug Malta hija ffurmata minn dawn is-seba' Motor Tugs: Katarin, Feliċa, Grezz, Vitorin, Lieni, Mar u Sea Salvor.
Leg 9 PQ #24825 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bormla — Triq Nelson - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li tissewwa l-bozza li hemm fuq il-bieb, 46 Triq Nelson, Bormla?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #24826 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bormla — Triq Santa Tereża - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li tissewwa l-bozza li hemm fuq il-bieb, 2 Triq Sta Tereża, Bormla?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #24827 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Spiżeriji Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 24447 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Intern u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid kemm ilhom miżmuma l-permessi għall-ftuħ ta' spiżeriji ġodda? Meta kien li fetħet l-aħħar spiżerijia? Jista' jgħid jekkdin l-istess kondizzjoni, ċioe' rifjut ta' permessi ġodda, tgħoddx ukoll għall-ftuħ ta' clinics ġodda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 24827, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-friża amministrattiva dwar permessi għal spiżeriji ġodda ilha mill-1996. L-aħħar permess l'ingħata għal ftuħ ta' spiżerija, kien fis-17 ta' Novembru 2000, filwaqt li fit-23 ta' Marzu 2001 ingħata l-aħħar permess għal ftuħ ta' spiżerija għall-użu veterinarju. Dawn ingħataw skond il-kriterji kif imsemmija fir-risposta għad-domanda 18948. Dwar l-aħħar parti tad-domanda ninforma li din il-friża amministrattiva ma tgħoddx għall-ftuħ ta' kliniċi ġodda.
Leg 9 PQ #24828 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Negozji — Permess

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 24446 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u li ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-tipi ta' negozji li m'hawnx permessi sabiex jinfetħu ġodda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi m`hawnx restrizzjonijiet dwar liċenzji tal-Pulizija għal ftuħ ta` ħwienet ġodda.
Leg 9 PQ #24817 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' dawk li applikaw għal suldati fl-aħħar sejħa li saret ftit ġranet ilu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Is-sejħa għall-applikazzjoni ħarġet mid-Direttur ta’ l-Eżamijiet u l-Bord ta’ l-Eżamijiet Pubbliċi Lokali kif avżat fil-Gazzatta tal-Gvern Nru17061 tas-27 ta’ Frar 2001. Għaldaqstant il-mistoqsija għandha tiġi diretta lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #24818 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Ħamrun — Triq Ċensu Bugeja

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex tiġi rranġata l-bankina li hemm quddiem il-bieb 24 Triq Censu Buġeja, Ħamrun, u peress li din hija mħaffra u perikoluża?

Response (GATT, AUSTIN)

Bhal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet taghhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esigenzi u l-mezzi taghhom. Ghaldaqstant nissuggerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Kunsilli tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi ghaliha, fil-fatt hija wahda mir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli.
Leg 9 PQ #24819 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Valletta — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa biex l-area tal-barrakka ta' isfel u l-madwar tingħata dehra aħjar kif tixraq? Jista' jara li jkun hemm aktar dawl, u jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm latrina?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant rigward id-dawl ser tiġi mistħarġa. Għar-rigward tal-latrina ser jinħarġu l-offerti għal din fil-ġranet li ġejjin.
Leg 9 PQ #24820 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru transfers ta' pulizija minn Settembru 1998 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Dwar it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għal perijodu mis-6 ta’ Settembru 1998, sas-27 ta’ Novembru 2000, nirreferih għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21632. Dwar il-perijodu bejn it-28 ta’ Novembru 2000, u s-27 ta’ Marzu 2001, ninsab infurmat li kien hemm 37 membru tal-Korp li tbiddlilhom ix-xogħol tagħhom fid-diversi sezzjonijiet tal-Korp.
Leg 9 PQ #24821 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarzna — Tiswijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri għat-tiswija fit-tarzna mill-1990 sal-lum, sena sena? Jista' wkoll jgħid kemm sar xogħol, f'ammonti monitarji, sena sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

In-numru ta' vapuri, inkluż il-valur approssimattiv tax-xogħol, li daħlu biex jissewwew fit-Tarzna matul dawn l-aħħar għaxar snin kien kif ġej: SENA NUMRU TA' VAPURI VALUR Lm miljuni 1990 209 17.5 1991 228 18.0 1992 172 14.7 1993 146 14.3 1994 119 14.3 1995 118 12.5 1996 127 14.0 1997 108 11.2 1998 101 11.9 1999 104 11.0 2000 132 9.7 2001 (parzjali) 43 7.0
Leg 9 PQ #24822 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Ajruplani

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-flotta ta' ajruplani ta' l-Air Malta? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għas-snin li ilha mwaqqfa l-Air Malta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Gallerija Perikoluza

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li x-xogħol fuq gallerija perikoluza li hemm fi Blokk 2, Flat 12, fuq San Pawl, Bormla isir sabiex jitneħħa l-periklu? Jista' jgħid x'tip ta' xogħol hu inkjest, x'se isir u meta ser isir dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.