Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fhiex waslet l-applikazzjoni mal-awtorita' tad-djar għall-installazzjoni ta' lift?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għad-domanda dwar Block A, Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla, l-Awtorita' tad-Djar qiegħda tipproċessa l-applikazzjonijiet li hemm fil-Belt, l-Furjana u l-Kottonera u qiegħda tagħti mportanza partikulari lil każijiet ta' diżabilita'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' vjolenza u/jew ġlied minn u bejn partitarji waqt logħob tal-football mill-1998 sal-lum? X'azzjoni ttieħdet f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 1998 u t-23 ta` April 2001 kien hemm 37 persuna li ġew imressqa quddiem il-Qorti minħabba ġlied waqt logħob tal-football.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-anzjani kollha rċevewx iż-żieda dovuta għall-għoli tal-ħajja? Jista' jgħid jekk hux minnu li hemm anzjani fi djar tal-anzjani, b'mod partikolari dik ta' Bormla, li għadhom ma ħadux din iż-żieda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirrefei lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għal Mistoqsija Numru 24644 mogħtija fis-Seduta Numru 520.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-anzjani kollha rċevewx iż-żieda dovuta għall-għoli tal-ħajja? Jista' jgħid jekk hux minnu li hemm anzjani fi djar tal-anzjani, b'mod partikolari dik ta' Bormla, li għadhom ma ħadux din iż-żieda?
Response (DALLI, JOHN)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal pensjonijiet tas-Sigurta' Soċjali għalhekk nitolbu jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Peress li numru ta' anzjani qed jirċievu xi arretrati għall-pensjoni, jista' l-Ministru jgħid liema kategorija ta' anzjani qed u ser jirċievu dawn l-arretrati?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kategoriji li qed ikollhom il-pensjoni rriveduta huma l-pensjonanti tat-Teżor kollha - ħaddiema taċ-Ċivil, Pulizija, Membri tal-Forzi Armati u Membri tal-Ġudikatura - li ħarġu bil-pensjoni bejn is-snin 1996 u l-2000 skond il-Ftehim Kollettiv li ntlaħaq ma' l-Għaqdiet tal-ħaddiema. Dawn, għalissa, ma jinkludux il-pensjonanti tat-Teżor li spiċċaw f'organizzazzjoni parastatali.
Peress li numru ta' anzjani qed jirċievu xi arretrati għall-pensjoni, jista' l-Ministru jgħid liema kategorija ta' anzjani qed u ser jirċievu dawn l-arretrati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jħallas 'l fuq minn 34,000 Pensjoni għal Min Jirtira, ftit aktar minn 13,000 Pensjoni għar-Romol u 'l fuq minn 6,255 Pensjoni għal Invalidita'. Skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) r-rati ta' dawn il-pensjonijiet u benefiċċji oħra iridu jiġu riveduti kull sena.
Dan ix-xogħol ilu li beda mill-bidu tas-sena u għadu għaddej. Infatti d-Dipartiment bħal dan iż-żmien ikun qiegħed jiffoka r-riżorsi umani kollha li għandu, nkluż xogħol bis-sahra.
Bħalissa qed joħorġu ż-żidiet fil-każi ta' 'l fuq minn 8,000 ex-ħaddiema tas-Servizz pubbliku jew persuni analogati skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali ma' l-iskali tas-salarju tas-settur pubbliku. Għadu għaddej ix-xogħol fuq ir-romol ta' l-istess kategorija ta' ħaddiema li mistennija joħorġu fl-aħħar tax-xahar ta' Mejju.
Id-Dipartiment jibqa' npenjat biex jlesti r-reviżjonijiet l-oħra kollha fl-iqsar żmien possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-club tar-Regatt tal-Birgu hux ser jintmiss mill-proġett tal-Cottonera? Jekk fl-affermattiv, meta ser ikollhom jiżgumbraw il-post, fejn ser imorru?
Response (GALEA, LOUIS)
Milli jidher l-Onor. Membru qiegħed jirreferi għall-proġett tax-xatt tal-Kottonera. Għalhekk huwa mitlub jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-club tar-Regatt tal-Birgu hux ser jintmiss mill-proġett tal-Cottonera? Jekk fl-affermattiv, meta ser ikollhom jiżgumbraw il-post, fejn ser imorru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onor. Interpellant ħuwa nfurmat ill l-'club' tar-ragatta tal-Birgu ma tiffurmax parti mogħtija b'ċens għall-proġett tal-Kottonera u għaldaqstant m'hix ser tintmiss, salv dejjem jekk ma jkunx hemm xi fteħim direttament bejn il-konsorzju li qed jagħmel il-proġett tal-Kottonera f'dawn l-inħawi w l-istess kumitat li jmexxi r-'Ragatta Club'.
Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena mhux ser isir il-Birgufest? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta ser isir u jekk fin-negattiv meta ser jibda jerġa jsir?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta ddeċidiet li l-Birgufest isir biss kemm-il darba jkun hemm il-parteċipazzjoni finanzjarja ta’ kull min jista’ jkun involut. Fil-fatt sehem l-Awtorita’ diġa ġie deċiż.
Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorita’ rċeviet proposti mill-partijiet konċernati, fosthom il-Kunsill Lokali u għaqdiet b’interess fil-lokal, u li magħhom għadhom qed isiru diskussjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għamlu l-eżami għall-skrivani mal-Gvern fl-aħħar sejħa li kien hemm? Kemm kienu dawk li għaddew? Kemm ser jidħlu? Għal kemm żmien jgħodd l-eżami?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li 407 kandidati għamlu l-eżami għal skrivan (Clerk) fis-Servizz Pubbliku wara l-aħħar sejħa li saret f’Novembru, 2000.
In-numru ta’ dawk li jgħaddu jkun magħruf wara li jsiru l-intervisti u l-proċess tal-għażla jkun konkluż.
In-numru ta’ dawk li ser jingħataw impjieg bħala Skrivan (Clerk) jiddependi mill-esiġenzi tas-Servizz.
L-eżami jibqa’ validu sa sena minn meta jiġi ppubblikat ir-riżultat finali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi laneċ jew dgħajjes tal-Protezzjoni Ċivili jaqdu dmirhom waqt ir-regatta tal-31 ta' Marzu 2001? X'tip ta' apparat ta' salvataġġ hemm fuq dan il-laneċ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ta’ l-Intern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni Għawdxin li daħlu mal-Gvern jew korporazzjoni/aġenzija tal-Gvern minn Ottubru 1998 sal-lum? Jista' jgħid minn liema lokalita kienu ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux ser tkun introdotta xi tip ta' sistema ta' palm reading għal dawk li jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li skond il-Business Plan tagħha, l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ qiegħda tistudja l-possibilita' li tintroduċi s-sistema ta' finger recognition għal dawk li jirreġistraw għax-xogħol kull ġimgħa. F'dan ir-rigward, reċentement il-Korporazzjoni għamlet sejħa lil dawk id-ditti li lesti jipprovdu sistema bħal din. Deċiżjoni finali għad trid tittieħed.
Peress li zebra crossing perikoluża tneħħiet minn Triq Santa Tereza, Bormla, jistax il-Ministru jikkunsidra li jsir xi tip ta' pedestrian crossing f'post anqas perikoluż f'din l-istess triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pedestrian crossing fi Triq Santa Tereza ser titressaq aktar l-isfel fl-istess triq biex b'hekk tkun ta' anqas periklu għal min jużaha.
Peress li jidher li ingħatat jew ser tingħata għajnuna finanzjarja lill-Valletta FC sabiex il-ground tas-Salinos ikun miksi bit-turf, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi clubs oħra li ser tmisshom l-istess xorti? Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji talbiet simili minn clubs tal-football jistgħu jkunu milquha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għajnuna li ngħatat lill-Valletta Football Club kienet skond ftehim li kien intlaħaq fl-1996 mal-Ministeru tal-Ġustizzja u Kultura.
Is-Segretarjat Parlamentari jirċievi diversi talbiet mingħand clubs tal-football. Dawn it-talbiet jiġu kkunsidrati fuq bażi individwali skond il-proġett li qiegħed jiġi propost, jekk hemmx permessi, il-ħtiġijet tal-komunita` u d-dispożizzjoni tal-club jew Kunsill Lokali tar-raħal partikolari li jidħlu għal parti mill-ispejjeż. Dawn it-talbiet jiġu kkunsidrati wkoll fid-dawl tal-fondi disponibbli tad-Dipartiment.
Tajjeb inżid li ntlaħqu ftehim ma' diversi clubs għal din it-tip ta' għajnuna fosthom Birkirkara, Lija/Balzan, Gudja, l-Isla, Vittoriosa, Gozo F.A. u Kalkara.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' apparat ta' salvataġġ suppost li jkollhom fuqhom il-laneċ tal-F.A.M.
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati tħaddem tipi diversi ta’ ‘patrol boats’ u ‘rescue launches’ li fuqhom jinġarr għalinqas l-apparat bażiku ta’ salvataġġ li jidher hawn taħt:
_ Numru ta’ “life-jackets’ għall kull membru ta’ l-ekwipaġġ u, jekk ikun il-każ, anke għall-passiġġiera,
_ “life rafts” għall-membri ta’ l-ekwipaġġ u passiġġieri f’każ ta’ abbundun tal-“patrol boat”,
_ Numru ta’ “life-rings” biex jintużaw f’każ ta’ emerġenza li l-“patrol boat” tista’ tiltaqa’ magħha waqt xogħol ta’ sorveljanza fuq il-baħar. Ir-“Rescue Launches” iġorru żewġ “life-rafts” għal dan it-tip ta’ emerġenzi,
_ “Fire extinguishers” li jintużaw f’każ ta’ ħruq fuq il-“patrol boat” jew biex tingħata għajnuna f’każi ta’ inċidenti żgħar ta’ ħruq fuq dgħajjes ta’ terzi persuni,
_ “Basic First Aid Kit” għal korrimenti ħfief ħafna fuq il-baħar,
_ Pompa ta’ l-ilma awżiljari biex tippompja jew tirregola d-dħul u l-ħruġ ta’ l-ilma f’każ li l-pompi tal-“patrol boat” jew ta’ dgħajjes/“yachts” oħrajn ma jkunx qegħdin jaħdmu kif suppost.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi laneċ jew dgħajjes tal-Protezzjoni Ċivili jaqdu dmirhom waqt ir-regatta tal-31 ta' Marzu 2001? X'tip ta' apparat ta' salvataġġ hemm fuq dan il-laneċ?
Response (BORG, TONIO)
Qatt ma saret talba sabiex laneċ jew dgħajjes tal-Protezzjoni Ċivili jkunu preżenti waqt ir-Regatta tal-31 ta` Marzu la ta` din is-sena u lanqas fis-snin ta` qabel.
Il-laneċ li jintużaw mill-Protezzjoni Ċivili huma mgħammra b`apparat għal kontra n-nirien kif ukoll inkwinament tal-baħar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li f'kull każ fejn id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qed jitlob ħlas lura fuq ħlas ta' xi benefiċċju mħallas żejjed, ikun hemm spjegazzjoni ta' kif wasal għall-konkluzzjoni ta' ħlas żejjed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jagħti spjegazzjoni bil-miktub ta' kif wasal għall-ammont ta' benefiċċju mħallas żejjed. Persuna tiġi wkoll infurmata kemm hu l-bilanċ li jkun fadal jitħallas ma' kull ċekk li jintbagħat. Dan isir sakemm tinġabar is-somma kollha.