Jista' l-Ministru jara x' inhi r-raġuni li l-persuna indikata under seperate cover m' hix intitolata li tieħu l-għajnuna għall-qgħad, u dan wara li din il-persuna tkeċċiet mill-impjieg tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap. 318) biex persuna tikkwalifika għall-Assistenza Soċjali għal waqt il-Qgħad, trid tkun qed tirreġistra taħt l-ewwel parti tar-Reġistru miżmum mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Jirriżulta li din il-persuna ma kienetx qed tagħmel dan.
Jista' l-Ministru jgħid peress li ġie kkonfermat li l-kera tal-persuna hawn taħt indikata, kellha tkun Lm36 fis-sena, kif allura ntalab tħallas Lm351 bħala ħlas ta' kera ta' sena u nofs?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi sentejn ilu l-persuna ndikata baqgħet ma pproduċietx dokumenti mitluba mid-Dipartiment biex issirilha reviżjoni tas-sussidju u għalhekk waqgħet taħt kera kummerċjali ta' Lm180 fis-sena. Din is-sena pproduċiet id-dokumenti u l-kera ġiet reveduta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-imħażen li hemm taħt it-Triq tal-Maċina l-Isla humiex mikrija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fit-Triq 31 ta` Marzu, li tiġi taħt it-Triq tal-Maċina l-Isla, hemm ħames garaxxijiet/mħażen tal-Gvern. Erbgħa minnhom huma mikrija filwaqt li wieħed huwa okkupat illegalment minn terzi persuni. Qed jittieħdu l-passi neċessarji biex dan ta` l-aħħar jiġi żgumbrat.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kumpaniji li ġew short listed għat-tender tal-waste management? Meta se jitlesta l-proċess ta' l-aġġudikazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant fl-ewwel parti tal-mistoqsija tiegħu ser tingħata fil-futur.
Dwar il-proċess ta' l-aġġudikazzjoni, dan qed isir fl-iqsar żmien possibli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm nuqqas ta' għalliema fl-iskola E. Serracino Inglott Bormla għas-suġġetti tal-Fiżika (Form 3) u H. Economics (Form 5)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema li ntbagħtu ma aċċettawx li jaħdmu fl-iskejjel ta' l-Istat. Qed jittieħdu l-passi biex dawn il-vakanzi jimtlew b'għalliema oħra.
Jista' l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji sabiex id-drenaġġ fi Triq l-Ajkla Bormla ma jfurx u b' konsegwenza jispiċċa f' numru 15 Triq Hanover Bormla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li minħabba li l-kuntratt oriġinali tax-xogħol fi Triq Hanover kien abbandunat mill-kuntrattur, inħareġ kuntratt ieħor sabiex dan ix-xogħol ta' tiswija jsir kemm jista' jkun malajr.
Jista' l-Ministru jara x' possibilita hemm li ssir xi ħaġa sabiex tiġi rranġata s-sitwazzjoni fejn koppja li kollha joint account f' xi bank lokali u jmut wieħed mill-partijiet, il-flus ma jiġux iffriżati, u allura tinħoloq speċi ta' survivor's rule?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-raġuni għala flus li jkunu ddepożitati f'joint accounts ta' koppja miżżewġa jiġu ffriżati mill-banek meta xi wieħed mill-partijiet imut hi l-banek jkunu jridu jaċċertaw irwieħhom li dawn il-flus imorru għand min verament hu ntitolat għalihom.
Hekk kif il-werrieta juru lill-banek id-dokumenti neċessarji dawn il-flus jiġu allokati lilhom minnufih u mingħajr dewmien.
Ta' min jgħid ukoll li pagamenti għal spejjeż ta' funerali u għal ħlasijiet ta' taxxa jitħallew isiru minn kontijiet li jkunu ffriżati.
Barra minn hekk kontijiet li jkunu f'isem il-parti ħajja qatt ma jkunu ffriżati.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq il-proġett tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera? Meta hu ppjanat li jinfetaħ uffiċċjalment?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq il-proġett tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera hu maħsub li jitlesta wara Lulju 2002. Hu ppjanat li l-Kumpless jinfetaħ uffiċjalment fil-bidu tas-sena 2003.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija nru. 28163?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-20 ta` Settembru ta` din is-sena l-impjiegi ġodda b`mod permanenti ma` aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward in-numru ta` impjiegi ġodda fis-Servizz Pubbliku nitlob lill-Onorevoli Interpallant jirreferi għar-risposta li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28127.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija nru. 28126?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba dwar impjegati ġodda ma' l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekastru tiegħi. Rigward in-numru ta' mpjegati ġodda fis-Servizz Pubbliku li jaqgħu taħt l-istess dekasteru nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru f'Seduta 610.
Jista' l-Ministru jikkonferma li r-ration tal-ħobż slice għal kull sala fl-Isptar Boffa hu ta' tnejn kulljum? Jikkonferma ukoll li kull nhar ta' Sibt jitqassmu 4 ħobżiet biex ikopru l-Ħadd ukoll? Jista' jgħid ukoll jekk hux minnu li nhar is-Sibt 29 ta' Settembru 2001, tqassmu biss 2 ħobżiet kull sala?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tieghu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' Prim Ministru jgħid kemm kien hemm impjiegi ġodda mal-Ministru u dipartiment/agenziji li jaqgħu taħt minn Jannar 2001 sa issa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar u l-20 ta’ Settembru ta’ din is-sena ġew impjegati 727 ħaddiem ġdid fis-Servizz Pubbliku, li minnhom, 16 ġew impjegati f’dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Fl-istess perjodu spiċċaw mill-impjieg 697.
Matul l-istess perjodu ġew impjegati wkoll 33 ħaddiem ġdid fl-aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi u spiċċaw 30.
Aktar informazzjoni tinsab fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara u jinforma lill-persuna ndikata jekk hux ser jitwaqqa' l-post tagħhom fi 26A, Triq l-Ajkla, Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-indirizz indikat huwa nkluż fil-proġett tat-tielet fażi ta' Santa Liena. Draughtsmen tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar kienu kejlu l-postijiet ftit tax-xhur ilu.