Jista' l-Ministru jara li jsir ix-xogħol fis-sistema tad-dranaġġ fi Triq il-Farfett tal-Fejġel, Żabbar li qed jaffettwa r-residenza privata indikata separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li qed isiru sforzi biex jinstab is-sors tal-fawran permezz ta' survey bis-CCTV. Kif dan jiġi identifikat jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jissewwa.
Jista' l-Ministru jara li ssir ir-reviżjoni tal-pensjoni tal-persuna indikata separatament li kellha grad ta' Chief Quality Controller ma' ażjenda private? Peress li dan hu grad maniġerjali, jista' jgħid f'liema skala tal-gvern jaqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninfoma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna ndikata minnu ġie investigat u l-persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslet it-talba għall-kumpens dovut lill-persuna indikata separatament li twaqqgħalha l-post biex sar il-proġett ta' slum clearance?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'referenza għal PQ 30509, jista' l-Ministru ġentilment jinnota li qed nirreferi għall-wire tad-dawl?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Peress li fil-Fgura qed isir xi xogħol fuq Triq Hompesch, u allura qed tintuża ħafna Vjal Kottoner, jista' l-Ministru jara hemmx possibilita li jsiru xi pedestrian crossings?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-"xi xogħol fuq Triq Hompesch", jiswa madwar Lm600,000; iżda t-traffiku hu mistenni jirritorna għal Triq Hompesch fil-ġimgħat li ġejjin wara li titlesta' din il-fażi tax-xogħol.
Peress li saret zebra crossing fi Triq S. Tereza, Bormla, jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibilita li jsiru traffic lights minflok, għax ta' kuljum qed ikun hamm periklu ta' xi aċċident?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq u l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jaraw x'jista' jsir.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-applikazzjonijiet li hemm (jekk hemm) quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal xi proġetti fl-area ta' Dock 1 Bormla?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjonijiet pendenti għal xi proġett fl-area ta` Dock 1 huma kif jidher hawn taħt:
Master Plan - Dock 1: PA 3428/01
Conversion of building into BOV Branch - PA 4220/01
Jista' l-Ministru jgħid meta u x'kumpens ser jingħata l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tal-ħanut li kellu u twaqqa' fil-proġett ta' slum clearance?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament ma bagħtitx id-dokumenti meħtieġa lid-Dipartiment ta` l-Artijiet biex isiru r-riċerki neċessarji biex jiġu stabbilit li hu s-sid tal-proprjeta` in kwistjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tatx kas tal-fatt li l-area fejn twaħħlet antenna tat-telekomunikazzjoni (ċioe fi 199, Triq iż-Żewġ Mini, Senglea) hija post dens ta' abitazzjoni, ta' l-oppożizzjoni tar-residenti għat-twaħħil ta' din l-istess antenna, kif wkoll ta' l-effett ħażin għas-saħħa u għall-ambjent li tista' tħalli din l-antenna
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-permess għall-applikazzjoni PA 6739/00, għat-twaħħil ta` "telecommunication antennae" fuq 199 Triq iż-Żewġ Mini, Isla, inħareġ fis-26 ta` Marzu 2001. Rigward periklu, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ġiet infurmata, permezz ta` ittra datata 17 t`Awissu 2000 mid-Dipartiment tas-Saħħa, li l-"mobile phone base stations" ma jikkawżawx periklu għas-saħħa sakemm jiġu osservati gwidi internazzjonali għall-installazzjoni ta` dan it-tip t`apparat.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għaliex residenti fl-area madwar Triq iż-Żewġ Mini Senglea, qed jilmentaw b'reception ħażin tal-TV, u qed jarbtu dan ma twaħħil ta' antenna tat-telekomunikazzjoni? Jista' jara li dan l-inkonvenjent jitneħħa mmedjatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mill-investigazzjonijiet li saru mid-Dipartriment tat-Telegrafija mingħajr Fili fl-inħawi msemmija, jirriżulta li l-interferenza qed tiġi kkawżata minn overload fil-boosters li joperaw barra mill-frekwenzi tat-trasmissjoni tat-TV għal ġewwa l-frekwenzi tat-trasmissjoni tal-GSM. Minn testijiet li saru fuq l-istazzjon tal-GSM fil-viċinanza, jirriżulta li dan qed jopera skond ir-regolamenti.
Għaldaqstant id-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili bagħat ittri lill-kumpanija li topera l-istazzjon tal-GSM fid-29 ta' Settembru u t-3 ta' Diċembru 2001 u għarrafha b'din il-problema. Minkejja li jirriżulta li l-istallazzjonijiet tal-GSM qed joperaw skond ir-regolamenti, bħala sinjal ta' rieda tajba din il-kumpanija qed toffri li tgħin biex dawn il-problemi jiġu rimedjati mingħajr ebda preġudizzju u fuq bażi ex-gratia.
Peress li l-Kunsill Lokali Senglea oggezzjona għat-twaħħil ta' telecommunication antenna fi Triq iż-Żewġ Mini Senglea, u peress li fid-deċiżjoni tagħha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma tatx kas ta' din l-oggezzjoni magħmula mill-Gvern Lokali tal-Isla, u allura ħarġet il-permess, jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandhiex tagħti widen lill-kelma tar-residenti riflessa f'petizzjoni ta' aktar minn 200 firma u din l-antenna titneħħa minn fejn hi u b'hekk isserraħ ras ir-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 30623 u Nru. 30627 f`din l-istess Seduta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex oggezzjonijiet minn kunsilli Lokali fil-lokal tagħhom mhux dejjem jingħataw widen? Il-kunsilli lokali huma kkalkulati fuq proġetti li jista' jkollhom ħsara fuq saħħet ir-residenti tagħhom jew fuq l-ambjent? X'saħħa għandhom il-Kunsill Lokali quddiem kumpaniji b'saħħithom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma nafx għal liema oġġezzjonijiet qed jirreferi gġalihom l-Onorevoli Interpellant.
Skond l-Att dwar il-Kunsilli Lokali Kap. 363 u Artikolu 33 (1) (i) il-funzjonijiet ta` kull Kunsill Lokali jkunu "li jagħti parir lil, u meta dan ikun japplika, li jkun ikkonsultat minn kull awtorita` li jkollha is-setgħa li tieħu xi deċizjonijiet li direttament jew indirettament jolqtu l-Kunsill u lir-residenti li jkun responsabbli għalihom". Il-liġi tapplika għal kulħadd.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' tal-Ippjanar taħsibx li l-Kunsilli Lokali għandhom ikollhom xi poteri (u allura t-talbiet tagħhom milqugħa) quddiem dak li jsir fil-lokal tagħhom? Jista' l-Ministru jgħid jekk l-oggezzjoni tal-Kunsill Lokali, Senglea ġietx diskussa għall-applikazzjoni PA 006739/00? Jista' l-Ministru ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-eżistu ta' din id-deċiżjoni?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 30623 f`din l-istess Seduta, ninsab infurmat illi l-ittra ta` oġġezzjoni mill-Kunsill waslet għand l-Awtorita` fit-8 ta` Frar, 2001, mentri l-perijodu li fih setgħu jintħaqgħu l-oġġezzjonijiet kien skada fl-4 ta` Frar 2001. L-ittra tal-Kunsill tpoġġiet fil-file ta` l-applikazzjoni, u l-permess inħareġ fis-26 ta` Marzu 2001.
Infurmat ukoll illi l-kopja tal-petizzjoni mir-residenti kontra l-istallazzjoni ta` l-apparat waslet għand l-Awtorita` aktar minn sitt xhur wara minn meta nħareġ il-permess.
Jista' l-Ministru jara li jsir ix-xogħol ta' trasferiment ta' wire minn ma' faċċata ta' dar li qed jikkaġuna ħsara lill-istess bini, xogħol mitlub skond file no. 325/126/2000?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Membru jispeċifika għal liema tip ta' wire qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid peress li wara investigazzjoni li saret instab li l-kont tal-ilma ta' żewġ anzjani (kont ta' aktar minn Lm100) huwa tajjeb, jista' l-Ministru jara jistax isir xi ħaġa peress li baqgħu jirċievu kontijiet ta' aktar minn Lm100 ilma (kontijiet mehmuża) u żgur li għal żewġ anzjani dan huwa ammont esaġerat?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferuta lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex il-kontijiet li qed jirreferi għalihom jerġggħu jiġu eżaminati.