Peress li l-fanali li twaħħlu mal-Pilastri fi Triq ix-Xatt, Bormla huma żgħar ħafna għal triq bħal din , jista' jiġi ikkonsidrat li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-pilastri msemmija mill-Onorevoli Interpellant ser jinbidlu u minflok jitwaħħlu oħrajn aktar addattati.
Jista' l-Ministru jara li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tinvestiga jekk ir-rampi li hemm mal-garaxxijiet fi Triq S. Liberata, Kalkara (il-parti li ma tinfidx ħdejn il-Mina tas-Salvatur) humiex ta' daqs li tippermetti l-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-Sezzjoni ta` l-Infurzar ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar investigat il-każ u jidher li dan jirrigwardja (għalkemm ma ġiex speċifikat il-lok eżatt) għal binja eżistenti li qegħda fit-triq imsemmija. Din il-binja hija koperta bil-permess PB 6505/80 maħruġ fis-27 ta` Mejju 1996.
Skond il-pjanti tal-permess, ġew approvati tlett garaxxijiet. Fuq il-post hemm erba` rampi u dan għax il-garaxx tan-nofs ġie maqsum fi tnejn. Din l-alterazzjoni ħolqot tibdil f`waħda mill-livelli tar-rampi li jagħtu direttament fuq it-triq (m`hemmx bankina). Għaldaqstant inbdew il-proċeduri biex jittieħdu passi neċessarji skond il-liġi ta` l-Ippjanar minħabba dawn it-tibdiliet.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 25999?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Skond informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju Elettorali fit-13 ta’ Frar 2002 sa din l-istess ġurnata kien hawn 209,162 ID Cards li huma magħluqa u l-proċess ta’ tiġdid ta’ l-ID Cards beda f’Diċembru 2001.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 25998?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju Elettorali fit-13 ta’ Frar 2002, jirriżulta li l-Kummissjoni Elettorali daħħlet proċedura li persuni li jkunu se jagħlqu 18-il sena u jkollhom passaport maħruġ f’isimhom jintalbu jmorru l-Uffiċċju Elettorali biex jiġi vverifikat il-passaport. Ma kinitx issir din il-verifika qabel ġiet introdotta din il-proċedura.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq Part 1 u Part 2 separatament għax-xhur Novembru, Diċembru 2001 u Jannar 2002? Jista' jaqsamhom lokal b'lokal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara jekk saritx xi tip ta' investigazzjoni dwar talba ta' mara anzjana li ħalliet il-kelb tagħha fid-Dogs Home sakemm kienet rikoverata l-isptar, u meta ħarġet dan il-kelb qatt ma instab u anke saret talba dwar dan lid-Direttur tas-Servizzi Veterinarji?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li wara li dan il-każ inġieb a konjizzjoni tad-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji u ta' l-SPCA mill-Onor. Interpellant, saret investigazzjoni u r-riżultati se jintbgħatu lill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk il-casual clerks li daħlu mal-BOV xi 6 xhur ilu b'kuntratt li jagħlaq fi ftit ġimgħat, hux ser ikollhom il-kuntratt tax-xogħol imġedded?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-BOV huwa bank privat u għalhekk informazzjoni ta' dan it-tip tinkiseb mill-Bank direttament.
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li tkun ħadmet xogħol part-time biss tul ħajjitha, hiex intitolata għall-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-fatt li persuna taħdem part-time mhux neċessarjament ifisser li ma tkunx obbligata li tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali. Persuna li tħallas dawn il-kontribuzzjonijiet regolarment normalment ikollha dritt għal pensjoni kontributorja skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Peress li kull talba għall-pensjoni tinħadem fuq bażi personali, fost ħwejjeġ oħra skond in-numru ta' kontribuzzjonijiet imħallsa, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna li għamel referenza għaliha li tavviċina lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali biex tikkjarifika l-każ tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna hawn taħt indikata li spiċċat bil-pensjoni f'Marzu 2001, għadha ma irċeviet ebda żidiet relatati mar-re-organizzazjoni tal-ħaddiema taċ-ċivil?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna ndikata minnu ġie investigat u l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tilfu l-impjieg tul is-sena 2001, xahar b'xahar? Jekk hu possibli jista' jaqsamhom f'etaijiet
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fl-għoti ta' kumpens lill-persuna indikata under separate cover tal-propjeta li ttieħdet lilha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet qiegħed fi stadju li jibda l-proċedura sabiex il-fond in kwistjoni li l-persuna indikata under separate cover qed titlob kumpens għalih, jiġi rilaxxat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fid-dar tal-anzjani ta' Bormla? Minn liema lokalita ġejjin? Kemm hemm persuni, skond il-lokalita', li inkitbu sabiex jdħlu f'din id-dar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li fid-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla hemm 106 resident/a filwaqt li hemm 105 applikant/a jistennew biex jidħlu f'din id-Dar.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-kumplament ta' l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid peress li l-ground ta' l-iskola Primarja ta' Bormla itteħditlu biċċa minnu u peress li din il-parti tħalliet abbandunata, jista' jikkunsidra li dan il-ground żgħir li kien jitġawda ħafna miż-żagħżagħ ta' Bormla, jerġa jinġieb għall-istat li kien fih qabel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid peress li żmien ilu kien hemm pjanijiet li Pjazza Santa Margerita, Bormla tingħata dehra aħjar, jista' l-Ministru jgħid x'sar minnhom dawn il-pjanijiet, b'kemm waqgħu lura, x'inhi r-raġuni li waqgħu lura u jekk hemmx il-ħsieb li dan il-proġett isir?
Jista' l-Ministru jara li ssir it-tiswija neċessarja fil-bankina tat-triq li mill-mina ta' Santa Liena tagħti għal Triq il-Polverista Bormla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jara x'jista jsir sabiex l-anzjana li tgħix waħidha (dettalji qed jintbagħtu separatament) li għandha l'fuq minn 81 sena, tkun tista' tidħol f' SVPR?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-anzjana msemmija qed tiġi eżaminata mill-Admission Board biex tingħata l-attenzjoni neċessarja skond il-mertu tal-każ għal meta jkun hemm vojt fis-swali tan-nisa.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha xogħol part-time bħala xogħol ewlieni minbarra li hu pensjonant tal-armata, qed jirċievi l-bonus supplimentari bin-nieqes?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li min informazzjoni li għandi jidher li l-persuna li qed jirreferi għaliha qed tiegħu l-Bonus Supplimentari tajjeb, jiġġifieri parti minn min iħaddima u parti mingħand l-gvern.