Jista' l-Ministru jgħid b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari li kont għamilt lill-istess Ministru, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi ħaġa fir-rigward tal-ilmenti li qed ikun hemm minn residenti fi Triq il-Magħsar Żabbar u dan minħabba li ċerti appliances mhux qed jixgħelu minħabba kurrent elettriku baxx?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol meħtieġ biex tissaħħaħ is-sistema ta' vultaġġ baxx fit-triq imsemmija fil-fatt sar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jitneħħa l-arblu tad-dawl u minfloku titpoġġa bracket ħdejn 181, Triq Għajn Dwieli, Paola?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 32300, jista' l-Ministru jgħid jekk l-ilment kienx segwit u jekk fl-affermattiv x'kien l-eżitu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tagħmel pressjoni mad-Dipartiment tar-Riżorsi u Infrastruttura biex jitwettaq ix-xogħol kollu meħtieġ f'dan il-'ground'. F'din l-art, tħaffret ħofra biex tkun tista' ssir kamra taħt l-art li kellha sservi bħala 'switch room'. Din kienet tħalliet abbandunata. Fil-preżent, bħala parti mill-proġett ta' Bormla, il-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura qed jagħmel il-preparamenti kollha meħtieġa biex taħt din l-art ikun żviluppat 'car park'.
Jista' l-Ministru jgħid x'ser isir mill-ground li hemm quddiem il-ground tal-iskola Primarja ta' Bormla? X'inhi l-possibilita li l-parti li tkissret minnu terġa tinġieb għall-istat oriġinali peress li dan kien post frekwentat ħafna miż-żagħżagħ u b'dak li sar ma jistgħux jagħmlu użu minnu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-area ta' taħt il-ground li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija ntiża biex isir multi-storey car park biex iservi l-ħtiġijiet tal-Kottonera minħabba l-iżvilupp li qed isir fuq il-Waterfront. Hija l-idea wkoll illi l-ground tal-football jibqa' u jiġi nkorporat fis-sular ta' fuq tal-car park.
Rigward it-tiswijiet imsemmija, tlabt lit-Taqsima tax-Xogħlijiet jekk jistgħux isiru dawk it-tiswijiet meħtieġa, iżda peress li hu maħsub illi x-xogħol fuq il-car park jibda kemm jista' jkun malajr, jista' ma jkunx għaqli li wieħed jonfoq xi somma sostanzjali fuq dawn it-tiswijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tibdil tal-wire tad-dawl li kellu jsir fi Blokk XI Hubbard Flat Borlma sarx, meta din it-talba ilha li saret aktar minn sena ilu.
Response (BONNICI, JOSEF)
Din it-talba ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-applikazzjoni numru PA/0979/01 quddiem l-PA wara
li din ġiet rifjutata u sar appell?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni PA979/01 ġiet rifjutata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp fl-4 ta' Ġunju, 2001, u li wara ġie sottomess appell mill-istess rifjut bin-numru PAB/218/01, il-każ ġie diferit għal deċiżjoni fit-12 t'Ottubru, 2001.
Jista' l-Ministru jara li jiġi rranġat id-dawl li hemm fuq Polverista Gate Bormla, peress li hu antik ħafna u l-brackets qed jinqalgħu mill-ħajt l-wires huma mikxufin?
Jistax jara ukoll li jinbidlu l-bozoz?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jara li tinbidel il-bożża li hemm quddiem 27, Blokk 2 fuq San Pawl, Bormla
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fhiex waslet it-talba tal-mara anzjana li d-dettalji qed jintbagħtu separatament ta' 75 sena li tgħix waħedha, sabiex din tkun tista tidħol fid-dar għall-anzjani ta' Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant applikat biex tidħol fid-Dar ta' l-Anzjani fl-4 ta' Diċembru 2001 u l-assessment soċjali sarilha fit-3 ta' Jannar 2002.
Ninsab infurmat ukoll li tpoġġiet fuq il-waiting list skond ir-rapporti li saru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta'persuni li sfaw issensjati mill-impjieg tagħhom tagħhom minn Jannar 2002 sal-lum, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid minn liema settur kienu ġejjin u l-etajiet ta' kul persuna li tilfet l-impjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'diżabilita li qed jirreġistraw għax-xogħol? Jista' jagħti l-etajiet tagħhom? Minn liema lokal ġejjin u kemm ilhom jirreġistaw għax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.
Peress li l-ex-ħaddiema tal-(ATCC) Air Traffic Control Corps saru parti mill-MIA, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn (f'ħafna każi wara għexierien ta' snin servizz) humiex intitolati għal-titjib li kien hemm fil-pagi wara r-re-organizzazjoni li saret ftit ilu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-ex-ħaddiema ta' l-Air Traffic Control Corps mhux talli kienu ntitolati iżda fil-fatt ħadu t-titjib li kien dovut lilhom skond ir-riorganizazzjoni fis-Servizz Pubbliku li saret b'effett mill-1 ta' Jannar 2001.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-rati ta' ħlas tal-bolla tan-NI għal din is-sena? Kif kienu fis-snin 1998, 1999, 2000 u 2001?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fl-Għaxar Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali kif emendata u approvata mill-Parlament fis-snin rispettivi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-iskeda għas-snin mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isir il-ħlas ta' kumpens għall-fond 34A u 34B Sqaq Brittaniku No. 2 Tarxien?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, il-vot biex isir ħlas ta` kumpens żdied b`mod sostanzjali matul dawn l-aħħar sentejn. Xorta jibqa` l-fatt li mhux it-talbiet kollha jistgħu jiġu indirizzati. U għalhekk dan il-Gvern qed jieħu l-passi biex jindirizza din il-problema prinċipali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rreġistraw il-proprjeta tagħhom fl-iskema li kien hemm tul l-ewwel xahrejn tas-sena għal reġistrazzjoni volontarja tal-propjeta? Jista' jaqsamhom lokal b'lokal?
Response (BORG, TONIO)
L-iskema volontarja ta` reġistrazzjoni ta` proprjeta` fil-Belt Valletta, Floriana, Birgu, Bormla u l-Isla fetħet fit-12 ta` Novembru 2001 u għalqet fit-28 ta` Frar 2002 peress li ġiet estiża.
Ninsab infurmat illi l-ammont ta` applikazzjonijiet li saru minn sidien li wrew interess li jirreġistraw il-proprejta` tagħhom huwa kif ġej:
Belt Valletta 470
Floriana 329
Birgu 275
Bormla 690
L-Isla` 384
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isir il-ħlas ta' kumpens għall-fond 6 Triq l-Ajkla Bormla li kien ittieħed sabiex sar il-proġett ta' slum clearance f'Bormla?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta` l-Artijiet qiegħed fil-proċess li jistabbilixxi l-valur tal-fond imsemmi, biex tkun tista` titkompla l-proċedura neċessarja u jitħallas il-kumpens dovut.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna indikata under separate cover il-pensjoni ta' Frar bi tnaqqis?
Jekk dan it-tnaqqis mhux ġustifikat, jista' jgħid meta din il-persuna ser tirċievi r-refund?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna ndikata minnu ġie investigat u l-istess persuna ġiet infurmata dwar il-każ tagħha bil-miktuba.
Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 32178 u coie, peress li l-ex-ħaddiema tal-ATCC ġarrew magħhom il-kundizzjonijiet kollha meta saru parti mill-MIA, jista' jispjega għaliex uħud minnhom tilfu d-dritt li jieħdu ż-żidiet marbuta mar-re-organizzajoni tal-pagi taċ-ċivil?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li kuntrarjament għal dak li qed jingħad fil-mistoqsija, ħadd mill-ex ħaddiema ta' l-A.T.C.C. ma tilef id-dritt li jieħu ż-żidied marbuta mar-riorganizzazzjoni tal-pagi tas-Servizz Pubbliku.
Peress li skond tweġiba parlamentari li ingħatat lili sabiex jitwassal is-servizz tad-dawl (sal-lum temporanju) fi Plot 1 Triq Nejder Kirkop, dan is-servizz kellu jingħata l-attenzjoni, jistax il-ministru jara li r-residenti ta' din l-area jitwaslilhom is-servizz ta' l-elettriku normali sabiex ma jibqgħux ibatu konsegwenzi li ċerti appliances ma jaħdmux?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ix-xogħol meħtieġ biex jitjieb il-livell ta' servizz għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.