Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kiri ta' proprjeta` tal-Gvern

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara tistax issir xi ħaġa sabiex dawk il-persuni li joqogħdu f'kiri tal-gvern - pero` mikrija fuq art possession and use - ikunu jistgħu jixtru din il-proprjeta`?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar tbiegħ propjeta' wara li l-art li fuqha tkun mibnija din il-propjeta' tkun mgħoddija lilha mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. Għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

SVPR — Nursing Aides

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija 33625, jista' jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu xogħol ta' nursing aides f'SVPR u li ħadu l-appointment fl-1993 u daħlu qabel l-1987 pero` mhux jitħallsu daqs nursing aides oħra iżda qed jitħallsu fi skala 14 flok skala 13? X'inhi r-raġuni wara din id-differenza? Meta jaħseb li din l-inġustizzja ma' dan in-numru żgħir ta' nursing aides tkun irranġata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għad fadal sitt (6) Nursing Aides li qed jitħallsu skala 14 u li jista' jkun li jkunu ntitolati li jitilgħu għal skala 13. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa għaddej proċess ta' verifika meħtieġ biex jiġi stabbilit jekk dawn in-Nursing Aides għandhomx dritt li jitilgħu fi skala 13 skond il-provedimenti tal-ftehim relatat.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex persuna tirreġistra għax-xogħol jekk issiefer tinqata' mir-reġistrat? X'tista' tagħmel persuna li qed tirreġistra u tixtieq issiefer?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuna li tkun qed tirreġistra għax-xogħol hija obbligata ġġedded ir-reġistrazzjoni tagħha darba fil-ġimgħa, fl-uffiċċji distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, fil-ġurnata ndikata mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, meta tirreġistra l-ewwel darba. Kull min ifalli milli jġedded din ir-reġistrazzjoni jiġi mwaqqaf milli jirreġistra għax ma jistax jitqies disponibbli għax-xogħol matul dak il-perijodu. Persuna li minħabba safar tkun naqset li ġġedded ir-reġistrazzjoni tista', wara li tirritorna Malta, terġa' tibda tirreġistra fuq l-istess parti tar-reġistru li kienet qabel ma siefret.

Marsaskala — Triq l-Immakulata

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq l-Immakulata, Marsaskala, tingħata kisja tarmac peress li qed tkun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti tagħha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

SVPR — Nursing Aides

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu xogħol ta' nursing aides f'SVPR u li ħadu l-appointment fl-1993 u daħlu qabel l-1987 pero` mhux jitħallsu daqs nursing aides oħra iżda qed jitħallsu fi skala 14 flok skala 13? X'inhi r-raġuni wara din id-differenza? Meta jaħseb li din l-inġustizzja ma' dan in-numru żgħir ta' nursing aides tkun irranġata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #33630 Sitting 743 2002-05-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir xi street lightning fi Triq l-Immakulata Marsascala, peress li hija imdalma ħafna?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
Leg 9 PQ #33395 Sitting 738 2002-05-20 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltapost — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux il-ħsieb tal-gvern li lil dawk l-impjegati li kienu ma' Posta Ltd u wara ma Maltapost u issa għażlu li jibdew jagħmlu parti miċ-ċivil li jingħatawlhom il-promozzjonijiet li kienu ħadu fi żmien Posta Ltd?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema li għażlu li jmorru lura mal-Gvern ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta' tal-kumpanija Maltapost jew tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi.

Bormla — Hubbard Flats

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex tissewwa l-bitħa komuni li hemm bejn il-blocks 9/10/11/8 Hubbard Flats, Bormla peress li l-post huwa invażat bil-ġriedem kbar u qed ikun ta' periklu għar-residenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li m'hijiex ir-responsabilita' tad-Dipartiment tal-Housing li jagħmel xogħol f'areas pubbliċi anke jekk ikun f'areas ta' Housing Estate.
Leg 9 PQ #33531 Sitting 738 2002-05-20 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Suldati tal-Forzi Armati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-suldati tal-forzi armati A comp li kienu xogħol fil-lejl bejn 13 u 14 ta' Mejju, u li suppost spiċċaw fis-7.00 am ġew ordnati jaħslu l-barracks tagħhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li normalment il-ħin tad-“dismiss parade” hu fis-7.30 u mhux kif indikat fil-mistoqsija. Jidhirli l-passi li ttieħdu jaqgħu taħt ir-responsabilta` ta’ l-amministrazzjoni tal-Forzi Armati.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid li wara li rriżulta li l-persuna indikata under separate cover ma kellhiex tagħti lid-dipartiment, u wara li kienet qed titnaqqsilha ħlas lura mill-pensjoni, jista' l-Ministru jara li din il-persuna tiċievi lura l-ħlas żejjed li ħallset?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntatjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.
Leg 9 PQ #33325 Sitting 737 2002-05-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Price Club - Swatar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-kumpless tal-Price Club fis-Swatar għadu jingħata s-servizz tal-elettriku minn l-Enemalta meta l-istabiliment ta' Raħal ġdid li kien għand din il-kumpanija inqatgħalu s-servizz minħabba kontijiet pendenti li l-kumpanija Price Club għandha mal-Enemalta? Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Enemalta qatgħetx is-servizz tal-elettriku tal-abitazzjoni personali tas-sidien u diretturi tal-kumpanija Price Club meta dawn naqsu milli jħallsu lill-Enemalta dak li hu dovut lilha? Jista' jgħid jekk is-sena l-oħra l-Enemalta qatgħetx il-provista tal-elettriku lis-supermarket Price Club ta' Luqa Road Paola minħabba kontijiet pendenti? Jista' jgħid jekk ingħata s-servizz lura, kienx għax sar il-ħlas dovut lill-Enemalta? Jekk le, jista' jgħid min ta l-ordni biex tingħata l-provista, jekk ingħatat?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ma tistax tieħu l-passi neċessarji biex taqta l-provvista ta' l-elettriku lill-istabbiliment tal-Price Club li jinsab fis-Swatar peress li s-substation li tissupplixxi l-elettriku lill-istabbiliment tinsba mibnija proprju fl-istess stabbiliment u minħabba proċeduri legali mhux possibbli li l-impjegati tal-Korporazzjoni jidħlu fil-post biex tiġi sospiża l-provvista. Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni rat jekk tistax tissospendi l-provvista minn ring fil-viċinanza tas-substation, pero' irriżulta li jekk isir dan, is-sistema ta' l-elettriku għall-konsumaturi l-oħra titnaqqas ħafna mir-reability u għalhekk mhux ġust li jbatu terzi persuni intortament. Madanakollu l-Korporazzjoni xorta waħda għadha qed tagħmel sforzi biex il-kurrent jiġi sospiż. Il-liġi ma tippermettix li jinqata l-kurrent elettriku domestiku tad-diretturi fuq dejn ta' entita' oħra, meta quddiem il-liġi dawn huma żewġ elementi separati. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Membru li ma jkunx prudenti li jingħata tagħrif kummerċjali dwar klijenti tal-Korporazzjoni.

Għajn Dwieli — Raħal Ġdid - Zebra Crossing

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li zebra crossing li hemm Għajn Dwieli ħdejn il-mini titressaq lejn tarf it-triq naħa ta' Raħal Ġdid fejn jibdew ir-residenzi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ser ngħaddi t-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Direttorat għat-Toroq u dak għall-Maniġġ tat-Traffiku biex jaraw huwiex possibbli li ssir zebra crossing fil-viċinanzi tar-residenzi kif indikat mill-Onor. Interpellant.

Awtorita` tas-Saħħa u Sigurta` fuq il-Post tax-Xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm health and safety officers fi ħdan l-awtorita` tas-saħħa u sigurta` fuq il-post tax-xogħol li qed jagħmlu id-dmirijiet mitluba minn din il-pożizzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hemm tmien (8) uffiċjali li ġew appuntati bħala Occupational Health and Safety Officers skond kif kontemplat fl-Artikolu 15 tal-liġi li waqqfet l-Awtorita' għas-Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol.
Leg 9 PQ #33293 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA

Question

Peress li meta l-MIA ħadet il-kontroll ta' l-ajruport mingħand l-Avjazzjoni Ċivili ħadet magħha l-impjegati u l-apparat kollu, jista' l-Ministru jgħid għaliex issa li sezzjoni minnhom (li minħabba sigurta` tal-pajjiż ingħata lura lill-gvern) magħrufa bħala MATS ma ħaditx lura magħha ċertu apparat li jiswa eluf ta' liri? X'inhi r-raġuni u jista' jelenka x'inhu dan l-apparat li jista' jispiċċa f'idejn il-barrani issa li l-MIA se tkun privatizzata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-kumpanija mwaqqfa mill-Gvern fl-1 ta' Jannar 2002 biex tieħu ħsieb il-kontroll ta' l-ajru f'Malta, ħadet mingħand il-Malta International Airport mhux biss l-impjegati li kienu jaħdmu f'din is-sezzjoni, iżda ħadet ukoll il-makkinarju neċessarju biex din tkun tista' topera. Dan l-apparat kellu valur (net book value) ta' aktar minn Lm3.6 miljun.
Leg 9 PQ #33088 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet Privati — Spezjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li saret spezjoni fl-isptarijiet privati fin-nofs inhar ta' fil-għodu biex jaċċertaw li konsulenti li kienu jaħdmu hemm mhux suppost li kienu jaħdmu fl-isptar San Luqa? Jista' jagħti din l-informazzjoni għall: fl-isptar St. James , fl-isptar San Filippu, u fl-isptar Capua Palace?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li r-regolamenti dwar kliniċi privati ma jagħtux poter li jsiru spezzjonijiet għall-fini speċifiċi li qed isemmi l-Onor. Inrterpellant. Jeżistu (i) l-obbligu tad-detentur tal-liċenzja li jżomm reġistru ta' ħin ta' dħul u ħruġ ta' professjonisti li joffru servizz fl-isptar/klinika u (ii) id-dover tad-detentur tal-liċenzja li b'mod raġjonevoli jassigura li ma jsirux abbużi fis-sens li għalih qed jirreferi l-Onor Interpellant. Minbarra li matul l-ispezzjonijiet regolari jiġi assigurat li r-reġistru qed jinżamm, detenturi tal-liċenzja jistgħu jintalbu li jipprovdu kopji tar-reġistru. L-aħħar li dan sar għat-tliet kliniċi msemmija kien biex jiġi nvestigat każ partikulari u dan kien f'Novembru 2000. Jekk l-Onor Interpellant għandu każijiet speċifiċi, nitolbu jgħaddihomli bil-miktub, ħalli jkunu jistgħu isiru l-verifiki neċessarji skond il-liġi.
Leg 9 PQ #33285 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Servizz ta' facilitator

Question

Jista' l-Ministru jara li tkun ikkunsidrata t-talba tat-tifel li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament sabiex ikollu għajnuna fl-iskola, forsi permezz ta' facilitator?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Istatementing Moderating Panel għamel evalwazzjoni tal-każ u ħass li dan it-tifel ma kellux il-kriterji meħtieġa biex jiġi statemented.

Kera esaġerata

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tkun irranġata t-talba għal ħlas ta' kera esaġerata minn persuna bla impjieg li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u dan minħabba nuqqas tiegħu stess meta ma bagħtx l-informazzjoni mitluba mid-dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-kera ssussidjata ġiet irranġata f'Jannar li għadda wara li l-inkwilin ipproduċa d-dokumenti meħtieġa.

Akkomodazzjoni Alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Minstru jikkunsidra t-talba għall-akkomodazzjoni alternattiva tal-persuna b'disabilita` li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li tgħix f'post b'żewġt ikmamar flimkien ma' ħames uliedha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni tal-persuna ndikata ilha li ġiet ikkanċellata minn April 1998 wara li ma rrisponditx għal kwestjonarju.