Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibilita' li l-casual clerks isiru tal-post?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nifhem illi l-mistoqsija tirreferi għal dawk il-persuni li ġew impjegati bħala “Casual Typists” mas-Servizz Pubbliku.
Nixtieq nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3756 u numru 8656 ta’ nhar il-21 ta’ Jannar 1999 u t-12 ta’ Lulju 1999, rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li teħel sentenza sospiża ta' 'l fuq minn sena hux minnu li titlef id-dritt għall-vot?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Persuna li teħel sentenza sospiża ta’ `l fuq minn sena titlef id-dritt tal-vot skond Artiklu 58(b) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li jgħid li:
“Ħadd ma jkun kwalifikat li jkun reġistrat bħala elettur… jekk ikun qed jiskonta kundanna ta’ priġunerija (tkun kif tkun imsejħa) ta’ iżjed minn tnax–il xahar …jew ikun taħt kundanna bħal dik ta’ priġunerija li l-esekuzzjoni tagħha tkun ġiet sospiża.”
Jista' l-Ministru jara jistax issir xi ħaġa sabiex dawk il-persuni li joqogħdu f'kiri tal-gvern - pero` mikrija fuq art possession and use - ikunu jistgħu jixtru din il-proprjeta`?
Response (BORG, TONIO)
Dwar "possession and use", ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern preżenti, wara l-elezzjoni tal-1987, kien iddeċieda li ma jinħarġux iktar "possession and use" sakemm ma jkunx hemm intenzjoni li l-art jew bini jinxtraw.
Għalhekk il-"possession and use" li hemm, jirreferu għal perijodu qabel l-1987.
Sabiex itejjeb il-posizzjoni ta` dawn in-nies, il-Kabinett f`Lulju 2001 approva proposta ta` liġi biex ix-xiri ta` dawn il-proprjetajiet tkun b`rata iktar favorevoli lis-sidien attwali u fl-istess ħin il-Gvern jakkwista l-proprjeta` mingħajr formalita` żejda.
Dan l-abbozz għadda mill-istadju tal-Kumitat (Abbozz Nru. 92) nhar il-Erbgħa 19.06.2002, u malli ssir liġi, il-Gvern ikun jista` jakkwista dawn il-proprjetajiet, u jbiegħhom lill-inkwilini attwali.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kuntratturi li għandhom jieħdu għal xogħol li għamlu minn Settembru 1998 sal-lum? X'inhuma l-ammonti għal kull każ u kemm ilhom pendenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni reġistrati bħala disabled li qed jirreġistraw għax-xogħol? Jista' jaqsamhom skond il-lokalita` u l-eta`? Jista' jgħid kemm minnhom ġew offruti xi mpjieg mill-ETC f'din l-aħħar sena? Kemm minnhom fil-fatt sabu mpjieg bl-intervent ta' l-ETC?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjni dwar in-numru ta' persuni f'Malta u Għawdex reġistrati bħala disabled mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ li f'April 2002 kienu qed jirreġistraw għax-xogħol taħt l-Ewwel u t-Tieni Parti tar-Reġistru.
Ninsab infurmat li bejn April 2001 u April 2002 il-Korporazzjoni offriet 1,080 impjieg lill-persuni reġistrati bħala disabled. Ta min jgħid li persuna tista' tiġi offruta iżjed minn impjieg wieħed. Matul l-istess perijodu 52 persuna reġistrata bħala disabled sabu mpjieg bl-intervent tal-Korporazzjoni.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 33794 fejn il-Viċi Prim Ministru qal li għad fadal sitt nursing aides li qed jitħallsu skala 14 u li jista' jkun li huma intitolati għal skala 13, jista' jara jekk hux minnha l-informazzjoni li għaddiet lili li hemm 13 li qed isofru din id-differenza? Jista' jgħid jekk hux minnu li l-maġġoranza tagħhom ġew approvati mid-direttur ta' l-istess dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura meta surġent/pulizija ikun xogħol matul lejl sħiħ
sa kmieni filgħodu u l-għada ikun irid jitla' l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi meta membru tal-Korp tal-Pulizija ikun meħtieġ li jattendi l-Qorti wara night watch, minn dejjem kienet il-proċedura li dan jattendi l-Qorti fil-ħin kif ikun imħarrek. Pero` il-ħin li jkun attenda l-Qorti jkun parti mill-qadi tad-doveri tiegħu għal dik il-ġurnata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bnadar ta' pajjiżi differenti minn Jannar 2002 sal-lum? Minn min saru, jiġifieri minn impjegati tad-dipartiment jew minn ditti privati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u d-Dipatimenti kollha li jappartjenu liliu ma jagħmlux bnadar. Ġieli jinqalgħu każi fejn xi Ministeri, partikolarment dak ta' l-Affarijiet Barranin, jitolbu xogħol ta' tiswija fuq bnadar eżistenti. Dan ix-xogħol isir mis-Sezzjoni ta' Ħal-Luqa tad-Dipartiment tal-Kultura.
Jista' l-Ministru jinforma jekk il-garage 3 taħt Blk G Tal-Ħawli H/E Birgu jistax jinxtara mill-inkwilini?
Response (BORG, TONIO)
Il-policy attwali hija li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern tikkunsidra kull talba għal xiri ta` proprjeta` tal-Gvern skond il-merti tal-każ u jekk jirriżulta li l-bejgħ ikun ta` vantaġġ dan ikun jista` jsir skond il-proċeduri relattivi taħt l-Att dwar it-Trasferiment ta` Artijiet. Sabiex din il-kunsiderazzjoni tkun tista` ssir huwa meħtieġ li ssir applikazzjoni għand it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li d-drenaġġ tal-iskola primarja tal-Fgura qed jintefa' ġo fossa? X'inhi r-raġuni? Meta ser titneħħa din il-problema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sistema tad-drenaġġ ta' parti mill-iskola primarja tal-Fgura ma kienitx imqabbda mas-sistema tad-drenaġġ prinċipali u allura proviżorjament id-drenaġġ kellu jintefa' ġo fossa. Qed isiru tħejjijiet mad-Dipartiment tad-Drenaġġ biex issir konnessjoni ġdida bejn l-iskola u s-sistema prinċipali. Id-Diviżjoni qed tagħmel ħilitha kollha biex ix-xogħol isir fl-inqas żmien possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni impjegati ma' Telepage sussidjarja tal-Maltacom? Kemm hemm minnhom li huma ta' nazzjonalita' barranija? X'inhi r-raġuni li barranin ġew magħżula flok Maltin għal kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li sabiex persuna tibdel madum u aċċessorji f'kamra tal-banju ta' post tal-gvern trid tissottometti applikazzjoni lill-awtorita' ta' l-ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Le, il-bdil ta` madum tal-kamra imsemmija ma jirrikjedi ebda permess mill-MEPA ghax dak hu xogħol ikkunsidrat bħala manutenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser titkompla Triq San Ġwann Bormla? Jista' jagħti time frame ta' kif ser isiru x-xogħlijiet peress li hemm ilmenti esagerti fuq dranaġġ miftuħ, triq imkisra u pajpijiet tal-ilma fil-wiċċ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant qed isir flimkien ma' xogħol ieħor fi Triq il-Polverista.
Diġa sar xogħol biex jiġu rranġati il-mains tad-drenaġġ u fil-fatt saru testijiet fuq l-art sabiex ikun jista jinbeda x-xogħol ta' l-asfalt.
Ix-xogħol kollu hu maħsub li jitlesta sa l-aħħar ta' Ġunju.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies impjegati mal-Gozo Channel li qed jieħdu ħsieb il-catering fuq il-vapuri tal-Gozo Channel? Tista' tgħid sarx profitt jew telf mill-catering fuq il-vapuri? Tista' tgħid kemm kien it-telf jew profitt għas-sena li għaddiet? Tista' tgħid hux minnu li xi xogħol ta' l-ikel li jinbiegħ fuq il-vapuri mhux isir mill-impjegati tal-Gozo Channel?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-catering fuq il-vapuri tal-Kumpanija Gozo Channel isir mill-impjegati ta’ kuntrattur. Il-Kumpanija timpjega direttament bniedem wieħed biss biex jieħu ħsieb l-operazzjoni tal-catering, inkluż il-kontroll.
Sal-ġurnata tal-lum dejjem sar profitt mill-catering fuq il-vapuri, iżda minn meta l-kumpanija ħadet f’idejha l-operazzjoni tal-bejgħ mis-sena 2000, il-profitti żdiedu.
Fis-sena finanzjarja li għaddiet, il-catering operation ħallçt qlçgħ nett ta’ madwar Lm63,000.
Nistgħu nikkonfermaw li x-xogħol ta’ l-ikel li jinbçgħ fuq il-vapuri ma jsirx mill-impjegati tal-Gozo Channel.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema mis-sena 1995 sal-lum fl-iskejjel ta' Bormla, Birgu, Isla u Kalkara separatament li talbu transfer? Kemm minnhom ġew milqugħa? F'liema lokalita` kienu residenti dawk li għamlu dawn it-talbiet?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba dwar l-iskejjel primarji msemmija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jiġu posted għalliema ġodda? Jista' jgħid jekk hux minnu li l-aħħar fl-għażla jkunu skejjel tal-Kottonera?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema ġodda jiġu posted skond ir-riżultat (order of merit) ta' l-Interviews u skond il-vakanzi (vacancies) li jkun baqa' wara li jkunu ġew effettwati t-transfers ta' l-għalliema regolari, skond it-talba tagħhom. Jiġi kkunsidrat ukoll il-post tar-residenza ta' l-għalliema.
Ir-risposta għat-tieni domanda hija definitivament fin-negattiv peress li għalliema ġodda fil-Kottonera li jiġu minn ta' quddiem jintbagħtu fil-Kottonera.
Jista' l-Ministru jivverifika l-ilmenti li saru fil-konfront tal-poliklinika ta' Bormla nhar is-sibt 1 ta' Ġunuu 2002, u dan għax ma nqdewx nies li marru għall-injections?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li skond investigazzjoni li saret jidher li fl-1 ta' Ġunju 2002 mar klijent bit-tarbija biex din tiġi mlaqqma fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Bormla. Jirriżulta li dak il-ħin l-infermiera kienet f'kamra oħra. Il-klijent, flok ma stenna fil-waiting room, kif wieħed mistenni li jagħmel, iddeċieda li jitlaq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom aktar minn 40 sena u qed jirreġistraw għax-xogħol? Minn liema lokalita' ġejjin? Kemm ilhom jirreġistraw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba dwar persuni ta' 40 sena jew fuqhom li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-Reġistru f'April 2002.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33622 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u jara li Triq l-Immakulata, Marsaskala, tingħata kisja tarmac peress li qed tkun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti tagħha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq flimkien mall-Kunsill Lokali qed jimplimenta programm għall-asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir skond il-prijoritajiet li jkunu qegħdin jirriżultaw minn żmien għal żmien.