B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru. 32869, jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rapport imsemmi fir-risposta sarx u jekk sar, jista jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 32869 u għalissa m'għandi xejn x'inżid.
B'riferenza għall-bini ta' appartamenti ħdejn St. Anġlu, l-Birgu, jista' l-Ministru jserraħ ras ir-residenti ta' Triq il-Ħabs Antik li l-għoli ta' dawn l-appartamenti mhux ser jaqbeż it-triq imsemmija? Jista' jgħid wkoll jekk hux qed jimxu fuq dak approvat mill-Awtorita` tal-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-21 ta` Ġunju 2002, l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar approvat ammenda għal permess tal-blokk residenzjali li għalih tirreferi il-Mistoqsija Parlamentari. Il-permess il-ġdid ma jipprevedix li l-bini jaqbeż l-għoli ta` Triq il-Ħabs l-Antik. Il-bini qiegħed jinbena skond dan l-aħħar permess. Għad iridu jsiru xi alterazzjonijiet biex jitneħħa parti mill-bini li mhux qiegħed jitkompla wara li nħareġ il-permess emendat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar dik il-biċċa art fir-Rinella, Kalkara li ingħatat lil wieħed mill-consortia imdaħħla fil-proġett tal-Kottonera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s'issa ma saru ebda żviluppi dwar l-art msemmija.
Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa sabiex ħajt li hemm ma ġenb 94, Triq ix-Xatt, Bormla, jiġi irranġat jew jitneħħa għax qed iservi ta' latrina b'inkonvenjent għar-residenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ħajt li hemm ma' ġenb 94, Triq ix-Xatt, Bormla, jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali ta' Bormla. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel dan is-suġġeriment lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lil persuna li isimha qed jintbagħat separatament kif id-dipartiment wasal sabiex talab refużjoni fuq ħlas żejjed ta' il-fuq minn Lm 1680
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta' Socjali invarjabilment jinforma lill-persuna konċernata meta jirriżulta ħlas żejjed. Dan ġara wkoll fil-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
B'danakollu, jekk il-persuna ndikata għad għandha xi dubju kif irriżulta l-ħlas żejjed fil-każ tagħha, għandha tavviċina l-uffiċjali fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment biex tiċċara dan id-dubju.
Jista' l-Ministru responsabbli mill-Cottonera R.P, jara li meta jsir xogħol ta' xi servizz fil-ibliet tal-Cottonera fejn ikun hemm ċangaturi taż-żonqor, dawn jinqalgħu bil-galbu u ma jitkissrux? Jista' jara għaliex sar xogħol bl-addoċċ fi Triq Xandru, Bormla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li kull darba li jsir xi xogħol minn dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' ta' dan il-Ministeru f'Bormla, ix-xogħol isir bil-galbu u b'serjeta'. Anzi kemm il-darba l-materjal taż-żonqor li jkun se jintrema minn xi kuntrattur jinġabar u jittieħed fl-istore ta' Sant'Iermu jew l-Ospizio. Barra minn hekk bħalissa l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera, bil-kollaborazzjoni tat-Taqsima tar-Restawr, qiegħed jirrestawra triq li oriġinarjament kienet miksija biż-żonqor, triq dritta, iżda fil-fatt kienet tgħattiet kollha bl-asfalt. Barra minn hekk hemm proġett għal Triq San Mikiel, Bormla, biex jitbidlu l-pipes ta' l-ilma u l-Proġett għar-Riabiltazzjoni tal-Kottonera ħareġ sejħa għal offerti sabiex iċ-ċangatura tinqala' u terġa' titqiegħed: dan il-proġett waħdu huwa stmat li jiswa ma' l-Lm20,000.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament ma irċevietx iċ-cheque għall-għajnuna tal-qagħad bjen l-20 ta' Mejju 2002 u 12 ta' Ġunju 2002? Jista' jara li dan jirċivieh?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ma kienetx intitolata għal xi xorta ta' benefiċċju jew assistenza skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali fiż-żmien indikat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34522, jista' jgħid għal liema raġuni l-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament qed tirċievi relief imnaqqas għax qed jingħad li rċeviet xi ħlas żejjed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu qed tirċievi l-għajnuna u l-benefiċċju kollu dovut lilha skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali mingħajr ebda tnaqqis ta' xejn.
Jista' l-Ministru jara li titnaddaf l-area li hemm wara l-bini ta' kwartier San Nikola Bormla, peress li t-triq hija fi stat abbandunat għall-aħħar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-area li hemm wara l-bini ta' kwartier San Nikola f'Bormla ġçt imnaddfa mill-Unit Għal Servizz ta' Tisbiħ bejn it-8 u l-11 ta' Ġunju 2002, minn fejn tneħħew 123 tunnellata ta' materjal.
Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibilita' li jinstab impjieg lill-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament li ilha tirreġistra għal dawn l-aħħar erba' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ma' toqgħodx fl-indirizz imsemmi. Nitlob għalhekk lill-Onor. Agius biex jipprovdilna n-numru tal-karta ta' l-identita' tal-individwu.
Jista' l-Ministru jikkunsidra l-posizzjoni tal-pulizija fir-rigward ix-shift tax-xogħol, peress li f'dan ix-shift wara lejl xogħol jerġgħu jidħlu għal second shift fis-11.00 u dan mingħajr ċans ta' mistrieħ? Ma jidhirlux li anke l-pulizija għandhom bżonn il-mistrieħ tagħhom sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom mill-aħjar li jistgħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-Korp tal-Pulizija ma hemmx shift li jibda fil-11.00am.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34530, jista' jinforma lill-persuna indikata separatament minn din il-mistoqsija għaliex kellha tnaqqis fil-ħlas ta' children allowance, meta hi għadha fl-istess stat li kienet fis-snin passati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għadu qed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata minnu. F'każ li jirriżulta li l-applikanta ħadet xi benefiċċju b'rata anqas minn dik dovuta, din tingħata l-arretrati.
Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibilta' li tinfetaħ xi aġenzija ta' xi bank lokali għat-tisrif taċ-ċekkijiet fil-Birgu u dan peress li l-APS waqqaf is-servizzi tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena ċert li l-banek kummerċjali ta' pajjiżna jgħarfu fejn hemm ħtieġa li tinfetaħ fergħa. Tajjeb jingħad li llum il-banek kollha għandhom maġġoranza ta' ishma f'idejn is-settur privat.
Jista' l-Ministru jara x'sar minnu l-mandat ta' imbizzjoni 772/00/AJM peress milli jidher hemm xi intoppi li qed iwaqqfu milli l-każ jiġi riżolt? X'ser isir sabiex dan il-każ ikun riżolt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru tal-Ġustizzja hu kostituzzjonalment inibit milli jindaħal fir-rizoluzzjoni ta` xi kaz quddiem il-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament qed tirċievi relief imnaqqas għax qed jingħad li rċeviet xi ħlas żejjed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibilita' li ground C ġewwa Kordin illum użat minn Senglea athletics jingħata l-attenzjoni li jixraqlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minkejja li dan il-ground jaqa' taħt ir-responsabbilta` tal-Korporazzjoni għall-Iżvilupp, is-Segretarjat Parlamentari kien fassal programm ta' xogħlijiet meħtieġa wara li saret talba f'dan ir-rigward mill-Industries Soccer Association. S'issa diġa` nbidel il-wiċċ tal-pitch. Bħalissa għaddej xogħol biex jinbidel il-fence ta' madwar il-ground u jiġu rranġati / mibdula arbli tad-dawl li jinsabu fi stat perikoluż. Sar ukoll xogħol fid-dressing rooms bi sħab bejn l-I.S.A. u Senglea Athletics F.C. Hemm ippjanat ukoll li jsir xogħol ta' tindif biex jitneħħa l-ħaxix ħażin u l-iskart li akkumula f'dawn l-aħħar snin u biex jiġi rranġat it-taraġ tal-konkos ta' l-ispectators' stand.
Ta' min jgħid ukoll li fl-1999 is-Segretarjat Parlamentari għamel għotja lil Kunsill Lokali ta' l-Isla biex jiġi rranġat il-ground tal-football fil-Ponta ta' l-Isla biex Senglea Anthletics ikollhom fejn jittrenjaw.