Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35286, jista' jgħid kemm inqatgħu nies xahar b'xahar minn fuq il-lista tar-reġistrar minn Jannar 2002 sal-lum? Għal liema raġuni inqatgħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35285, jista' jagħti figuri xahar b'xahar tan-numru ta' persuni li tilfu l-impjieg tagħhom minn Jannar 2002 sal-lum? Jista' jaqsamhom skond minn liema settur kienu ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba għall-perijodu minn Jannar sa Lulju 2002.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress wara laqgħat mal-kunsill lokali ta' Żabbar, dwar resurfacing tat-toroq fl-area ta' St. Peter's? X'irriżulta u x'ser isir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qed ifassal programm għall-asfaltar ta' toroq fl-inħawi msemmija mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol qed isir fl-iskola primarja ta' Bormla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola primajra ta' Bormla qed isiru dawn ix-xogħlijiet permezz ta' numru ta' tenders li nħarġu mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada:
* Tqegħid ta' membrane sa' taħt id-DPC level f'parti mis-sular ta' isfel
* Sodda tal-konkos fuq il-parti fejn instab irdim fond
* Tqegħid ta' madum ġdid
* Tibdil ta' aperturi interni u esterni
* Ridekorazzjoni ta' kullimkien
* Soffitt ġdid fis-sala
* Sistema elettrika ġdida fis-sala
* Tiswijiet strutturali fil-faċċata biex jinbidlu kolonni perikolużi
Jista' il-Ministru jgħid kemm tqassmu postijiet mid-dipartiment tal-akkomodazzjoni soċjali minn Settembru 98 sal-lum? Fejn kienu dawn il-postijiet u mnejn kien kull min ibbenefika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali alloka 631 post minn Settembru 1998 sallum imxerrdin ma' Malta kollha lill-applikanti minn madwar Malta. Dawn jinkludu r-rikonoxximenti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm familji li għadhom ma rċevex ic-children's allowance? X'inhi r-raġuni wara dan id-dewmin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' talbiet pendenti jammonta għal madwar 1,700. Id-dewmien jista' jkun riżultat ta' diversi fatturi u l-aktar komuni huma li t-talba ma tkunx imtliet kif suppost, ma jkunux ġew sottomessi d-dokumenti meħtieġa jew li t-talba tkun intbagħtet tard.
Peress li x-xogħol fuq il-Cottonera Resource Centre jidher li miexi sew, jista' il-Ministru jgħid meta ser ikun inawgurat il-post? Liema agenziji u dipartimenti ser jibdew jaħdmu minn hemm? Meta ser tibda tiffunzjona minn hemm kull aġenzija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Cottonera Community Resource Centre ser jinfetaħ uffiċjalment sa l-aħħar ta' din is-sena. Dan hu ċentru ta' aċċess għad-drittijiet soċjali għall-komunita' tal-Kottonera kif ukoll iservi ta' riżorsa għall-istess komunita'.
L-aġenziji li ser joperaw minn dan il-post huma: l-aġenzija APPOĠĠ, id-dipartiment tas-Sigurta Soċjali, l-ETC u s-sezzjoni tad-diżabilita' fi ħdan id-dipartiment tal-kura ta' l-anzjani.
Jista' il-Ministru jgħid meta bi ħsiebu jirranġa t-toroq tal-area tax-Xlejli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa l-Ministeru qiegħed fl-aħħar fażi li jiffirma ftehim mal-Kunsill Lokali tal-Gudja. Liema ftehim jinkludi xogħol fl-area tax-Xlejli.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ilma tax-xita ma jibqax jinħela u jsir xi ġibjun fejn ikun jista' jinqabad l-ilma ta' l-area tax-Xlejli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi għandha l-ħsieb li tikkunsidra l-possibilita' ta' l-użu ta' l-ilma tax-xita bħala riżors fuq skala ġenerali u nazzjonali. Dan naturalment jagħti każ ta' kif għandu jiġi żviluppat il-ġbir ta' dan l-ilma u t-trattament tiegħu skond l-użu finali li għalih huwa ntenzjonat.
Se ninvestiga l-każ partikulari li hu msemmi fid-domanda biex nara x'jista' jsir.
Jista' il-Ministru jagħti figuri xahar b'xahar tan-numru ta' persuni li tilfu l-impjieg tagħhom minn Jannar 2002 sal-lum? Jista' jaqsamhom skond minn liema settur kienu ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi proġett ta' slum clearance fl-area ta' Santa Liena Bormla? Jekk fl-affermattiv jista' jagħti indikazzjoni fejn ser jintlaqat u meta hemm il-ħsieb li jibda x-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru rapporti minn Jannar 2002 sal-lum lid-dipartiment tal-labour office minn ħaddiema li allegaw li sara xi abbuż fuqhom mill-employers tagħhom? Jista' dawn l-abbużi jiġu kklassifikati u jgħid ukoll x'sar f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, minn Jannar 2002 sallum, id-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali ma rċieva ebda rapport minn ħaddiema li allegaw li sar xi abbuż fuqhom mill-prinċipal tagħhom.
Ta' min jgħid li l-liġi preżenti li tirregola l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg ma tagħti ebda poter lid-Dipartiment jew lil xi entita' biex jiġu nvestigati allegazzjonijiet ta' fastidju fuq il-post tax-xogħol. Dan in-nuqqas issa ġie ndirizzat permezz tal-liġi l-ġdida li qed nipproponu dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru rapporti xahar b'xahar din is-sena, ta' ħaddiema barranin jaħdmu bla permess? Fejn kienu l-impjiegi marbuta ma' dawn ir-rapporti? X'sar f'kull każ u x'kien ir-riżultat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Peress li parti mill-iskema tal-irtirar kmieni għat-Tarznari tinvolvi għotja ta' Lm 500 fis-sena għal min jaqbad jaħdem fl-ewwel 6 xhur, x'jiġri fil-każ li persuna ssib impjieg part-time?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li waħda mill-kundizzjonijiet ta' irtirar volontarju taħt l-iskema B u Ċ tispeċifika li:
"F'każ li impjegat isib xogħol ieħor full-time fi żmien sitt xhur minn meta jieħu din l-iskema u jibqa' f'impjieg kontinwu għal sentejn sħaħ, dan jingħata somma oħra ta' Lm1,000. Din is-somma titħallas f'żewġ pagamenti ta' Lm500 'l wieħed wara kull sena ta' impjieg."
Għaldaqstant kull persuna li ssib impjieg part-time mhijiex intitolata għal din is-somma.
Jista' l-Ministru jara tissewwiex ħsara li suppost ilha li ssewwiet fis-sistema ta' drenaġġ li qed tikkaġuna żbroff fi 3, Triq il-Farfett tal-Fejġell, Żabbar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li parti mill-main ta' Triq il-Farfett tal-Fejġel f'Ħaż-Żabbar kien inbidel żmien ilu u d-Dipartiment tad-Drenaġġ m'għandux rapporti ta' aktar ħsarat. Madankollu d-Dipartiment se jiċċekkja l-main għal darb'oħra biex jara jekk hemmx xi problemi.