Jista' il-Ministru jara li jissewwa main switch diffettuż, li jista' jkun ukoll perikoluż, li hemm fl-iskola G. Despott Bormla u li minnu jinxtel id-dawl tal-ground?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-maintenance section tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ser tieħu ħsieb it-tiswija msemmija mill-aktar fis possibbli.
Jista' il-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha barra mix-xogħol minħabba mard sa minn Marzu, tirċievi l-benefiċċju neċessarju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi skema sabiex persuna tirranġa jew tagħmel gallerija ġdida ta' l-injam fil-Kottonera?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar għanda żewġ skemi biex gallarija tiġi rranġata jew mibdula. Dawn huma:
Skema 5 - Sussidju Fuq Xogħolijiet ta' Irranġar fi Djar Privati Li Huma Okkupati minn Inkwilini jew Ċenswalisti u
Skema Z - Sussidju Fuq Xogħolijiet Ta' Irranġar u Titjib f'Residenzi Privati Okkupati minn Sidien.
Inkwilini/Sidien f'kull lokalita' ta' Malta jistgħu japplikaw taħt dawn l-iskemi.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għall-għajnuna tal-wens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm fetħu fabbriki ġodda minn Settembru 1998 sal-lum? Jista' jekk hu possibli jagħti l-ismijiet tagħhom u kemm jimpjegaw nies?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-istatistika dwar is-settur tal-manufattura ma tinġabarx fil-format mitlub mill-Onorevoli Interpellant, jiġifieri b'riferenza għal fabbriki li għalqu jew fetħu, iżda tinżamm b'mod aktar wiesgħa fejn għandek fabbriki li qed iżidu l-impjiegi u oħrajn li qed inaqqsuhom. Minn dawn iż-żewġ totali tinħadem iċ-ċifra globali tal-ħaddiema fis-settur privat tal-manifattura.
Dawn iċ-ċifri huma hekk kif ġej: (Iċ-ċifri għas-sena 2002 għandhom ma ġewx ippubblikati).
Settembru 1996 - Settembru 1998 Settembru 1998 - Settembru 2001
impiegi ġodda +937 +2020
impiegi li spiċċaw -1166 -2075
(irtirar, riżenji u sensji)
bidla totali -229 -55
Jista' il-Ministru jgħid liema fabbriki temmew l-operazzjoni tagħhom f'Malta bejn Settembru 1998 u llum? Kemm kienu ilhom joperaw f'Malta u kemm kienu jimpjegaw nies?
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu ma jintuża l-Baċir Nu 1 ta' Bormla? Jista' jgħid jekk sarx xi progress dwar x'ser isir minn dan il-baċir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-aħħar vapur li daħal fil-baċir numru wieħed kien f'April tas-sena l-oħra.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dan l-istadju ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 35300 dwar l-istess materja waqt is-Seduta numru 787.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti ġodda għal xi kors fl-universita' din is-sena? Jista' jaqsamhom skond il-kors li ħadu u minn liema lokalita' ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta Triq Kelinu Cachia f'Ħal Tarxien ser tiġi asfaltata? Meta ser jitneħħa l-iskart li qed jiġġenera diversi insetti bil-konsegwenza li jistgħu jittieħdu xi infezzjonijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qed jimplimenta programm għall-asfaltar ta' toroq ma' Malta kollha u x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Fir-rigward ta' l-iskart fl-imsemmija triq l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm iridu jkunu l-mezzi sabiex persuna tkun eliġibbli għall-għajnuna tal-mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dritt għall-Għajnuna tal-Mard hu regolat, minbarra l-aspett mediku, mit-test tal-mezzi.
Dan it-test tal-mezzi jinqasam fi tnejn. L-ewwel test hu dak tar-riżorsi kapitali u t-tieni wieħed jirrigwardja d-dħul fil-ġimgħa tal-familja ta' l-applikant.
Ir-riżorsi kapitali ma jridux ikunu aktar minn Lm4,000 f'każ ta' persuna waħedha, u mhux aktar minn Lm7,000 f'każ ta' koppja. Jekk persuna tissodisfa t-test tar-riżorsi kapitali, ssir stima tad-dħul kollu fil-ġimgħa tal-familja ta' l-applikant.
Id-dħul fil-ġimgħa ma jridx jeċċedi l-ammont ta' Lm9.30 fil-ġimgħa f'każ ta' persuna waħedha, wara li mid-dħul jitnaqqas l-eqwivalenti tal-Pensjoni Minima Nazzjonali fil-ġimgħa, relatata mal-każ li jkun. F'każ ta' koppja l-ammont stabbilit hu ta' Lm12.80 fil-ġimgħa wara li mid-dħul jitnaqqas l-eqwivalenti tal-Pensjoni Minima Nazzjonali relatata mal-każ.
Jista' il-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni għaliex numru ta' pulizija li ġew trasferiti għal ma' l-SAG, u minkejja li jaħdmu l-istess bħall-membri tal-SAG m'humiex jingħataw l-allowance ta' Lm45 fix-xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtina aktar dettalji sabiex inkun nista` nivverifika.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi skema sabiex mara armla tirċievi xi għajnuna sabiex tirranġa r-residenza tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar għandha diversi skemi ta' sussidju għall-irranġar tad-dar.
Dawn huma:
Skema Z - Sussidju fuq Xogħolijiet ta' Irranġar u Titjib f'Residenzi Privati Okkupati mis-Sidien;
Skema 5 - Suddidju fuq Xogħolijiet ta' Irranġar fi Djar Privati Okkupati mill-Inkwilini jew Ċenswalisti;
Skema W - Sussidju fuq Xogħolijiet ta' Irranġar fi Djar Proprjeta' tal-Gvern.
Dawn l-iskemi jista' jibbenefika minnhom kull min jissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta ma' l-iskema rispettiva, immaterjalment mill-istat ċivili ta' l-applikant
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress, wara l-laqgħa li saret xhur ilu mal-Kunsill Lokali Żabbar, dwar l-istat ħażin tat-toroq fl-area ta' St.Peter's?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 35298.
Jikkonferma il-Ministru li l-bini ta' appartamenti fin-naħa tat-Toqba tal-Birgu ma' kellhomx jaqbżu il-livell ta' Triq il-Ħabs l-Antik, Birgu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant huwa nfurmat illi livelli jew għoli ta' bini fi kwalunkwe żvilupp huma regolati mill-permess maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant, l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux permess li faċċata ta' bini fil-Kottonera jinbena tal-bricks flok tal-ġebla Maltija?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm bħala regola ġenerali, il-bini kollu għandu jinbena bil-faċċata tal-ġebla Maltija, il-MEPA tista` teżenta lil xi ħadd milli jibni l-faċċati bil-ġebla Maltija. Fil-każ tal-Kottonera, il-bini li qiegħed isir bħala parti mill-iżvilupp tal-Kottonera Waterfront ser jinkesa bit-travertine.
Jista' il-Ministru jgħid kemm il-sular ta' appartamenti ġew approvati fil-kuntratt oriġinali tal-proġett tal-Kottonera, liema appartamenti qed jinbnew fin-naħa tat-Toqba tal-Birgu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant huwa nfurmat illi n-numru ta' sulari ta' appartamenti fil-Proġett tal-Kottonera huma regolati mill-permess maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant, l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi pedestrian crossing fi Vjal Cottoner, Fgura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ għat-traffiku għamel traffic counts, pedestrian counts u behavioural settings survey li minnhom irriżulta l-bżonn ta' żewġ pedestrian crossings fi Vjal il-Kottoner, Fgura, waħda fil-viċinanzi ta' j/w Triq Cospicua u l-oħra il-fuq minn j/w Triq il-Foss. Dan id-Direttorat iddiskuta dawn il-faċilitajiet mal-Kunsill Lokali tal-Fgura waqt laqgħa li seħħet fit-8 ta' Ottubru 2002.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35625, ċioe' jgħid jekk hux minnu li qed isir fencing madwar dock 2 u dock 3 tat-Tarzna ta' Bormla? X'inhi r-raġuni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minħabba raġuni ta' sigurta' qed isir fencing madwar il-baċir numru tlieta fit-Tarzna ta' Bormla.