Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-futur qarib hux ser joħorġu xi postijiet għall-kiri? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid meta u f'liema lokalita' se jkunu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-policy ġdida ta' l-Awtorita' tad-Djar hi li tgħaddi postijiet għal kiri lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jiġu allokati lil persuni fuq il-lista.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 35990, cioe' jgħid liema toroq fit-Tieni Distrett se jingħataw it-tarmak sa l-aħħar ta' din is-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35990.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-uffiċċjali tal-gvern li ġew maħtura bħala assistant director wara l-aħħar sejħa maħruġa permezz ta' OPM circular 125/2001?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qieghed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk saritx xi talba mill-kuntrattur privat Eureka Services Ltd. biex jgħolli l-ħlas għas-servizzi/riċerki li jipprovdi lill-gvern? F'każ fl-affermattiv, jista' il-Ministru jgħid minn meta intalbet iż-żieda u jekk din ġietx aċċettata?
Response (BORG, TONIO)
Il-ħlas għas-servizzi/riċerki dovut lill-kuntrattur huwa stabbilit fil-ftehim li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f`Ottubru 1999.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallset il-kumpannija Eureka Services Ltd mid-dipartiment tar-reġistru pubbliku għal xogħol ta' riċerka minn Jannar sa Settembru 2002? Jista' jgħid kemm daħħal id-dipartiment tar-reġistru pubbliku għall-ħlas ta' riċerki fl-istess perijodu?
Response (BORG, TONIO)
L-ammont imħallas lill-kumpanija Eureka Services Ltd għas-servizzi kollha relatati mar-riċerki inkluż xogħol konness, bħal ngħidu aħna l-indiċjar tan-noti, kien ta` Lm473,752.
Għall-ħlas ta` riċerki fl-istess perijodu d-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku daħħal is-somma ta` Lm518,156.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħallset il-kumpannija Eureka Services Ltd. lid-dipartiment tar-reġistru pubbliku minn Ottubru 1999 sal-lum skond il-ftehim iffirmat bejn il-gvern u l-istess kumpannija? Kemm minn dawn il-ħlasijiet kienu in kind? X'inhu l-ħlas li l-istess kumpannija għad fadlilha tagħti lill-istess dipartiment skond l-istess ftehim? Jista' jgħid kemm daħħal id-dipartiment tar-reġistru pubbliku għall-ħlas ta' riċerki fl-istess perijodu?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31719. Nixtieq inżid li l-istandby generator issa nxtara u x-xogħol konness ma` sistema ġdida li permezz tagħha l-klijenti ngħataw faċilitajiet addizzjonali issa sar.
Ninsab infurmat li l-Kumpanija Eureka Services Limited ma baqagħaliex x`tagħti lid-Dipartiment.
Nixtieq ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas li rċieva d-Dipartiment għall-perijodu Ottubru 1999 sa Settembru 2002 kien ta` Lm1,152,933.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35286, jista' jgħid kemm inqatgħu nies xahar b'xahar minn fuq il-lista tar-reġistrar minn Jannar 2002 sal-lum? Għal liema raġuni inqatgħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'jista' isir meta persuna tiġi miċħuda l-paga mill-employer tagħha bla ebda raġuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wieħed mid-doveri li għandu d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg hu li jirċievi rapporti minn persuni, kemm jekk ikun għadhom fl-impjieg u kemm jekk le, li jallegaw li ma tħallsux il-paga meta kienet dovuta. Meta jirċievi dawn ir-rapporti, d-Dipartiment jagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa u, fejn ikun il-każ, jaħroġ claim lill-prinċipal favur l-impjegat.
Jekk fiż-żmien stabbilit fil-claim, il-prinċipal jonqos li jħallas il-paga dovuta, id-Dipartiment jieħu passi legali kontra dak il-prinċipal.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-fond 7, Blokk A, Triq ix-Xatt, Bormla ħariġx għall-kiri? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-Mejda kopji ta' kemm-il darba deher fuq il-gazzetta tal-gvern
Response (BORG, TONIO)
Il-fond 7, Blokk A, Triq ix-Xatt, Bormla ħareġ għall-kiri bl-offerti għall-ewwel darba fil-gazzetta tal-gvern tat-28 ta` Diċembru 2001, avviż numru 143 u baqa` jidher fil-gazzetti tal-gvern tal-31 ta` Diċembru 2001, 4 ta` Jannar 2002, 8 ta` Jannar 2002, 11 ta` Jannar 2002, u 15 ta` Jannar 2002.
L-offerti għalqu fis-17 ta` Jannar, 2002.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti figuri tal-persuni jirreġistraw għax-xogħol fix-xhur ta' Ġunju, Lulju, Awissu u Settembru 2002, xahar b'xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u tieni parti tar-reġistru fl-aħħar ta' Ġunju, Lulju u Awissu 2002 kien ta 7121, 7177 u 7412 rispettivament.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għandux rapporti ta' ħaddiema li qed jgħaddu xhur mingħajr ma jirċievu paga? X'jista' isir sabiex dawn il-familji ma jbatux?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36368 f'din l-istess Seduta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk mara li tkun ħadmet għal numru ta' snin, pero' naqset li tapplika għall-pensjoni qabel għalqet is-60 sena, tibqax intitolata għall-pensjoni li tkun ħallset għaliha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li persuna ma titlifx id-dritt għall-pensjoni għax ma tapplikax qabel tagħlaq l-eta' tal-pensjoni.
Fil-fatt, persuna li tapplika għall-pensjoni kontributorja fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tilħaq l-eta' tal-pensjoni ma titlef ebda parti mill-pensjoni. Jekk l-applikazzjoni ssir wara li jiskadu dawn is-sitt xhur, il-pensjoni tibda titħallas mill-ewwel Sibt ta' wara d-data li l-applikazzjoni tasal fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha jintbagħtu separatament, ma rċevitx pensjoni wara li soffriet disabilita' permanenti fuq il-post tax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li d-Dipartiment qiegħed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Aktar il-quddiem id-Dipartiment ser jinforma bl-eżitu tal-każ direttament lill-persuna konċernata.
Jista' il-Ministru jgħid meta twaqqfet il-Malta freeport corporation? Kemm kienet timpjega nies maqsuma skond il-grad? Jista' jgħid kemm hemm nies impjegati llum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Malta Freeport Corporation twaqqfet fil-25 ta' Jannar 1988. F'dik is-sena il-kumpanija kellha ħames impjegati li kienu accountant, konsulent barrani, assistent personali taċ-Chairman, segretarja u xufier. Illum timpjega 92 persuna.