Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-kmamar magħluqa li hemm fl-area ta’ Couvre Porte, Birgu, jinħarġu għall kiri sabiex inħajru li jinfetħu ħwienet għat-turisti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, f`Couvre Porte, il-Birgu, hemm post wieħed biss li huwa vojt. It-Taqsima bħalissa qed tikkunsidra l-aħjar użu li jista` jsir minn din il-proprjeta` u l-proposta tal-Onorevoli Interpellant ser tiġi ukoll ikkunsidrata.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tas-sidien li l-indirizz tagħhom qed jintbagħat separatament, peress li sa minn Settembru 1976 dan il-fond intqal li kien meħtiġ għal iskop pubbliku pero’ minn dak inhar qatt ma sar xejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sidien tal-fond li dettalji tiegħu ntbagħtu separatament jiġu infurmati iktar il-quddiem bil-kumpens dovut lilhom meta d-Dipartiment ta` l-Artijiet jagħmel l-accertazzjonijiet neċessarji li juru li huma s-sidien tal-fond.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm ġew issensjati ħaddiema minn Jannar sa Diċembru tas-sena 2002? Minn liema settur kienu ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta' persuni li rreġistraw għax-xogħol bejn Jannar u Diċembru 2002 wara li ġew redundant u minn liema settur kienu ġejjin.
Infakkar li matul l-2001 u l-2002 kien hemm ċirkostanza partikolari li laqtet numru sostanzjali ta' ħaddiema impjegati ma' supermarket. Jekk dan jittieħed in konsiderazzjoni, allura t-total ta' sensji għas-sena 2002 hu fil-livell tas-snin preċedenti, nkluż fl-1997 meta kellna 2,300 sensja.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tat-tarzna humiex inxurjati? Jista’ jgħid x’jiġri f’każ li persuna tweġġa waqt il-qadi ta’ dmirijietha fit-tarzna, u għall xiex intitulata u jista' jgħid ukoll jekk ħaddiem li jweġġa gravi fit-Tarzna għandhux dritt jara l-poloz ta’ sigurta’ jekk din teżisti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ il-Ministru jara li jsir xi ħaġa sabiex siġra tat-tin fl-abitat fl-isqaq ta’ Triq San Ġużepp Bormla, tinqata’ għax qed timla lill-ġirien bid-dud u nemus?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-siġra tat-tin fl-isqaq ta' Triq San Ġużepp, Bormla, taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali ta' Bormla, u għalhekk dan l-ilment se jiġi mgħoddi lill-Kunsill biex jittieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 37284 u cioe' b'referenza għal-mistoqsija parlamentari numru 36990 jista' il-Minstru jgħid ta' liema ċilindraġġ kienu dawn il-karozzi kif ukoll ta' liema marka?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid jekk persuna impjegata maċ-Ċivil tistax tingħata long leave sabiex f’dan il-perjodu taħdem f’post ieħor?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Din is-sena, permezz tal-“Collective Agreement” għall-uffiċjali pubbliċi, għas-snin 2002 sa 2004, l-uffiċjali fis-skali 14 sa 20 ngħataw il-benefiċċju ta’ “leave” bla ħlas biex jippruvaw xogħol ieħor. Dan il-“leave” jista’ jittieħed għal perjodu minimu ta’ tlett xhur sa massimu ta’ tlett snin. Il-“leave” jingħata bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm bżonn ta’ sostitut għall-uffiċjal u ma jtellifx l-effiċjenza tad-Dipartiment. Dalwaqt toħroġ ċirkolari bid-direttivi dwar l-implementazzjoni ta’ dan il-benefiċċju.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk baqax xi arkata minn ta’ Xatt ir-Riżq Birgu vakanti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinħarġu għall-kiri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern hemm mina waħda li għad ma ġietx allokata. Qed isiru investigazzjonijiet neċessarji biex jiġi stabbilit jekk il-mina in kwistjoni għandhiex tinħareġ għall-kiri bl-offerti.
Peress li bħal issa qed isir tibjid tal-blocks Hubbard Bormla, jista' il-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol jinkludix ukoll il-gallarijiet tal-ġebel? Jista' il-Ministru jivverifika jekk hux minnu li r-residenti qed jintalbu Lm10 sabiex tiġi imbajda kull gallerija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant jinkludi wkoll l-gallarijiet tal-ġebel.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar ma talab ebda ħlas għal dan ix-xogħol iżda ninsab informat li mpjegat tal-kuntrattur li kien qed jagħmel ix-xogħol talab xi flus mingħand l-inkwilini. Ninsab informat ukoll li l-kuntrattur keċċa lil dan l-impjegat meta sar jaf b'dak li ġara.
Jista' il-Minstru jara li jinbidlu l-bozoz li ilhom maqtugħin fi Triq Alessandra Bormla fuq il-pont lejn Kwratier San Nikola?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-bozoz li qed issir riferenza għalihom mhux l-ewwel darba li nbidlu minħabba li spiċċaw l-mira ta' vandali. Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta qed tagħmel kull sforz biex dawn il-bozoz jibqgħu jixgħelu.
Jista' il-Minstru jara li tinbidel bozza li hemm maqtugħa fi Kwartier San Nikola Bormla?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li numru ta' anzjani qed jinqatgħalhom ammont mill-pensjoni u jgħidulhom li dan qed isir għax sar ħlas żejjed? Kemm hemm minn dawn l-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas lura ta' Benefiċċju, Pensjoni, Allowance, jew Għajnuna indebitament imħallsin lill xi benefiċjarju, hu regolat bil-provvediment ta' l-Artikolu 102 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318).
Hemm diversi ċirkostanzi li fihom jirriżulta li jkun sar ħlas żejjed. Hekk ngħidu aħna jista' jkun hemm żball fil-kalkolu minn naħa tad-dipartiment fir-rata tal-benefiċċju dovut skond il-liġi. Ħafna drabi jirriżulta li l-benefiċjarju ma jkunx irraporta xi tibdil fiċ-ċirkostanzi tiegħu dwar, ngħidu aħna, il-kompożizzjoni tal-familja jew xi dħul li ma kienx iddikjarat qabel.
It-taqsima li konna waqqafna fid-dipartiment u li hi responsabbli minn investigazzjonijiet u frodi skopriet numru ta' każijiet li fihom id-dikjarazzjonijiet ta' l-assi kapitali, inkluż flus fil-banek, kienet skorretta. F'kull każ il-benefiċjarju jiġi nfurmat dwar iċ-ċirkostanzi ndividwali tiegħu u l-mod ta' kif ser issir ir-rifużjoni ta' l-ammont imħallas u li ma kienx dovut.
Għaldaqstant, l-Onor. Interpellant jifhem li mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni kif mitluba minnu ġaladarba din tkun tirrikjedi riċerka fil-files individwali ta' kull benefiċjarju. Bħalissa r-riżorsi umani tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali huma impenjati kollha fil-preparazzjonijiet ta' l-implimentazzjoni, b'effett minn Jannar tas-sena d-dieħla, tal-miżuri ġodda u fejjieda mħabbra fl-aħħar diskors tal-budget.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tibda tirċievi l-pensjoni l-persuna ndikata li isimha qed jintbagħat separatament li kienet impjegata mad-dipartiment ta' l-artijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li faxxa art li tinsab taħt Triq il-Barrieri, Żurrieq (jew aħjar taħt il-Kontrada magħrufa bħala ta' Taħt iċ-Ċint), parti minnha ġiet allokata u parti żgħira ma ġietx?
Response (BORG, TONIO)
Mill-informazzjoni li għandi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern m`allokat l-ebda art f`dan l-indirizz. Peress illi l-art fil-viċin kienet ingħatat lill-Awtorita` tad-Djar, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi t-talba tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.