Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni li siefru fuq xogħol uffiċjali matul is-sena 2002 mid-dipartiment li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? Fejn kienet u x'kienet l-ispiża ta' kull safra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, ir-risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni li qegħdin jagħmlu xogħol ta' traduzzjoni tal-liġijiet/dokumenti in konnessjoni mad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Kemm tħallsu flus s'issa kull persuna?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, ir-risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien d-dħul ta' flus mir-riċerki li saru matul is-sena 2002 mid-dipartiemnt tar-Reġistru Pubbliku? Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm riċerki li ma nġabrux u jekk fl-affermattiv kemm huwa l-ammont ta' flus dovuti lilhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-taghrif mitlub ghadu qed jingabar.
Jista' il-Ministru jgħid meta ser tinxtgħel id-daħla għall-Kottonera peress li ilha mitfija xhur sħaħ? Jaqbel il-Ministru li d-daħla prinċipali għat-tlett ibliet ma' għandhiex tkun fi dlam ċappa?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, nassigura lill-Onorevoli Membru, li kuntrarjament għal dak li kienet tagħmel l-amministrazzjoni laburista, hija l-politika dikjarata tal-Gvern preżenti li kemm jista' jkun idawwal il-pajjiż.
Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla qed ikun hemm ilmenti dwar ħafna nemus fil-kmamar? X'ser isir sabiex dan l-inkonvenjent jitneħħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf li dan l-ilment li qiegħed isemmi mhuwiex relatat biss għad-Dar tal-Anzjani ta' Bormla iżda għar-residenti kollha ta' dawk l-inħawi għaliex il-kawża ta' dan l-ilment m'għandu x'jaqsam xejn mad-Dar tal-Anzjani ta' Bormla. Biss qegħdin jittieħdu l-passi neċessarji biex dan l-inkonvenjent jispiċċa.
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Information Managment Unit
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus sabiex twaqqaf l-Information managment Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali l-Belt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Information Management Unit fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti jieħu ħsieb it-tmexxija ta' sistemi ta' l-informatika, tat-taħriġ fl-użu tas-sistemi u l-informatika in ġenerali u ta' l-operat kollu tas-sistemi fi ħdan id-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Politika Soċjali. Fost l-oħrajn din il-Unit li tħaddem fiha 23 persuna, hija responsabbli mill-ħruġ ta' 'l fuq minn 1.8 Miljun cheque u nofs miljun ittra lill-benefiċċjarji tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, b'valur ta' aktar minn Lm200 Miljun kull sena. Barra minn hekk, fi ħdanha, jitmexxa l-programm tal-e-Government, filwaqt li jsir is-support tekniku kollu għall-aktar minn 800 impjegat li jħaddem u jaħdem permezz ta' kompjuter.
Minħabba s-sensittivita' u l-importanza nazzjonali tas-sistemi li jitħaddmu f'dan iċ-Ċentru, inħasset il-ħtieġa li jiġu implimentati sistemi ta' sigurta' massima sabiex jibqa' assigurat li ma' jsirux ħsarat, sabotaġġi jew indħil li jistgħu b'xi mod jew ieħor jikkompromettu l-integrita' u l-kontinwita' tal-benefiċċji soċjali lill-pubbliku.
Għaldaqstant, fl-2001 inħarġu żewġ tenders pubbliċi li kienu jinvolvu x-xiri, tal-installazzjoni u tal-commissioning ta' numru ta' sistemi avvanzati ta' sigurta'. Il-valur ta' dawn it-tenders kien ta' Lm34,300.83.
Minħabba li ried isir ħafna xogħol ta' ristrutturar sabiex jiġu nstallati dawn is-sistemi, kellhom jitbiddlu wkoll is-sistemi ta' l-elettriku u s-sistemi tad-data network. Il-Unit għaldaqstant ġiet ri-organiżżata u refurbished bi spiża ta' Lm12,964.15. Fil-maġġoranza assoluta tiegħu, x-xogħol kollu sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Ministeru.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa ta' skrivani maċ-ċivil? Minn liema lokalita' kienu? Kemm għaddew mir-written exam? Minn liema lokalita' kienu dawk li għaddew? Meta ser isiru l-interviews?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-għażla għall-mili ta’ postijiet ta’ Skrivan fis-Servizz Pubbliku qiegħda titmexxa mid-Dipartiment tal-Eżamijiet fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli interpellant iressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli.
Jista' il-Ministru jgħid meta ser jibdew jaħdmu t-traffic lights li saru ma ġenb il-knisja tal-Fgura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol kollu lest u l-Korporazzjoni Enemalta qegħda fil-proċess li tipprovdi l-istallazjoni tad-dawl. Għalhekk huwa iminenti li dawn id-dwal jinxtegħlu.
Jista' il-Ministru jgħid meta ser isir xi dawl fuq iż-zebra crossing li hemm fi Triq Santa Tereża Bormla, peress li ta' spiss qed ikun hemm xi nċidenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex jaraw x' l-aħjar li jsir.
Jista' il-Ministru jgħid meta daħal l-aħħar vapur għat-tiswija fil-baċir numru 1? Issa li għadda dan iż-żmien kollu, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet konkreti għall dan il-baċir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-aħħar vapur li daħal fil-baċir numru wieħed kien madwar sena ilu. Tajjeb jingħad li dan il-baċir għandu limitazzjonijiet kbar għat-tiswija tal-vapuri. Huwa ttamat li fi żmien mhux il-bogħod wisq, l-Awtorita' Maltija ta' l-Ambjent u l-Ippjanar toħroġ outline development plan.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tat-tarzna humiex inxurjati? Jista’ jgħid x’jiġri f’każ li persuna tweġġa waqt il-qadi ta’ dmirijietha fit-tarzna, u għall xiex intitulata u jista' jgħid ukoll jekk ħaddiem li jweġġa gravi fit-Tarzna għandhux dritt jara l-poloz ta’ sigurta’ jekk din teżisti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal kull impjegat ieħor, impjegat fit-Tarzna li jkorri fuq il-post tax-xogħol waqt il-qadi ta' dmirijietu jkun intitolat għall-Benefiċċju għall-Korrimenti mħallas skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Skond l-istess Att, meta l-inċident jirriżulta f'telfien permanenti ta' fakulta' fiżika jew mentali, l-impjegat ikun intitolat għal Għotja għall-Korriment jew Pensjoni għall-Korriment.
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi assigurazzjoni oħra minnbarra dik provduta taħt l-imsemmi Att, nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji u mmedjati sabiex jitneħħa l-periklu li hemm minħabba leaks ta' l-ilma fi flat b'mod li qed ibatu l-konsegwenzi r-residenti ta' flat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm numru ta' ħaddiema barranin jaħdmu fit-tarzna ta' Bormla? Kemm hemm minnhom u minn liema pajjiż ġejjin? X'inhi r-raġuni li dawn inġabu jaħdmu hawn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li minn żmien għal żmien, it-Tarzna jkollha bżonn iġġib gruppi żgħar ta' ħaddiema barranin għal ftit ġranet biex tkun tista' tlaħħaq ma' xogħol urġenti li jkun hemm fl-azjenda fl-istess ħin. Din il-prattika ilha tiġi użata għal diversi snin inkluż fi żmien l-Amministrazzjoni Laburista. Dawn il-ħaddiema jiġu minn diversi pajjiżi u t-Tarzna tinforma lill-General Workers' Union b'dawn l-arranġamenti.
Jista' il-Ministru jara li jissewwew numru ta' bozoz li hemm maqtugħin fi Triq C. Busuttil Fgura, u x'inhi r-raġuni li qed idumu ma jissewwew?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm fil-waiting list sabiex jidħlu fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Minn liema lokalita' ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-'waiting list' sabiex jidħlu fid-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla hemm 119 persuna.
Dawn ġejjin minn dawn il-lokalitajiet:
B'Buġia, Birgu, Bormla, Fgura, Ħamrun, Isla, Kalkara, Luqa, M'Skala, Msida, Paola, Qawra, Qormi, Siġġiewi, Sta. Luċija, Sta. Venera, San Pawl il-Baħar, Tarxien, Valletta, Żabbar u Żejtun.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li tħalla jidħol kuntrattur jaħdem xogħol fit-tarzna ta' Bormla, xogħol li qabel kienu jagħmluh ħaddiema tat-tarzna sezzjoni tat-tindif?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fit-Tarzna jidħlu għadd ta' kuntratturi biex jagħmlu xogħol għal sidien ta' vapuri. Meta x-xogħol mitlub mis-sidien ikun jista' jsir mill-ħaddiema tat-Tarzna, dan isir minnhom u mhux minn ħaddiema oħra.
Jista' il-Ministru jara li jiġu rranġati l-bozoz maqtugħa li hemm fi Triq Valpenza Fgura? X'inhi r-raġuni li ilhom daqshekk maqtugħa?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' il-Ministru jara li jiġu rranġati numru ta' bozoz illi hemm maqtugħa fi Triq San Tumas Fgura u għaliex ilhom daqshekk maqtugħa?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.