Jista' il-Ministru jgħid jekk tinżammx informazzjoni dwar kemm lectures f'korsijiet differenti fl-Universita' ma jsirux minħabba l-fatt li l-lecturer ma jattendix?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhix il-prattika li t-tagħrif mitlub jinżamm b'mod regolari.
Jista' il-Ministru jgħid meta twaqqfet il-kumpannija Interprint? Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema fis-snin 1980, 1990, 2000 u 2003?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Interprint twaqqfet fl-14 t'Ottubru ta' l-1975.
In-numru ta' ħaddiema fis-snin li talab l-Onorevoli Interpellant kien kif ġej -
1980 178
1990 93
2000 51
2003 51
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li Triq il-Ward tax-Xemx fil-Fgura tingħata wiċċ xieraq peress li hi ta' inkonvenjent kbir għar-residenti li ilhom joqogħdu hemm ħafna snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq il-Ward tax-Xemx hija triq asfaltata u għalhekk il-Kunsill Lokali huwa responsabbli mill-manutenzjoni tagħha.
Jista' il-Ministru jara li tiġi kkonsidrata t-talba tar-residenti ta' Triq W. Rosato, f'Bormla sabiex il-karozzi tal-linja lejn l-Isla ma jgħaddux minn din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-karozza tal-linja ta' l-Isla li toħroġ bin-numru ta' r-rotta 3, mill-Belt lejn l-Isla ma tgħaddix minn Triq W. Rosato. Fil-fatt hija r-rotta ċirkolari bin-numru 22, bejn l-Isla/Bormla u Wied il-Għajn li tgħaddi minn din it-triq.
Għaldaqstant, flimkien ma' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku ser tiġi ikkunsidrata din it-talba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ssir it-tiswija neċessarja fl-appartament ġdid li ħadu koppja anzjana li d-dettalji tagħhom qed jidhru separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnhom il-blokki ta' lava antika li nqlagħu minn Triq ix-Xatt, Bormla?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi fuq arranġamenti li kienu saru bejn id-Direttorat tat-Toroq u l-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera, il-kuntrattur kien ġie mitlub biex jerfa l-blokki tal-lava għandu sakemm il-Kumitat ikun jista jipprovdi post fejn jintrefgħu.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li Triq G. Micallef, f'Ħaż Żabbar tingħata wiċċ bit-tarmac peress li għadha qatt ma' inksiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport qed tipprepara program għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Servizz ta' trasport pubbliku għall-isptar San Luqa
Question
Jista' il-Ministru jagħti l-ħinijiet u l-lokalitajiet ta' minn fejn taħdem karozza tal-linja għall-isptar San Luqa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li preżentament qedgħin jiġu operati dawn is-servizzi diretti mill-lokalitajiet imsemmija lejn l-isptar San Luqa:
Fil-għodu
Senglea fis-7:45, Gudja fis-7:30, B'Bugia fis- 6:00 u s-7:30, Żabbar fis-6:00 u s-7:30, M'Xlokk 7:10, Żejtun fis-6:05, Żurrieq fis-6:00 u fis-7:30, Qrendi fis-7:30, Attard fis-6:30 u fis-7:30, Mellieħa fis-6:00 u fis-7:00, Buġibba fis-6:10 u fis-7:30, Għargħur fis-6:15 u fis-7:30, Savoy fis-7:30, Siġġiewi fis-6:00 u fis-7:30, Rabat fis-6:20 u fis-7:30, Qormi fis-6:10 u fis7:30 u Ħaż-Żebbuġ fis-6:15 u s-7:30.
Wara nofs in-nhar
Ċirkewwa fis-2:50, Buġibba fit-3:10 u B'Kara fit-3:30. Mill-irħula l-oħra kollha titlaq xarabank fit-3:15.
Il-passiġġieri ta' Wied il-Għajn u x-Xghajra jitilgħu mal-karozza ta' Ħaż-Żabbar li titlaq fit-3:15.
Minbarra r-rotot imsemmija, hemm ukoll ir-rotta 75 li topera bejn l-isptar u l-Belt Valletta. Il-ħinijiet ta' din ir-rotta huma mit-tnejn sa Sibt, kull kwarta jew għoxrin minuta bejn is-7:00 ta' fil-għodu u 8:00 ta' fil-għaxija u l-ħdud u l-festi bejn is-7:00 u l-11:30 ta' fil-għodu w is-2:50 u il-5:50 ta' fil-għaxija kull tletin minuta.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jerġgħu jibdew jixgħelu l-bozoz fi Triq Daħlet it-Tlett Ibliet, f'Bormla, peress li dawn ilhom mitfija x-xhur?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-manutenzjoni tal-bozoz fit-Triq imsemija hija responsabilita' tal-Kunsill Lokali u għaldaqstant nitolbok tirreferi l-mistoqsija l-Ministru konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif tinħadem il-pensjoni ta' persuna li wara li tirtira b'25 sena servizz fl-armata, terġa' tibda taħdem sa l-eta' ta' 61 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pensjoni mħallsa skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, nitolbu jinnota li fl-istess Att hemm diversi provedimenti li jistgħu japplikaw dwar kif tinħadem pensjoni ta’ persuna li tirtira mill-Armata wara 25 sena servizz u terġa tibda taħdem sa l-eta’ ta’ 61 sena.
Liema minn dawn il-provedimenti huma applikabbli jiddependi minn diversi fatturi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk għandu xi każ speċifiku jitlob lill-persuna konċernata tavviċina lid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali biex, wara li jkunu magħrufa ċ-ċirkostanzi preċiżi tal-każ, il-persuna tkun tista’ tingħata l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fl-applikazzjoni għall-multi level car park fi Pjazza Sta. Margherita Bormla? Jista' jara li jsir xi ħaġa biex l-istudenti żgħar fl-iskola primarja ta' Bormla jkunu jistgħu jerġgħu jibdew igawdu dan il-ground żgħir, fejn wara kollox se jsir il-car park?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni outline ghall-multi level car park fi Pjazza Santa Margherita, Bormla kienet ġiet approvata fl-Lulju ta' 2003. Sa issa, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għada ma rċevietx Full Development Application f' dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jara li Triq Daħlet it-Tlett Ibliet taħt il-mini ta' Għajn Dwieli tingħata wiċċ kif jixraq? Jidhirlu l-Ministru li bi triq fi stat ħażin bħal dan, qed tingħata impressjoni ħażina lil min ikun dieħel fil-Kottonera għall-ewwel darba?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 3700. Jien infurmat illi fil-preżent qed jiġi kkwantifikat ix-xogħol li hu meħtieġ.
Jista' il-Ministru jara li l-mini ta' Għajn Dwieli jingħataw dehra aħjar? Jaqbel li bid-dehra ta' dawn il-mini kif inhuma ma tantx jingħataw impressjoni tajba dawk li jkunu ġejjin lejn il-Kotonera għall-ewwel darba?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, kien il-Kunsill Lokali li għamel proġett għall-parti ta' wara. Fuq il-parti ta' quddiem, il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera kien reġa' għamel mill-ġdid il-ħajt li jagħti għall-parking area tat-Tarzna. L-uniku proġett pendenti huwa dak ta' sistema ta' dawl kemm għal taħt il-mini u kemm għall-faċċata. Dan ix-xogħol ippjanat li jsir s-sena d-dieħla.
Peress illi huwa fatt li l-posta fix-xahar ta' Diċembru f'ħafna mill-każi waslet fid-destinazzjoni tagħha tard, jaqbel il-Ministru li mhux fair li lil dawk il-ħaddiema li kienu bis-sick leave f'Diċembru qed jgħidulhom li mhumiex intitolati għall-benefiċċji għax iċ-ċertifikati waslu d-dipartiment tard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali hu konxju mill-problema kawżata mid-dewmien fil-posta li kien hemm f’Diċembru li għadda tant li talbiet għal benefiċċju tal-mard, li oriġinalment ġew miċħuda għax waslu tard, qed jiġu riveduti kemm il-darba jkun ċar li dan id-dewmien kien riżultat tad-dewmien fit-tqassim tal-posta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se ddum fl-istat li issa ilha fih is-snin il-Mina maestuża ta' Santa Liena, Bormla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlesta' skav arkeoloġiku li bih ġie delineat l-estent tal-foss li kien jeżisti taħt din il-mina. Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport tlestew id-disinji ta' pavimentar u x-xogħol mistenni li jibda aktar tard din is-sena.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinħareġ xi skema sabiex ikunu jistgħu jinxtraw garaxxijiet tal-gvern li huma mikrija?
Response (BORG, TONIO)
Sa issa m`hemmx ħsieb li l-Gvern joħroġ skema ġenerali sabiex ikunu jistgħu jinxtraw garaxxijiet tal-Gvern li huma mikrija. Pero` ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern tikkunsidra kwalunkwe talba li ssirilha sabiex tinxtara proprjeta` tal-Gvern. Kull każ jiġi ttrattat skond iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tkun tista' titkompla Triq il-Mitħna, Bormla wara li din inqalgħet xhur ilu u tħalliet fi stat perikoluż?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi Triq il-Mitħna nqalgħet u saret mill-ġdid mid-Direttorat tat-Toroq ta' l-Awtorita` dwar it-Trasport. Liema xogħol kien jikkonsisti fi qlugħ u l-kostruzzjoni tat-triq u l-estenzjoni tal-culvert tax-xita li nvolva wkoll resurfacing ta' Triq Matty Grima u l-Pjazza tal-Mitħna. Dan ix-xogħol kollu ilu lest ix-xhur.
Riċentement ġie nnutat li quddiem residenza partikolari kien qed joqgħod l-ilma u għalhekk saret dorga taħt il-bankina biex il-problema ġiet eliminata. Dan ix-xogħol ta' l-aħħar kien ħa ġurnata biex jitlesta'.
ETC — Laqgħat ma' kumpannija b arranija dwar impjieg fis-settur turistiku
Question
Jista' il-Ministru jgħid kif intagħżlet il-kumpannija barranija li flimkien mal-korporazzjoni għax-xogħol u taħriġ qed torganizza laqgħat għall-possibbilta' ta' impjieg fis-settur turistiku barra pajjiżna? Min huma? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-ftehim?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ qiegħdha tagħmel parti minn kumitat fi ħdan l-Unjoni Ewropeja li jissejjaħ EURES .Dan il-EURES qiegħed sabiex jippromovi mobilita' fis-suq tax-xogħol bejn il-pajjiżi membri.
Għaldaqstant il-Korporazzjoni bħala l-Public Employment Service ta’ Malta ħatret Eures Manager u żewġ Eures Advisors sabiex dawn jkunu jistgħu jagħtu informazzjoni lil min jixtieq jaħdem barra minn pajjiżna.
Fil-fatt il-Korporazzjoni diġa' rċeviet diversi talbiet minn organizzazjonijiet barranin li jixtiequ jimpjegaw Maltin. Fost dawn kellna l-Kumpanija minn Wales li talbet numru ta’ Maltin sabiex jaħdmu bħala drivers u dan l-aħħar kellna agenzija f’Londra li qed titlob Maltin sabiex jaħdmu fis-settur turistiku.
Kif diġa' għidt dawn it-talbiet ser ikomplu jiżdiedu meta aħna nkunu fl-Unjoni Ewropeja. Għaldaqstant ma jkun hemm bżonn ta’ l-ebda ftehim bejn il-Korporazzjoni u dawn l-entitajiet.
B’sodisfazzjon ngħid li wara li għamlu l-intervisti dawn iz-żewġ entitajiet kellhom kliem ta’ tifħir għall-kapaċitajiet li għandhom il-Maltin fosthom fejn jidħlu lingwi.