Jista' il-Ministru jgħid kemm sar safar miċ-chairman u c-C/E tal-Kordin Grain Terminal mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-lum? Fejn żaru u x'kienet ir-raġuni għas-safar? Sar xi rapport informattiv lill-MIMCOL ta' kull żjara? Kemm intnefqu flus u mnejn inxtraw il-biljetti ta' l-ajru?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li bejn l-1 ta' Jannar 1999 sal-lum saru diversi żjarat barra minn Malta miċ-Chairman u CEO ta'
Kordin Grain Terminal. Ġieli flimkien u ġieli separatament. F'dawn iż-żjarat apparti diversi postijiet fl-Ewropa jinkludu żjarat ukoll fl-Amerika, il-Canada u l-Awstralja kif ukoll ir-Russja. L-Iskop ta' dawn iż-żjarat huwa dejjem l-istess cioe li jiġru wara l-klijenti kemm eżistenti kif ukoll ġodda biex iżommu s-silo dejjem mimli bit-transhipments ta' cereali.
Ta' min jgħid ukoll illi mingħajr dawn iz-żjarat kontinwi huwa kwazi impossibli li jinżamm il-business li diġa għandna aħseb u ara sabiex inkomplu inkabbruh. Kien hemm ukoll diversi minn dawn iż-żjarat għal konferenzi kif ukoll żjarat barra minn Malta mit-tekniċi tal-kumpanija li huma inklużi. Tul dan il-perjodu ta' sitt snin intefqu total ta' LM70,000.
Il-biljetti inxtraw mingħand dawn id-diversi kumpaniji:
Howards Travel, S. Mifsud & Sons, M. Demajo, Tourist Resources u Arrigo Travel.
Jista' il-Ministru jagħti lista tal-Management u l-impjegati kollha tal-Kordin Grain Terminal? X'inhi l-pożizzjoni ta' kull wieħed u x'salarju għandu? Jista' jgħid x'kien is-salarju tal-management sena b'sena mill-1998 sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' il-Ministru tara li jinħadem l-aġġustament marbut mal-ħlas li tirċievi l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament u dan wara li sar ftehim l-kollettiv mal-kumpanija fejn kienet taħdem?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma direttament u bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara li jinħadem l-aġġustament tal-pensjoni tal-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament wara li sar ftehim kollettiv tal-kumpanija fejn kien jaħdem?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma direttament u bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid jekk l-anzjani residenti fil-homes irċevewx iż-żieda għall-għoli tal-ħajja li ngħatat fl-aħħar budget?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja għall-anzjani residenti fid-Djar għall-Anzjani ma tħallsitx. Dan ma sarx b'kapriċċ iżda biex jiġi evitat ħlas żejjed li jista' jirriżulta jekk dan il-ħlas isir qabel ma jiġu komputati l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istess anzjani skond Avviż Legali Nru. 259 tal-2004, ippublikat fl-4 ta' Mejju 2004.
Kif diġa kelli l-opportunita' li ngħid reċentement bi Tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari preċedenti, id-Dipartimenti konċernati qed jagħmlu dak kollu possibbli biex l-eżerċizzju meħtieġ ta' ġbir ta' informazzjoni u l-ipproċessar tagħha biex jiġu komputati dawn il-kontribuzzjonijiet, jiġi finalizzat malajr kemm jista' jkun.
Tista' il-Ministru tara li tinħadem ir-reviżjoni tal-pensjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jivverifika d-dettalji tal-persuna ndikata għax ninsab infurmata li n-numru ta' l-identita' u l-isem indikati ma jikkorrispondux.
Tista' il-Ministru tinvestiga għaliex is-sinjura li isimha qed jintbagħat separatament, mhux tirċievi pensjoni u dan meta hi ħadmet mis-sena 1958 sa l-1969? X'jiġri fil-każ li employer ikun ġabar il-bolol pero' ma ħallasx lid-dipartiment (bla ebda referenza għal dan il-każ)? Jeħel ta' kollox l-impjegat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata direttament u bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, jekk persuna tipprova, għas-sodisfazzjon tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali, li kienet impjegata u li l-prinċipal kien naqqas mill-paga s-sehem tagħha tal-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali dovuta, id-Direttur jista' jikkunsidra dawk il-kontribuzzjonijiet bħala mħallsa minkejja li l-prinċipal fil-fatt ma jkunx għadda dawn il-flus, flimkien mas-sehem tiegħu tal-kontribuzzjoni, lid-Dipartiment tat-Taxxi Nterni. Dan b'ebda mod ma jipprekludi li jittieħdu l-passi kontemplati fil-liġi għal ġbir tal-flus dovuti mingħand il-prinċipal.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6402 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u cioe' jista' il-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki f'kull industrial estate f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid ukoll x'inhu d-daqs tal-workforce li hemm f'kull estate u possibbilment kull fabbrika?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Public transport directorate — Trasferiment ta' bus stop
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6405, jista' il-Ministru jara jekk sarx xi progress għat-talba f'isem numru ta' residenti li saret permezz ta' ittra mibgħuta minni lill-public transport directorate bin-numru tar-referenza li qed jintbagħat separatament, u dan sabiex jitressaq bus stage minn post għall-ieħor?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien informat li wara li saret żjara fuq il-post irriżulta li jekk jiġi rilokat il-bus stage imsemi, il-passiġġier ikollu jimxi distanza kosiderevolment twila ta' madwar 300 metru.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura meta xi ħaddiema tal-Air Malta jinqabdu jabbużaw minn xogħlhom? Kemm hemm ħaddiema tal-Air Malta sospiżi u għaliex huma sospiżi?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-proċedura użata meta xi ħaddiema jinqabdu jabbużaw minn xogħolhom hija mfissra fil-ftehim kollettiv rispettivi artikli 20 tal-UCC u ALPA - 23 tal-AAE u 24 tal-GWU.
Il-ħaddiema sospiżi huma tnax.
Ir-raġunijiet tas-sospensjoni huma -
Importazzjoni illegali ta' sigaretti minn wieħed mill-ħaddiema,
Kawża ġudizzjarja pendenti fil-każ ta' tnejn mill-ħaddiema u
Sospensjoni fuq akkuża ta' serq mid-disa' ħaddiema l-oħra.
Trasferiment ta' negozju — Liċenzji tal-MTA pendenti
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'jiġri meta persuna jkun trasferit fuqha negozju u wara jsib liċenzji antiki tal-MTA mhux imħallsa? Min hu responsabbli ta' dan il-ħlas?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li normalment liċenza ta' l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu ma tiġix trasferita fuq persuna oħra qabel ma jkunu tħallsu l-liċenzi antiki. Madankollu, ta' min jgħid li għalkemm dak li kien jopera l-post qabel huwa responsabbli għal ħlas ta' liċenzi li jkopru l-perjodu li dam joperaħ, dak li ttrasferixxa l-post fuq ismu, f'ċirkostanzi normali, huwa wkoll responsabbli minn liċenzi antiki għax hu kien fid-dover jiżgura, qabel ħa post, li mhemmx dejn fuq l-istess post.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ssir xi ħaġa biex il-post no. 8, Sqaq San Lazzru, Bormla ma jibqax miżbla? Jista' forsi jerġa' joħroġ għall-kiri jew għall-bejgħ b'kontribuzzjonijiet aħjar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt diġa' ħareġ żewġ sejħiet għal offerti għal bejgħ tal-fond numru 8 Sqaq San Lazzru, Bormla. Għall-ewwel sejħa irċieva offerta waħda li kienet tant baxxa li ġiet rifjutata. Għat-tieni sejħa ma rċieva ebda offerti.
Id-Dipartiment beda l-proċess biex toħroġ it-tielet sejħa għal offerti għal bejgħ tal-fond in kwestjoni.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-inqas pensjoni mhux kontributorja li persuna tista' tirċievi? Tista' allura tinvestiga l-każ ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li minkejja li ħadmet għal ħafna snin qed tirċievi l-inqas pensjoni? Tista' ukoll tara x'inhi r-raġuni kif is-snin li l-istess persuna għamlet taħdem fit-Tarzna fis-sittinijiet mhumiex recorded u allura mhux qed ikunu riflessi fil-pensjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qed jinvestiga l-każ indikat mill-Onor. Interpellant u ser jinforma lill-persuna konċernata direttament bl-eżitu ta' din l-investigazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati studenti universitarji mill-Junior College jew MCAST bħala summer workers mal-ministeru jew aġenziji li jaqgħu taħtu dan is-sajf? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li kien hemm 18-il student li gew ingaġġati bħala summer workers ma' aġenziji li jaqgħu taħt il- Ministeru għat-Turiżmu u Kultura.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati studenti universitarji mill-Junior College jew MCAST bħala summer workers mal-ministeru jew aġenziji li jaqgħu taħtu dan is-sajf? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li dan is-sajf ma ġewx ingaġġati studenti universitarji bħala summer workers, la mill-Junior College u lanqas mill-MCAST.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati studenti universitarji mill-Junior College jew MCAST bħala summer workers mal-ministeru jew aġenziji li jaqgħu taħtu dan is-sajf? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f'xi seduta ohra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki f'kull industrial estate f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid ukoll x'inhu d-daqs tal-workforce li hemm f'kull estate, u possibilment kull fabbrika?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Minħabba li l-materja issa għaddiet taħt ministeru ieħor, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.