Legislature:
Category:
Reset
Active:

Saħħa — Mediċini kontra l-cholesterol

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li dawk il-persuni li jagħlqu l-75 sena ma jibqgħux intitolati għal mediċini kontra l-cholesterol b'xejn? X'inhi r-raġuni jekk fl-affermattiv?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-policy tad-Dipartiment tas-Saħħa hija li dawn il-mediċini jingħataw b'xejn biss lil persuni li għandhom anqas minn 75 sena. Din hija policy li ttieħdet fl-1998 u s'issa ma nħassetx il-ħtieġa li din tinbidel.

Bormla — Qasam tad-djar ta' Verdala - ġrieden

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir tindifa kif ukoll attakk bis-serjeta' fuq il-problema kbira ta' ġrieden li hemm fil-housing estate ta' Verdala f'Bormla? Jista' jgħid x'se jsir sabiex inkunu nistgħu inserrħu ras ir-residenti li huma terrorizzati bi ġrieden kbar ġejjin minn kullimkien?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda ilment ma wasal fl-uffiċċju tas-Saħħa tar-Reġjun indikat, dwar akkumuli ta' ħmieġ jew ġrieden fil-housing estate ta' Verdala f'Bormla matul din is-sena. Minn spezjoni li saret minn uffiċjali ta' dan id-Dipartiment fil-lok indikat ma nstab l-ebda akkumulu ta' skart li jista' jġib il-ġrieden. Minkejja dan, ħaddiema mis-sezzjoni tal-Pest Control ta' l-istess Dipartiment għamlu t-trattament neċessarji għal kontra l-ġrieden.

Sigurta' Soċjali — Children's allowance

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm familji li jibbenefikaw miċ-children's allowance? Tista' tagħti l-informazzjoni għas-snin 1985, 1986, 1990 u 1995?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-informazzjoni mitluba għas-snin 1986 u 1990 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3703 li ngħatat f'Seduta Nru. 90. Ninsab infurmata li n-numru ta' benefiċjarji fis-snin 1985 u 1995 kien ta' 47,051 u 52,440 rispettivament.

Baċir Nru. 1 — Xogħlijiet

Question

Peress li l-Ministru qal li x-xogħol dwar il-Baċir Nru. 1 beda, jista' jagħti informazzjoni dettaljata dwar x'se jsir u meta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

M'għandi xejn xi nżied mar-risposta li ta' il-Prim Ministru fil-Mistoqsija Parlamentari No. 7451.

Ministeru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Konsulenti/kumpanniji ta' konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mit-13 ta' April, 2003 sal-lum? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Malta Dairy Products — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu sehem il-gvern fil-Malta Dairy Products? Kemm hu n-numru ta' ħaddiema ma' l-MDP u kif inhuma mqassma skond il-grad?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Gvern permezz tal-MDC, għandu shareholding ta' 450,000 'B' Shares ekwivalenti għal 30% fil-Malta Dairy Products. L-informazzjoni l-oħra ma tistax tingħata minħabba s-sehem minoritarju tal-Gvern.

Post tal-gvern — Ħlas ta' kera

Question

Tista' il-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7507 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilha u cioe' tista' tara li titnaqqas il-kera tal-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ngħata temporanjament lill-familja fejn il-missier ma jaħdimx minħabba kondizzjoni fiżika, peress li l-kera tal-post li kellhom u li suppost se jsirlu xogħol strutturali kien ferm u ferm anqas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi s-sussidju fuq il-kera tal-post indikat inħadem sewwa skond il-kuntratt iffirmat mill-inkwilin meta ngħata l-post.

Bormla — Masġar taħt l-iskola primarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7440 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Ministru jara li jsir xi ħaġa bis-serjeta' sabiex l-area (masġar żgħir) taħt l-iskola primarja ta' Bormla tingħata dehra aħjar? X'inhi r-raġuni li latrina fl-istess area tkissret snin ilu sabiex illum saret miżbla?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-masġar li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant jifforma parti mill-proġett tal-Pjazza Santa Margerita. Dan il-masġar kien ġie ddentifikat bħala s-sit il-ġdid tal-pitch tal-boċċi u l-clubhouse tal-ground li jinsab quddiem l-iskola. Ix-xoghlijiet fuq dawn l-istrutturi kienu nbdew, pero' twaqqfu wara li dan l-istess sit ġie ddentifikat għal parkeġġ taħt l-art in konnessjoni mal-proġett tal-Kottonera. Filwaqt li jien infurmat li l-permessi neċessarji għal dan il-parkeġġ inħarġu mill-Awtorita' Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, l-eżekuzzjoni ta' dan l-istess parkeġġ taqa' taħt ir-responsabbilta' ta' Ministeru ieħor.

Malta Industrial Parts

Question

Fid-dawl tal-fatt li l-immerġjar ta' l-MDC, il-METCO u l-IPSE u t-twaqqif tal-Malta Enterprise kienu ġew imħabbra bħala passi lejn one-stop-agency għall-investitur industrijali, jista' f'din il-perspettiva il-Ministru jfisser għaliex l-MIP (Malta Industrial Parts), li timmaniġja l-industrial estates u talloka l-fabbriki baqgħet barra mill-Malta Enterprise? Fl-interess ta' l-effiċjenza fl-ipproċessar ta' proġetti ġodda ma kienx ikun aħjar li kieku l-MIP kellha tingħaqad mal-Malta Enterprise? Jista' jeskludi li n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-MIP u l-Malta Enterprise wasslet għal dewmien żejjed? Jista' jgħid jekk il-fatt li riċentement iċ-chief executive ta' Malta Enterprise ġie appuntat bħala chairman ta' l-MIP wassalx għal xi titjib f'dik li hi effiċjenza?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-kunċett ta' "one-stop agency" ma tfissirx li kollox jiġi mmaneġjat minn organizazzjoni waħda. Il-proċess tat-twaqqif tal-Malta Enterprise ġabar fih il-funzjoni regolatorja tal-Business Promotion Act u l-funzjoni tal-promozjoni tal-investiment. Il-funzjoni tal-bini u tal-immaniġjar tal-fabbriki u l-Industrial Estates rispettivament hija waħda ta' natura teknika u amministrattiva. Kien għalhekk li l-operat tal-Malta Industrial Parks Limited inżamm separat, bħal ma hu separat l-operat li jipprovdi kull tip ta' prodott jew servizz fil-fabbriki e.z. d-dawk, l-ilma ecc. Issa li l-Malta Industrial Parks Limited ingħatat is-setgħa tal-liġi mill-15 ta' Lulju 2004, ser tkun f'pozizjoni aħjar li taġixxi b'aktar effiċenza għar-rikjesti ta' l-investitur.

Malta Industrial Parks

Question

Fid-dawl tal-fatt li l-immerġjar ta' l-MDC, il-METCO u l-IPSE u t-twaqqif tal-Malta Enterprise kienu ġew imħabbra bħala passi lejn one-stop-agency għall-investitur industrijali, jista' f'din il-perspettiva il-Ministru jfisser għaliex l-MIP (Malta Industrial Parks), li timmaniġja l-industrial estates u talloka l-fabbriki baqgħet barra mill-Malta Enterprise? Fl-interess ta' l-effiċjenza fl-ipproċessar ta' proġetti ġodda ma kienx ikun aħjar li kieku l-MIP kellha tingħaqad mal-Malta Enterprise? Jista' jeskludi li n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-MIP u l-Malta Enterprise wasslet għal dewmien żejjed? Jista' jgħid jekk il-fatt li riċentement iċ-chief executive ta' Malta Enterprise ġie appuntat bħala chairman ta' l-MIP wassalx għal xi titjib f'dik li hi effiċjenza?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-kunċett ta' "one-stop agency" ma tfissirx li kollox jiġi mmaneġjat minn organizazzjoni waħda. Il-proċess tat-twaqqif tal-Malta Enterprise ġabar fih il-funzjoni regolatorja tal-Business Promotion Act u l-funzjoni tal-promozjoni tal-investiment. Il-funzjoni tal-bini u tal-immaniġjar tal-fabbriki u l-Industrial Estates rispettivament hija waħda ta' natura teknika u amministrattiva. Kien għalhekk li l-operat tal-Malta Industrial Parks Limited inżamm separat, bħal ma hu separat l-operat li jipprovdi kull tip ta' prodott jew servizz fil-fabbriki e.z. d-dawk, l-ilma ecc. Issa li l-Malta Industrial Parks Limited ingħatat is-setgħa tal-liġi mill-15 ta' Lulju 2004, ser tkun f'pozizjoni aħjar li taġixxi b'aktar effiċenza għar-rikjesti ta' l-investitur.

MDC — Proġett ta' zona għall-industriji

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jmexxi 'il quddiem il-proġett ta' zona għall-industriji li għandhom bżonn aċċess għall-baħar, dwar liema proġett l-MDC kienet ħejjiet pjanijiet preliminari fl-1997, u dwar liema proġett l-MDC, il-MIMCOL u l-Marsa Shipbuilding kienu bdew taħditiet preliminari fl-1998 bil-barka ta' l-Amministrazzjoni Laburista? Jekk iva, jista' il-Ministru jgħid fejn wasal dan il-proġett u meta huwa maħsub li jkun jista' jilqa' l-ewwel investituri?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

MDC — Proġett ta' zona għal servizzi għall-avjazzjoni u industriji

Question

Jista' il-Minsitru jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jmexxi 'il quddiem il-proġett ta' zona għal servizzi għall-avjazzjoni u industriji relatati, fil-limiti ta' Ħal Safi, dwar liema proġett l-MDC kienet ħejjiet pjanijiet preliminari fl-1997 wara konsultazzjonijiet mad-dipartiment ta' l-avjazzjoni ċivili u dwar liema proġett l-MDC u l-Forzi Armati ta' Malta kienu waslu għal ftehim preliminari fl-1998 bil-barka ta' l-Amministrazzjoni Laburista? Jekk iva, jista' il-Ministru jgħid fejn wasal dan il-proġett u meta huwa maħsub li jkun jista' jilqa' l-ewwel investituri?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kunsilli lokali — Xogħol mill-kuntratturi

Question

Jisa' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk teżistix linja gwida għall-kunsilli lokali dwar kuntratturi li jieħdu xogħol ta' l-istess kunsilli, liema gwida tirreferi għal kemm ikollu ħaddiema u inġenji kull kuntrattur, u allura jkunu jistgħu jevalwaw jekk kuntrattur jistax jieħu ċertu xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Proċeduri dwar Offerti (maħruġa bis-saħħa ta' l-Avviż Legali 180 ta' l-1996) jirreferu kemm għall-Kundizzjonijiet Ġenerali kif ukoll Speċifiċi għall-għoti ta' kuntratti mill-Kunsilli Lokali. Għalkemm m'hemm l-ebda linja ta' gwida dwar numru ta' ħaddiema u inġenji, il-Proċedura P.3.II, item 14 tistipula li l-kuntrattur li jitfa' l-offerta hu obbligat li jinkludi bħala informazzjoni. "ix-xogħol jew is-servizzi li jkunu sa jsiru minnu bir-riżorsi tiegħu nnifsu" Barra minn hekk, item 14 (e) ta' l-istess Proċeduri jitolbu wkoll li l-offerent ikun mitlub jistabbilixxi r-responsabbilita' tal-persuni jew entitajiet proposti, u l-Kunsill ikollu dritt joġġezzjona għal xi persuna jew entita'.

Vetturi mingħajr liċenzji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed isir biex jitnaqqas in-numru ta' karozzi bla liċenzja imġedda li hawn jiġru fit-toroq?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6390 fejn kont spjegajt kif it-tneħħija ta' vetturi abbandunati huwa regolat bir-Regolamenti dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta' Oġġetti ta' Ingombru fir-Regolamenti tat-Traffiku (AL nru 94 ta' l-1997). Skond Regolament 3(2) ta' dawn ir-Regolamenti .... "Il-Kummissarju jew il-Kunsill (Lokali) jista' jneħħi kull vettura li ma tkunx thallsitilha l-liċenzja tat-triq għal xi sena kurrenti kull meta t-tiġdid ta' dik il-liċenzja jkun skada b'aktar minn tliet xhur". Dawn ir-Regolamenti jirreferu għad-delega ta' infurzar li tinkludi t-tneħħija ta' vetturi li jkollhom il-liċenzja tat-triq mhux imġedda. Minn naħa tal-Pulizija ninsab infurmat illi jsiru spezzjonijiet fuq vetturi fit-toroq sabiex ikun iverifikat jekk il-liċenzja tkunx imħallsa. Fil-fatt matul din is-sena ġew mogħtija mhux anqas minn 2,046 ċitazzjoni dwar dan in-nuqqas.