Malta Drydocks — Ħaddiema li tilfu ħajjithom fuq l-Umel Faroud
Question
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu t-talbiet għal kumpens xieraq tal-qraba tal-ħaddiema tat-Tarzna li għaxar snin ilu tilfu ħajjithom fuq il-vapur Umel Faroud?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta ħarġu l-aħħar sejħiet għal xi promozzjonijiet mad-dipartiment tal-liċenzji? X'kienu? Kemm applikaw f'kull każ u min ġie magħżul?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-aħħar sejħa għal xi promozzjonijiet mad-Dipartiment tal-Liċenzji ħarġet fiz-19 ta' Jannar, 2004. Il-kariga kienet dik ta' Customer Care Officer.
Applikaw erba' mpjegati u ġew magħżulin is-Sur Jose Abela u s-Sur Michael Rogers.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn karozzi li għandhom K u Y plate? Jista' jaqsamhom skond il-marka u ċ-ċilindraġġ? Jista' jgħid x'inhuma r-rekwiżiti sabiex persuna jkollha karozza ta' dan it-tip?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li t-total ta' karozzi u motor cycles reġistrati li għandhom K plate huwa 6153 filwaqt li t-total ta' karozzi reġistrati b'Y plate huwa 939.
Biex persuna jkollha vettura ta' dan it-tip hija meħtieġa li jkollha public service garage.
Vetturi bin-numri ta' reġistrazzjoni bil-K jistgħu jinkrew għal perjodu mhux aktar minn 90 ġurnata filwaqt li l-vetturi bin-numri ta' reġistrazzjoni GY jistgħu jkunu misjuqa biss mill-impjegati tal-Public Service Garage. Barra minn hekk ix-xufier irid jkollu tag li jkun awtorizzata mill-Awtorita dwar it-Trasport.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista tal-vetturi K u GY Plates maqsuma skond il-marka u ċilindraġġ.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għas-sejħa ta' CEO ma' l-awtorita' dwar it-trasport? Jista' jagħti tagħrif dwar il-kwalifiki ta' kull applikant?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi kien hemm tnejn u erbgħin (42) applikazzjoni għas-sejħa ta’ CEO ma’ l-Awtorita dwar it-Trasport.
Mit-tnejn u erbgħin (42) applikant tletin (30) kellhom qualifiki terzjarja :-
- PhD (Doctor of Philosophy) x 1
- LL. D x 4
- M.Sc. Management x 1
- MBA x 3
- M.A. Human Resources Development x 1
- Degree in Marketing Communications x 1
- B.A. (Gen.) Sociology and Communication Studies x 1
- B. Comm (Hons) x 3
- Bachelor’s degree in Philosophy and Psychology x 1
- B.E&A (Hons) x 2
- Bachelor of Engineering (Hons) x 2
- Degree in Economics & Business Administration x 1
- Bachelor of Arts in Humanities x 1
- M.Ed x 1
- Bachelor of Arts in History x 1
- Bachelor of Communications x 1
- Diploma in Youth and Community Studies x 1
- Diploma in Business Management x 1
- Diploma in Sales Management & Marketing x 1
- Diploma in Logistics & Transport x 1
- Diploma in Auditing x 1
Tnax mill-applikanti kellhom edukazzjoni sekondarja.
Jista' il-Ministru jara x'kien sar minnha t-talba tal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - sabiex isir xogħol marbut ma' taraġ sabiex jagħmillu d-dħul lejn daru aktar komdu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Informat li d-Direttorat tat-toroq ser jagħmel spezzjoni fil-post imsemmi.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien sar mill-pjan tal-gvern sabiex isir proġett ta' żvilupp u riabilitazzjoni ta' l-iskola J.L. Verdala? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji tad-development brief li kien sar fis-sena 1998? Jista' jgħid xi twettaq minnu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara d-development brief li kien sar għall-Liċeo tas-subien fil-Verdala, Bormla, nbena sular addizzjonali fuq wieħed li kien eżistenti, filwaqt li nbniet kamra oħra kbira fuq blokka oħra biex isservi ta' option room.
Ninsab informat ukoll li l-FTS għandha f'idejha programm ta' xogħolijiet li huwa miftiehem mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni, u li minnu huwa pproġettat illi l-iżvilupp ta' l-iskola imsemmija ser isir bejn 2006 - 2008, dejjem pero' jiddependi jekk jinħarġux il-permessi neċessarji u t-tenders relatati mal-proġett fiż-żmien.
Sigurta' Soċjali — Pensjonanti tas-servizzi Ingliżi
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern fir-rigward tal-pensjonanti tas-servizzi Ingliżi u cioe' jekk hemmx xi ħsieb li dan ma jibqgħux isofru t-tnaqqis mill-pensjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-kwistjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant hu s-suġġett ta' kawża fil-Qorti u għalhekk ma jidhirlix li għandi nikkummenta f'dan l-istadju.
Birgu — Skola L. Gafa - suġġett tal-Home Economics
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex is-suġġett tal-Home Economics mhux mgħallem fl-iskola L. Gafa Birgu? Kemm kien hemm studenti li xtaqu jieħdu dan is-suġġett u x'sar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Home Economics fl-iskola Lorenzo Gafa', il-Birgu ma huwiex mgħallem għaliex m'hemmx il-faċilitajiet neċessarji biex jagħmilha possibli ħalli dan is-suġġett ikun offrut lill-istudenti.
Kien hemm 4 studenti fil-Form 1 li riedu dan is-suġġett u biddluħ għal Design and Technology. Fil-Form 3 kien hemm 6 studenti li xtaqu jieħdu dan is-suġġett, 5 minnhom għażlu li jbiddlu s-suġġett biex jibqgħu l-iskola tal-Fortini, wieħed għażel li jżomm l-għażla ta' dan is-suġġett u mar is-Sekondarja Ġuże' d'Amato, Raħal Ġdid, biex ikun jista' jagħmel il-Home Economics.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni dwar l-area fuq is-Sur ta' San Ġwann fejn ir-residenti li joqogħdu faċċata jixtiequ li dan jinqasam bejniethom sabiex jieħdu ħsiebu huma u dan peress li hu abbandunat u mitluq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tikkunsidra kwalunkwe talba sabiex tiġi allokata art tal-Gvern sakemm l-iskop li tintalab għalih ikun approvat mill-MEPA. Fi kwalunkwe każ jekk it-talba tiġi aċċettata ikun meħtieġ li tinħareġ sejħa għall-offerti. F'dan il-każ partikolari ma jirriżultax li saret xi talba sabiex tiġi allokata l-art in kwistjoni.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm każi ta' care & repair li xogħol fuqhom għadu ma bediex (għal Kottonera u l-Kalkara)? Tista' tgħid kemm jieħu żmien sabiex jibda x-xogħol, dejjem jekk kollox ikun sew, minn meta uffiċjali ta' l-awtorita' tad-djar iżuru l-post?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar għandha dawn il-każijiet pendenti, mill-lokalitajiet indikati, taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair:
5 biex issir l-ewwel spezzjoni;
24 biex issir spezzjoni minn perit;
6 biex jiġu diskussi mill-Panel; u
3 biex jitlestew id-dokumenti għas-sejħa għall-offerti.
Iż-żmien biex jibda x-xogħol jiddependi minn diversi fatturi, fosthom:
mill-volum tax-xogħol meħtieġ;
il-ħtieġa jew le ta' permessi mill-MEPA;
il-bżonn jew le ta' ħruġ ta' sejħa għall-offerti;
jekk ix-xogħol jinvolvix bini perikoluż; u
jekk l-applikant ikunx lest li jsib kuntrattur u jissorvelja x-xogħol hu stess.
Tista' il-Ministru tgħid minn min hu magħmul il-bord ta' l-appelli tas-sigurta' soċjali? Kull meta jiltaqa'? Kemm ilu ma jiltaqa'? Jista' jgħid meta se jinstema l-każ tas-sinjura li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Bord li jittratta appelli minn deċiżjonijiet tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali hu maħtur skond l-Artikolu 107 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap. 318). Il-Bord ikun kompost minn Arbitru jew Deputat Arbitru u jkun mgħejjun minn panel ta' Assessuri li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u lil min iħaddem.
Fil-bidu ta' din is-sena ġie maħtur l-Onor. Imħallef Franco Depasquale bħala Arbitru ġdid iżda l-panel ta' Assessuri għadu ma ġiex maħtur għax id-Dipartiment qed jistenna n-nomini ta' l-Assessuri li jirrappreżentaw lill-ħaddiema biex jiġu maħtura fuq il-panel. Għal din ir-raġuni u peress li d-deċiżjoni ta' meta u kif jinstemgħu l-appelli hu, skond il-liġi, f'idejn l-Arbitru, f'dan l-istadju mhux possibli li ngħati data ta' meta ser jinstema l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jara li jsir xi ħaġa fuq il-każ - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - peress li din il-persuna li ma tafx tikteb talbet li l-karozza tkun garaged u min imlielu l-karti għamillu to scrap?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li la darba l-applikazzjoni kienet titlob biex tiġi skreppjata l-karozza, l-Awtorita dwar it-Trasport imxiet skond din it-talba. Għalhekk m'huwiex possibli li tiġi revokata id-deċiżjoni u l-vettura ma tkunx tista' terġa' tintuża.
Jista' il-Ministru jgħid min hu d-direttur tat-toroq? Meta laħaq u post min ħa? X'inhu s-salarju u benefiċċji oħra li jġorr miegħu dan il-post?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Id-Direttur tad-Direttorat tal-Network Infrastructure huwa Profs H.Semar. Huwa laħaq f'Awissu 2004 u minn din id-data issostitwixxa lis-Sur Carmel Zammit.
Profs Semar huwa impjegat mal-GTZ-Deutsch Gesellschaft fur Technishe Zusammenarbeit Kmbh, Germany (German Agency for Technical Corporation) liema kumpanija għandha kuntratt ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport biex toffri servizzi professjonali. Bħala benefiċċji għandu karozza u użu ta' mobile phone bl-ispejjeż kollha mħallsa.
Tista' il-Ministru tikkunsidra li persuna (ġuvintur/xebbiet) bla xogħol, li pero' baqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom, jingħataw xi tip ta' benefiċċju, dejjem jekk u meta jkun ippruvat li l-individwu konċernat ma jistax isib impjieg?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor. Interpellant b'benefiċċju qed jirreferi għall-Għajnuna/Assistenza Soċjali mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, ninfurmah li dawn jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta' "household" u mhux fuq bażi ndividwali. Fil-fatt, skond il-provedimenti ta' l-istess Att, fit-test tal-mezzi biex persuna tikkwalifika għal dawn il-benefiċċji, jittieħed in konsiderezzjoni d-dħul tal-persuni kollha li jifformaw parti mill-familja (household) minn fejn tkun qed issir it-talba.
Mhux il-ħsieb li jkun hemm tibdil f'dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li ssir estensjoni fiċ-ċimiterju ta' San Lawrenz fil-Birgu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ċ-Ċimiterju ndikat huwa fil-fatt Ċimiterju tal-Knisja u mhux tal-Gvern.
Għaldaqstant ninforma li f'każijiet ta' estenzjoni f'Ċimiterji tal-Knisja, tali possibilita' tiġi mistħarrġa mill-Entita' Ekleżjastika kkonċernata qabel ma tiġi referuta applikazzjoni formali mad-Dipartimenti kkonċernati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm żaru turisti: il-Belt Valletta; l-Imdina u l-Kottonera fis-snin li għaddew sena b'sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru totali ta' turisti li żaru Malta matul is-sena 2004 kien ta' 1,156,028. Mis-sena l-oħra, l-Awtorita' tat-Turizmu ta' Malta bdiet tħaddem programm ta' riċerka li permezz tiegħu qed tinġabar informazzjoni anki fuq il-lokalitajiet li jżuru t-turisti waqt li jkunu f'Malta. Minn din ir-riċerka jirriżulta li:
994,184 turist żaru l-Belt Valletta
762,978 turist żaru l-Mdina u
265,886 turist żaru l-Kottonera
Peress li dan l-istudju sar għall-ewwel darba, informazzjoni simili għal snin oħra ma tistax tingħata.