Legislature:
Category:
Reset
Active:

Cottonera Rehabilitation Committee

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħata fondi l-Cottonera Rehabilitation Committee mit-twaqqif tiegħu sal-lum sena b'sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-fondi mogħtija lill-Cottonera Rehabilitation Committee mis-sena tat-twaqqif tiegħu sa llum, huma kif jidhru hawn taħt:- Sena Lm 1992 100,860 1993 200,000 1994 200,000 1995 200,000 1996 500,000 * 1997 500,000 * 1998 400,000 * 1999 85,416 2000 163,651 2001 145,041 2002 114,876 2003 184,569 2004 186,383 2005 50,000 * Dawn huma ċifri globali allokati għall-Proġetti ta' Riabilitazzjoni. Din iċ-ċifra ġiet maqsuma fi tnejn għal kull proġett, jiġifieri nofs għall-Valletta Rehabilitation Project u n-nofs l-ieħor għall-Cottonera Rehabilitation Project.

Skema Care and Repair

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm saru talbiet għal xogħol taħt l-iskema care and repair f'Bormla, Birgu u Isla minn meta bdiet l-iskema sal-lum? Kemm minnhom bdew u tlestew? Kemm kienet l-ispiża minfuqa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn meta bdiet titħaddem l-inizjattiva tal-Care and Repair, l-Awtorita' tad-Djar irċeviet 78 talba minn residenti fl-Isla, Bormla u l-Birgu. Minn dawn l-applikazzjonijiet, 14-il każ ġew finalizzati, fi 18-il każ qed isiru x-xogħlijiet, 3 każijiet ser issirilhom l-ewwel spezzjoni u 13 ser jiġu diskussi fil-ġranet li ġejjin. L-ispiża għal dawn ix-xogħlijiet kienet ta' Lm24,270.53. Il-kumplament tal-każijiet ma ġewx proċessati taħt din l-inizjattiva għal diversi raġunijiet, fosthom li l-applikanti: issottomettew applikazzjoni taħt xi Skema ta' l-Awtorita' dwar irranġar u titjib tad-djar; kellhom assi kapitali aktar minn Lm4,000; irrifjutaw li jsiru x-xogħlijiet.

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Sejħa għall-facilitators

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa għall-facilitators? Meta se jibda l-proċess ta' ingaġġ, kemm se jinħatru u kif se jiġu magħżula?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11035.

Baċir Nru 1 — Public Consultations

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta saru public consultations għal baċir nru. 1? Meta u fejn kienu reklamati f'kull każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-konsultazzjoni dwar il-proġett għar-riġenerazzjoni tal-baċir numru wieħed tnediet fis-sitta ta' Diċembru 2004 permezz ta' dikjarazzjoni għall-mezzi tax-xandir (press release). Id-dikjarazzjoni kienet tgħid biċ-ċar li d-dokument kien jista' jinkiseb mill-website ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Saru wkoll laqgħat mal-Kunsilli Lokali l-aktar milquta minn dan l-iżvilupp.

Malta Enterprise — Korsijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema courses saru u/jew qed isiru jew se jsiru mill-Malta Enterprise flimkien mal-ETC, MCAST u l-Universita?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena infurmat li l-Malta Enterprise qegħda torganizza/organizzat dawn il-'courses': 1. Ma' l-ETC Kors ta' 15 il-ġimgħa (75 siegħa) għall-'Chemical Operators' fis-setturi tal-farmaċewtika u Indistriji relatati. Il-kors sar fis-sjaf 2004. 2. Ma' l-MCAST Kors ta' apprendistat ta' tlett snin li jwassal għall-B.Tech Applied Science. L-ewwel sena hija full time u sentejn oħra part time, meta l-partiċipanti jkunu qed jaħdmu. Il-kors beda f'Ottubru 2004. 3. Ma' l-Universita' L-ME qegħda f'negozzjati avvanzati mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u ma l-Universita' biex isir kors ta' natura 'Post Graduate' fix-Xjenza Applikata li jwassal għall-kwalifika ta' 'Qualified Person' għas-settur farmaċewtiku u setturi oħrajn relatati.

Sigurta' Soċjali — Reviżjoni tal-pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se ssir ir-reviżjoni tal-pensjoni għall-ex ħaddiema: 1) tat-Tarzna; u 2) tal-Istainless Steel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 11063 f'Seduta Numru 244.

Birgu — Triq il-Kottonera - Ilma tax-Xita

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10636 fejn il-Ministru qal li Triq il-Kottonera, Birgu hi responsabbilta' tal-kunsill, jista' jara jekk responsabbilta' ta' triq arterjali hijiex tal-gvern ċentrali jew tal-kunsill?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Pulizija — Protezzjoni ta' l-għasafar/fenek selvaġġ

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti mill-ALE fuq ksur tar-regolamenti dwar il-protezzjoni ta' l-għasafar u tal-fenek selvaġġ? Kemm minnhom ġew liberati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 tressqu quddiem il-Qorti mit-Taqsima ta' l-Administrative Law Enforcement tal-Pulizija, 380 persuna bi ksur tar-Regolamenti ta' l-1993 dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta' l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta' Speċi Protetti u Riservi Naturali); u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66). Minn dawn 192 instabu ħatja, 34 ġew liberati, filwaqt li l-każijiet tal-kumplament għadhom pendenti quddiem il-Qorti.

MDD/Stainless Steel — Reviżjoni tal-Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se ssir ir-reviżjoni tal-pensjoni (skond l-aħħar ftehim kollettiv) tal-ħaddiema ta' l-MDD u ta' l-iStainless Steel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F'dan l-istadju ma għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8213 f'Seduta 176, li tapplika wkoll għall-ex ħaddiema li għamel referenza għalihom l-Onor. Interpellant.

ETC — Karozza Alfa Romeo

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li karozza Alfa Romeo proprjeta' tal-ETC se tinbiegħ? Kif se jsir dan il-bejgħ? Kemm inxtrat din il-karozza u meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li l-Bord ta' l-ETC iddeċida li jbiegħ il-karozza msemmija li nxtrat sitt snin ilu bil-prezz ta' Lm8203 għall-prezz ta' Lm3400 li jirrepreżenta il-valur deprezzat fuq il-kotba ta' l-ETC.

Facilitators

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw għas-sejħa ta' facilitators? Kemm se jiġu ngaġġati u kif se jsir il-proċess ta' l-għażla u meta se jibda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-aħħar sejħa għal Facilitators saret fl-10 ta' Jannar 2003. Applikaw 433 li minnhom 115 kienu ineliġibbli. 318 kienu eliġibbli u ġew intervistati mill-Bord ta' l-Għażla. 313 għaddew mill-interview u kollha ġew offruti ingaġġ mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Jekk it-tagħrif mitlub hu dwar Supply Facilitators, jiġifieri Supply Kindergarten Assistants performing Facilitating Duties, informat li ser isiru interviews u dawk li jgħaddu jiġu ngaġġati skond l-Order of Merit u skond il-bżonn.

Benefiċċji Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tivverifika jekk il-persuna - dettalja dwarha qed jintbagħtu separatament - hijiex tieħu l-ammont ta' benefiċċju soċjali dovut lilha peress li issa għandha żewġ ulied?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha direttament mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Malta Enterprise — Price Waterhouse Cooper

Question

Peress li l-Malta Enterprise ħatret chief officer corporate services, li allura hu responsabbli mill-finanzi u amministrazzjoni, jista' il-Ministru jgħid għaliex wara din il-ħatra r-responsabbilta' tal-pagi ta' ċerti gradi għaddiet f'idejn Price Waterhouse Cooper?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li matul din is-sena l-Malta Enterprise naqqset il-ħaddiema tagħha prattikament bin-nofs mill-200 li qabel kellhom l-MDC, l-IPSE U L-METCO għal 100 tal-lum. Barra minnhekk il-Malta Enterprise minn dejjem riedet tiffoka r-riżorsi tagħha fuq il-klijenti u mhux fuq il-proċessi interni. Barra minnhekk, matul din is-sena il-Malta Enterprise kienet għaddejja mill-isfidi li tgħaddi minnhom kull organiżżazzjoni ġdida u għaldaqstant ġie deċiż mill-Bord tad-Diretturi li l-awdituri tal-kumpanija (PWC) jieħdu ħsieb l-iproċessar kollu tas-salarji kollha tal-ħaddiema tal-Malta Enterprise. Dan qed isir għal ħlas li jlaħħaq għal-anqas minn kwart tal-paga ta' ħaddiem fl-amministrazzjoni tal-Malta Enterprise.

Malta Enterprise — Impjegat

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm persuna li għandha mpjieg ieħor u qed tagħmel xogħol part-time (maintenance) mal-Malta Enterprise? Jista' jgħid x'inhu xogħol din il-persuna mal-Malta Enterprise? Jista' jgħid kif u kemm jitħallas?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Malta Enterprise — Chief Officer corporate services

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta saret is-sejħa għall-impjieg ta' chief officer corporate services mal-Malta Enterprise? Kemm applikaw? Xi kwalifiki u esperjenzi kellu kull applikant? Min ġie magħżul? X'inhu s-salarju u l-pakkett ta' benefiċċji li jġorr miegħu dan l-impjieg?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Sigurta' Soċjali — Back payments

Question

Tista' il-Ministru tispjega lil persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - għaliex ilha tħallas ħlasijiet lura tas-sigurta' soċjali għal ħafna żmien? Kemm kien l-ammont oriġinali u kif sar hekk?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Tas-Sliema — Moll tax-xatt

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-moll tax-Xatt ta' Tas-Sliema waqa' fil-maltemp ta' Diċembru 2003? Meta ssewwa dan il-moll u kemm kienet l-ispiża?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-ħsara li ġrat fil-moll fix-Xatt ta' Tas-Sliema ġrat qabel il-maltempata ta' Diċembru 2003. Din il-ħsara kienet manifesta permezz ta' ħofra li dehret fl-art tal-promenade u li kienet tinfed mal-baħar minn taħt. It-tiswija saret f'Ġunju 2004 u swiet Lm4,328.95ċ.