Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tas-saħħa għandux il-mediċini u l-ammont adegwat għal kontra xi mewġa ta' influwenza Asjatika - dik tat-tjur?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Din l-issue diga bdiet tiġi ndirizzata minn kumitat maħtur apposta mid-Dipartiment tas-Saħħa fejn qed tiġi analiżżata l-aħjar azzjoni u kura, f'sitwazzjoni bħal din. F'dan ir-rigward għandu jingħad ukoll li d-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed isegwi l-pariri tal-WHO u l-Unjoni Ewropeja.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11058 u cioe' jgħid jekk hux minnu li hemm persuna li għandha mpjieg ieħor u qed tagħmel xogħol part-time (maintenance) mal-Malta Enterprise? Jista' jgħid x'inhu xogħol din il-persuna mal-Malta Enterprise? Jista' jgħid kif u kemm jitħallas?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Malta Enterprise m'għandhiex persuni fuq basi part-time jaħdmu fil-maintainance.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11220 u cioe' jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir surfacing ta' Triq Professur J.G. Baldacchino f'Ħaż-Żabbar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport qed thejji program tax-xogħlijiet tat-toroq. Din it-triq hija nkluża f'dan il-program. Dawn it-toroq se jinbnew skond il-prijoritajiet li joħorġu minn dan il-program.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11061 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe' b'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10636 fejn il-Ministru qal li Triq il-Kottonera, Birgu hi responsabbilta' tal-kunsill, jista' jara jekk responsabbilta' ta' triq arterjali hijiex tal-gvern ċentrali jew tal-kunsill?
Malta Drydocks — Ħaddiema li tilfu ħajjithom fuq l-Umel Faroud
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10946 u cioe' jgħid fiex waslu t-talbiet għal kumpens xieraq tal-qraba tal-ħaddiema tat-tarzna li għaxar snin ilu tilfu ħajjithom fuq il-vapur Umel Faroud?
Response (GATT, AUSTIN)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11427, qed ikomplu d-diskussjonijiet mar-rapprezentanti legali tal-familjari tal-vittmi. S'issa intlaħaq ftehim f'10 kazijiet, waqt li qed jitkomplew negozjati f'5 każijiet oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10943 u cioe' jgħid kemm ingħataw sensji f'Jannar 2005? Minn liema settur kienu ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul ix-xahar ta’ Jannar 2005 kien hemm 200 persuna li ġiet tirreġistra għax-xogħol wara li ġiet issensjata, filwaqt li 250 persuna li sa’ l-aħħar ta’ Diċembru 2004 kienu qed jirreġistraw għax-xogħol, sabu xogħol u xogħolhom kien irreġistrat ma’ l-ETC.
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi minn liema settur kienu ġejjin il-persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol f'Jannar.
Malta Enterprise — Chief officer corporate services
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11059 u cioe' jgħid meta saret is-sejħa għall-impjieg ta' chief officer corporate services mal-Malta Enterprise? Kemm applikaw? Xi kwalifiki u esperjenzi kellu kull applikant? Min ġie magħżul? X'inhu s-salarju u l-pakkett ta' benefiċċji li jġorr miegħu dan l-impjieg?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Minsitru jagħti listi ta' toroq fit-tieni distrett li se jsiru din is-sena 2005?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-Toroq li se jsiru din is-sena 2005 fit-tieni distrett huma :-
TOROQ
Vittoriosa –Kalkara
Id-Direttorat tat-Toroq għandu applikazzjoni mall-MEPA għall-alignment u l-kostruzzjoni tat-triq li tieħu mill-Kalkara għal Vittoriosa
Senglea
Toroq San Ġuzepp u p/o iż-Żewg Mieni (parti mill-ftehim mall-Kunsill Lokali)
Fgura
Toroq Xemx u l-Qamar, p/o Merħba u p/o Misk
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet meta persuna titlef id-dritt tal-vot?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kundizzjonijiet meta persuna titlef id-dritt tal-vot huma elenkati f’Artikolu 85 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Minbarra dan, jekk persuna ma jkollhiex il-kwalifiki ta’ ċittadinanza, età u residenza f’Malta kif stipulat f’Artikolu 57 tal-Kostituzzjoni, din il-persuna ma tkunx kwalifikata biex tkun jew tibqa’ reġistrata bħala elettur.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 11168, jista' il-Ministru jagħti d-dati ta' meta saru dawn il-public consultation meetings, kemm għall-pubbliku kif ukoll għal-kunsilli lokali? Jista' jgħid fuq liema mezzi tax-xandir ingħata it-tagħrif ta' meta se ssir il-laqgħa għall-pubbliku?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' il-Ministru tgħid fiex waslet it-talba tal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - sabiex isirilha xi xogħol fil-fond fejn joqogħdu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk dawk il-ħaddiema li daħlu mal-gvern qabel is-sena 1979 u kienu impjegati mal-public lotto, u allura fis-sena 1984 bdew jitqiesu bħala self-employed, humiex intitolati għas-somma meta jispiċċaw mix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara li jingħata wiċċ xieraq lit-triq li mill-Kalkara tagħti għall-club tar-regatta Birgu peress li tinstab fi stat diżastruż u dan hu post frekwentat ħafna fis-sajf?
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ċerti anzjani qed jintalbu jipproduċu l-ID card kull meta jmorru għas-siringi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Siringi għall-insulina jingħataw mill-ispiżeriji tal-Gvern lill-pazjenti li qegħdin fuq l-insulina. Il-pazjent/a hu/hi mitlub/a jippreżenta/tippreżenta r-riċetta u d-dokumenti meħtieġa inkluż il-karta ta' l-identita'. Din tapplika mhux biss għall-anzjani imma għal dawk kollha li jsoffru mid-dijabete li qegħdin fuq l-insulina u huma intitolati għal 10 siringi ta' l-insulina fix-xahar.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - hux ser tirċievi l-pensjoni tal-wens peress li tieħu ħsieb missierha anzjan fis-sodda u issa ilu li applika minn Ottubru 2004?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanijiet tiegħu għal Ta' Qali Crafts Village? Jista' ipoġġi wkoll fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim tal-kirja?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.