Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sigurta' Soċjali — Children's allowance

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm tħallsu f'children's allowance, sena b'sena, tul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Moll ta' l-Isla — Xogħlijiet

Question

Peress li issa għalaq il-perijodu tat-tendering għax-xogħol fuq il-moll ta' l-Isla, jista' il-Ministru jgħid meta se jibda dan ix-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l -Informazzjoni — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda fid-dipartimenti, aġenziji u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħtu tul is-sena 2004 sal-lum? Minn fejn ġew impjegati, x'kien il-grad u kif saret is-sejħa għall-impjieg?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kordin Grain Terminal — silos

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9921 u cioe' jista' jgħid x'tip ta' xogħol qed isir fis-silos ta' Kordin Grain Terminal? Minn min qed isir? X'inhi l-istima tax-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ix-xogħol li qed isir mill-K.G.T. Ltd hu tiswija fis-silos operati mill-Kumpanija u li hu stmati li jiswew LM47,000 kull bin. Ix-xogħol qed isir minn Polidano Bros. Ltd.

Malta Enterprise — Chief officer corporate services

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11059 u cioe' jgħid meta saret is-sejħa għall-impjieg ta' chief officer corporate services mal-Malta Enterprise? Kemm applikaw? Xi kwalifiki u esperjenzi kellu kull applikant? Min ġie magħżul? X'inhu s-salarju u l-pakkett ta' benefiċċji li jġorr miegħu dan l-impjieg?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li f'Ottubru ta' l-2004 l-Head Project Evaluation tal-Malta Enterprise u c-Chief Officer Corporate Services tellqu mill-Korporazzjoni. Dawn iż-żewġ karigi għoljien jaqgħu fil-Corporate Services Division. Il-Management u l-Bord tad-Diretturi kellhom jassiguraw illi x-xogħol kollu li kien beda matul is-sena u "deadlines" li jaqgħu fil-kompetenza tal-Corporate Services ikomplu għaddejjin bl-istess ritmu u effiċjenza tal-passat. Għalhekk, f'Ottubru l-Bord tad-Diretturi staqsew lis-Sur David Galea Souchet, Chartered Certified Accountant, li kien jokkupa dak iż-żmien il-kariga ta' Head Finance, biex jieħu r-responsabilita kollha tal-Head Project Evaluation u li jkun Acting Chief Officer - Corporate Services fl-istess ħin. Fuq il-bażi tal-kompetenza li wera, il-kwalifiki u l-esperjenza tiegħu u x-xogħol li kien wettaq kemm bħala Head Finance kif ukoll bħala Head Project Evaluation u Acting Chief Officer wara li ha dawn ir-rwoli kif ingħad hawn fuq, il-Bord tad-Diretturi appunta lis-Sur Galea Souchet bħala Chief Officer Corporate Services. Din il-kariga tirrikjedi persuna li hi kwalifikata bħala accountant u b'mhux anqas minn ħames snin ta' esperjenza f'livelli maneġerjali ma' kumpaniji privati preferibbilment ta' accountants u awdituri. F'dawn iċ-ċirkostanzi u minħabba li dal-post imtela' internament, ma nħassitx il-ħtieġa li l-proċess isir permezz ta' l-ETC. Is-Salarju u l-pakkett ta' benefiċċju li jġorr miegħu dan l-impieg huwa konformi mal-bands applikabbli għall impjegati oħra ta' dawk il-livell u cioe', salarju ta' LM14,000 fis-sena, allowance għall-karozza ta' LM1,200, performance bonus sa massimu ta' 10%, ADSL connection, Health Insurance u mobile phone.

Ħin tas-sajf — Enerġija elettrika

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 8628, jista' il-Ministru jgħid għaliex aħna ma nistgħux nagħtu din l-informazzjoni meta pajjiżi oħra ħafna akbar minna għandhom din l-informazzjoni aċċessibbli?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-konsum ta' l-elettriku huwa suġġett għal numru konsiderevoli ta' fatturi bħat-temperatura, umdita', u/jew attivitajiet li jkunu għaddejjin fil-pajjiż. Fl-isfond tal-mistoqsija inkwistjoni tenut kont tad-daqs tal-pajjiż tagħna u tal-fatt li fatturi elenkati aktar 'l fuq ivarjaw sostanzjalment minn sena għal oħra, wieħed ma jistax jikkonkludi bi preciżjoni xjentifika u aċċettabli, l-impatt ta' fattur wieħed billi l-fatturi varjabbli ma jippermettux studju akkurat. Ta' min jgħid ukoll li l-Korporazzjoni għamlet tentattivi bażati fuq figuri għad-domanda fil-ġranet viċin il-bidliet fil-ħin , biex isir dan il-kalkolu u r-riżultati kienu għal kollox inkonklussivi billi ma' setax jiġi aċċertat li l-varjanza fil-konsum kienet attribwibbli interament jew almenu prinċipalment għall-fattur wieħed.

ADT — Kiri ta' vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha vetturi mikrija l-awtorita' dwar it-trasport illum u kemm kellha vetturi mikrija f'Jannar tas-sena 2002? Mingħand min huma mikrija dawn il-vetturi u b'liema prezz kuljum? Jista' jgħid jekk dawn il-vetturi ġewx mikrija permezz ta' kwotazzjonijiet jew sejħiet għal offerti u f'każ li kienet segwita din il-proċedura, meta nħarġu s-sejħiet għal offerti, kemm kien hemm li applikaw u x'kienu l-offerti mitfugħa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li n-numru ta' vetturi mikrija mill-Awtorita' dwar it-trasport illum u dettalji oħra jidhru fil-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. F'Jannar tas-sena 2002, l-ADT ma kenitx għadha kostitwita bħala entita' waħda u għaldaqstant mhux possibli li tingħata l-informazzjoni dwar il-vetturi li kienu mikrija dak iż-żmien. Infurmat li qabel ma' d-Diprtiment tat-Toroq sar jifforma parti mill-Awtorita' dwar it-Trasport, kienet inħarġet u aġġudikata tender għall-kiri ta' tal-karozzi. Wara li d-Dipartiment sar parti mill-Awtorita', din baqgħet timxi fuq l-istess tender.

Bormla — Triq San Ġwann

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif se tkun irranġata l-area quddiem il-club ta' Cospicua Rangers fi Triq San Ġwann, Bormla? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li ma hemm l-ebda ħsieb li tiġi rranġata l-area msemmija mill-Onor. Interpellant. Dan il-proġett mhux imniżżel fil-pjan ta' ħidma approvat mill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u li sar bil-koordinament mal-Kunsill Lokali.

Bormla

Question

Jista' il-Ministru jara li s-servizzi tad-dawl, ilma u drenaġġ lejn il-club ta' Cospicua rangers f'Bormla jkunu mħarsa sabiex ma jsofrux xi qtugħ jew tkissir? Jista' jara x'se jsir dwar il-katusi tad-drenaġġ mill-istess lok?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Bormla — Housing estate

Question

Peress li ħafna xhur ilu kien inbeda xogħol ta' tisħiħ fil-provvista ta' l-elettriku fil-housing estate ta' Verdala, Bormla, jista' il-Ministru jgħid fiex waslu dawn ix-xogħlijiet u jekk għadhom ma tlestewx meta se jitlestew?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li fl-inħawi msemmija sar ħafna xogħol ta' nfurzar tas-sistema ta' vultaġġ baxx. Il-ftit xogħol li għad fadal għandu jitkompla flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.

Kottonera — Skejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi xogħlijiet ta' manutenzjoni ta' ċertu daqs ippjanati għall-iskejjel tal-Kottonera? X'inhuma dawn ix-xogħlijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat illi hemm diġa saru diversi xogħolijiet ta' ċertu daqs fl-iskejjel tal-Kottonera, madankollu jibqgħu isiru xogħolijiet varji oħra ta' manutenzjoni, skond il-bżonn, kif isiru fi skejjel oħra fi bliet oħrajn. Ta' min isemmi illi nbdew il-proċessi biex jiġu nstallati lifts fl-iskejjel ta' l-Isla u ta' Bormla, u huwa wkoll ppjanat illi jiġu nstallati l-aperturi ta' aluminju fil-kuriduri ta' madwar il-bitħa ta' l-iskola tal-Birgu, sabiex dawn ikunu magħluqin għall-elementi.

Fgura — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jsiru xi toroq fil-Fgura fis-sena 2005? Liema huma?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-toroq li se jsiru fil-Fgura fis-sena 2005 huma: -parti minn Triq il-Merħba; -parti minn Triq is-Summien; -parti minn Triq il-Misk.

Bormla — Pjazza Sta Margerita

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta' Pjazza Sta Margerita, Bormla, l-area magħrufa bħala x-Xgħajra li ilu jiġi mwiegħed għal dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-ewwel fażi tal-proġett kienet tlestiet, cioe l-pavimentar quddiem id-Dar ta' l-Anzjani u l-parkeġġ biswit l-istess sit. Fil-preżent m'hemm l-ebda ħsieb li jitkompla dan il-proġett, bl-eċċezzjoni ta' latrina pubblika li mistennija tinbena s-sena d-dieħla.

Direttur tat-toroq

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10648, jista' il-Ministru jgħid: a) meta sar il-kuntratt bejn GT2 u l-ADT; b) kemm-il konsulent ikopri dan il-kuntratt; c) x'servizz qed jingħata minn kull konsulent; d) x'inhu l-ammont li l-ADT qed tħallas għal dawn il-konsulenti; e) x'qed jirċievu direttament mill-ADT dawn il-konsulenti, kull wieħed separatament, f'benefiċċji jew perks; f) x'kien l-ammont imħallas s'issa għal użu tal-mobile phone mill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minn meta laħaq f'Awissu 2004 sal-lum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li :- a) Il-Kuntratt bejn GTZ u l-ADT sar fil-ħmistax ta’ Jannar tas-sena 1998 (15/01/98). b) Dan il-kuntratt jipprovdi għal żewġ (2) konsulenti, li huma Profs. Heinrich Semar u Profs. Klaus Muller. c) Is-servizzi li jingħataw miż-żewġ konsulenti huma bbażati fuq il-qasam ta’ speċjalizazzjoni rispettivi tagħhom. Profs. Semar huwa speċjalizzat fuq aspett ta’ pjanar ta’ toroq filwaqt li Profs. Muller huwa speċjalizzat fuq aspett li għandu x’jaqsam ma’kostruzzjoni u manteniment ta’ toroq. Id-Dokument ‘Annex 1A’ li qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra qed juri it-‘Terms of Reference’. Fost dawn it-termini hemm riferenza ukoll għas-servizzi akkademiċi li ż-żewġ konsulenti jagħtu fl-Universita ta’ Malta u dan biex jiġu żviluppati riżorsi mħarrġa fil-qasam tad-disinn u l-kostruzzjoni tat-toroq f’Malta. Id-Dokument ‘Annex 1B’ li ukoll qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra qed juri ‘ Terms of Reference ’ addizzjonali fuq liema termini Profs. Semar qed jgħati servizzi bħal Direttur ta' Network Infrastructure Directorate . d) L-ADT qed tħallas l-ammont ta’ 272,594 Euro fis-sena lill-GTZ. e) Il-benefiċċji tal-konsulenti huma karozza kull wieħed kif ukoll mobile phone għal Profs. Semar. f) L-ammont imħallas għall-użu tal-mobile phone minn meta laħaq f’Awissu 2004 sal-lum huwa ta’ Lm294.86

Għawdex — SME Park

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11880, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk għadx hemm ħsieb li jinbena l-SME park għal Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid liema ministeru/awtorita' se jieħu ħsieb dan il-proġett? Meta hemm ħsieb li jinbdew ix-xogħlijiet? Meta hu l-ħsieb li jintemm il-proġett? Fejn se tkun il-lokalita'? X'se jkunu l-kundizzjonijiet għal dawk is-self-employed li jakkwistaw art/garaxx f'dan il-proġett?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'seduta oħra.

Isla — Imħażen

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tat-taqsima proprjeta' tal-gvern għall-futur ta' l-imħażen biswit il-Maċina, Senglea? X'inhi l-possibbilta' li dawn jiġu devoluti lill-kunsill lokali, Senglea?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern qed tevalwa x'inhuwa l-aħjar użu li għandu jsir minn l-imħażen imsemmija mill-Onorevoli Interpellant u dan anke fid-dawl ta' diversi talbiet li għandha t-Taqsima għall-istess imħażen inkluż dik ta' devoluzzjoni mill-Kunsill Lokali ta' l-Isla. Sa issa pero' t-Taqsima għadha ma ħadet l-ebda deċiżjoni.

Tobba

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm iggradwaw tobba, sena b'sena mis-sena 1990 sal-lum? Jista' jgħid kemm minnhom għadhom jipprattikaw f'pajjiżna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' tobba li ggradwaw, sena b'sena mis-sena 1990 sal-lum huwa kif ġej: Sena Numru ta' Tobba Gradwati 1990 21 1991 31 1992 30 1993 27 1994 - 1995 38 1996 - 1997 42 1998 - 1999 54 2000 - 2001 55 2002 30 2003 34 2004 65 2005 1 Id-diviżjoni tas-Saħħa ma hiex f'pożizzjoni li tgħid kemm minn dawn it-tobba li ggradwaw matul il-perjodu hawn fuq imsemmi, għadhom jipprattikaw l-professjoni tagħhom f'pajjiżna.

Djar — Manutenzjoni

Question

Tista' il-Ministru tara li tingħata l-għajnuna neċessarja lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u dan wara li applikat għal skema ta' għajnuna ta' l-HA u wara din ġiet approvata u min ħadmilha x-xogħol ma applikax għall-permessi mal-MEPA għal bdil ta' saqaf? Peress li din il-persuna mhijiex f'pożizzjoni li tagħmel spejjeż, tista' il-Ministru tara li jitqabbdu periti ta' l-awtorita' sabiex isiru l-permessi neċessarji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat ma' l-Awtorita' tad-Djar biex tingħata għajnuna finanzjarja għal diversi xogħlijiet fid-dar taħt Skema 5. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu alterazzjonijiet strutturali li jirrikjedu permess mill-MEPA. L-Awtorita' approvat l-applikazzjoni bil-kundizzjoni li l-applikanta tikseb dan il-permess. Peress li l-applikanta baqgħet ma ottenietx il-permess meħtieġ, l-Awtorita' ddeċediet li jitħallas il-kumpens dovut għax-xogħlijiet li ma kienux jirrikjedu dan il-permess. Dan il-kumpens fil-fatt tħallas f'Novembru 2004. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' m'hix f'pożizzjoni li testendi s-servizz mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija u l-applikanta tingħata l-kumplament tal-kumpens meta tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha, u dan skond il-kondizzjonijiet ta' l-iskema li applikat taħtha.

Tnaqqis mill-pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, kellha tnaqqis ta' Lm74 miċ-cheque tal-pensjoni u Lm11 miċ-cheque tax-xahar ta' wara?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.