Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kottonera — Kumpless sportiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-pjan oriġinali li fil-kumpless sportiv ikun hemm ukoll pitch għall-5-a-side football, għadux fil-ħsieb li jsir? Jekk fl-affermattiv, meta hemm il-ħsieb li jibda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm pjanijiet sabiex jinbena pitch tal-5-a-side maġenb il-Kumpless tal-Kottonera. Sadanittant, fl-istess żmien li nbeda xogħol fuq il-Kumpless, ġie żviluppat pitch ieħor (minn club tal-football) tal-5-a-side biswit il-Kumpless. Għalhekk, dak iż-żmien ġie deċiż li din il-parti tal-proġett tiġi posposta peress li l-Gvern ħass li m'għandiex tinħoloq kompetizzjoni mal-club li bena dan il-pitch, speċjalment meta wieħed iżomm quddiem għajnejh l-investiment li għamel dan l-istess club u li allura kien jirrikjedi dħul sabiex jitħallsu l-ispejjeż. Wieħed irid jiftakar ukoll li kemm jista' jkun, għandu jkun hemm razzjonalita' fid-distribuzzjoni ta' faċilitajiet sportivi. Dan speċjalment minħabba l-fatt li impjanti sportivi iqumu ħafna flus biex jinbnew u imbagħad ikunu jridu jiġu sostenuti, jew mid-dħul ta' l-użu tal-faċilita' jew minn sorsi oħra.

Kottonera — Manutenzjoni ta' l-iskejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema xogħol ta' manutenzjoni sar fl-iskejjel primarji u sekondarji fil-Kottonera?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sar xogħol ta' manutenzjoni normali fl-iskejjel primarji u sekondarji fil-Kottonera. Fl-iskola primarja Maria Immakultata ta' Bormla inbena lift shaft u qiegħed jiġi nstallat lift għall-użu ta' tfal u persuni oħra bi bżonnijiet oħra.

Kottonera — Xogħol ta' restawr

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema xogħol ta' restawr u manutenzjoni qed isir fil-Kottonera?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jiena nfurmat illi fil-Kottonera bħalissa qegħdin isiru dawn ix-xogħlijiet:- Ÿ Fil-Birgu qed isir restawr ta’ l-istatwa ta’ San Lawrenz; restawr fl-Armerija u manutenzjoni tas-swar; Ÿ F'Bormla ser jitkompla x-xogħol fuq il-Bieb ta’ Santa Liena, jiġifieri l-pavimentar ta' madwar il-mina; Ÿ Fil-Kalkara qed isiru l-aperturi tal-Knisja tas-Salvatur u ser jitkompla r-restawr fuqha.

Baċir nru. 1

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kienu l-kumpanniji li ssottomettew l-interess tagħhom dwar xogħol fil-Baċir nru. 1?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li meta għalaq iż-żmien għas-sottomissjonijiet tas-sejħa għal żvilupp f'baċir numru 1 kien hemm żewġ offerti li tnejn minnhom kienu validi. Il-Bord maħtur biex jevalwa s-sottomissjonijiet qiegħed għaddej bil-proċess ta' din l-evalwazzjoni, u meta jkun spiċċa dan il-proċess inkun nista' nagħti d-detttalji mitluba.

Films li nġibdu Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kienu l-films li nġibdu Malta, wara li daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida li rat it-twaqqif ta' kummissarju tal-films, li bbenefikaw mill-inċentivi ġodda? X'kien l-ammont għal kull produzzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #14410 Sitting 298 2005-10-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bormla — Pittura fil-Mina

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnha l-pittura oriġinali li kien hemm fil-Mina ta' S.Elena, Bormla? Jista' jgħid ukoll x'sar minnu l-artal u oġġetti oħra reliġjużi li kien hemm fl-istess mina?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-pittura oriġinali li kien hemm fil-Mina ta' S. Elena, Bormla tinsab fil-Mużew Marittimu, il-Birgu u li ma kien hemm l-ebda artal jew oġġetti reliġjużi oħra meta l-istess pittura ġiet mneħħija mill-post.

Fabbriki f'zoni industrijali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki (il-bini) f'kull zona industrijali f'pajjiżna? Jista' jgħid ukoll kemm hemm kumpanniji f'kull zona, liema huma u kemm timpjega nies kull waħda minnhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-informazzjoni għada qed tinġabar ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ċentri tas-saħħa — Tqassim ta' siringi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tqassmu siringi b'xejn mill-polikliniċi differenti f"Llulju u Awissu 2005? Jista' jikkonferma jew le li persuna diabetika ma tingħatax siringi kemm trid, waqt li mhux il-każ għall-persuni dipendenti fuq droga?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li t-total ta' siringi li tqassmu b'xejn lil persuni dipendenti fuq id-droga għax-xhur ta' Lulju u Awissu hu kif ġej: Xahar Floriana Qormi Gżira Paola Cospicua Mosta Rabat Lulju 5661 968 4583 4600 2100 1796 315 Awissu 4701 517 3683 5500 2000 1647 607 Persuni li jbatu bil-marda tad-dijabete u li jieħdu l-insulina jridu jkunu reġistrati fuq il-kotba tas-Schedule V biex jkunu ntitolati għall-kwota ta' siringi skond il-linji gwida stabiliti mis-sezzjoni tal-ispiżjara. Għall-raġunijiet ovvji, ma jeżiżtix reġistru simili għal persuni dipendenti fuq id-droga.

Interprint

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13442 u jgħid kemm kien it-telf ta' l-Interprint is-sena l-oħra u kemm tilfet wara li kienu tkeċċew 15-il ħaddiem?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-redundancies saru f'Lulju 2004. Skond audited accounts għas-sena finanzjarja 2004 li spiċċat fit-30 ta' Settembru 2004 it-telf kien ta' Lm61,956. Skond Management Accounts għal-perjodu ta' bejn Ottubru 2004 u Mejju 2005 it-telf hu rappurtat bħala Lm26,567.

Interprint

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13443 u jgħid kemm ħarġu flus sabiex il-15-il ħaddiem li sfaw redundant fl-Interprint ingħataw terminal benefits? Mnejn ġew dawn il-flus?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-benefiċċji tal-aħħar ilaħħqu s-somma ta' Lm105,483, terz finanzjati mill-Interprint u ż-żewġ terzi mgħotija bħala self mill-MIMCOL.

Interprint

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13477 u jgħid jekk hux minnu li sa nhar is-Sibt 11 ta' Ġunju, 2005 għadd ta' ħaddiema ta' l-Interprint kellhom jaħdmu overtime, u dan minħabba ħafna ordnijiet ta' xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija Nru. 13094.

Interprint

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13478 u jikkonferma li fost il-klijenti antiki ta' l-Interprint hemm pubblikaturi/enti Ewropej, bħal World Health Organisation, International Labour Office, UN Environmental Programme, International Trade Centre u Oxford unit press, u allura żgur li dawn poġġewna fuq il-mappa ta' l-Ewropa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hijiex prassi tal-Gvern li jagħti informazzjoni ta' natura kummerċjali fil-Parlament. Inċidentalment, ħafna mill-organżżazzjonijiet li jsemmi l-Onor. Interpellant m'humiex organiżżazzjonijiet Ewropej, iżda globali. Madankollu żgur li wieħed ma jistax jasal għall-konklużjoni li l-Interprint poġġiet lill-Malta fuq il-mappa ta' l-Ewropa. Malta tpoġġiet fuq il-mappa ta' l-Ewropa għax postha dejjem kien hemm u għaliex il-poplu Malti kkonferma dan bil-vot tiegħu darbtejn wara xulxin , f'Marzu u April ta' l-2003.

Interprint

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13441 u jgħid għaliex il-gvern ma investiex fl-Interprint sabiex issir aktar kompetittiva, jekk verament il-gvern kellu f'moħħu li din tinbiegħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Mhix policy tal-Gvern li jikkompeti mas-settur privat f'oqsma li huma totalment liberalizzati u miftuħa għal-kompetizzjoni. Kien għalhekk li ma sar l-ebda investiment.