Jista' il-Prim Ministru jgħid min huma d-diretturi u chairpersons tal-kumpanniji, entitajiet u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14454 u jgħid liema kienu l-films li nġibdu Malta, wara li daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida li rat it-twaqqif ta' kummissarju tal-films, li bbenefikaw mill-inċentivi ġodda? X'kien l-ammont għal kull produzzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14451 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm ħaddiema ex-tarzna li jagħmlu parti mill-IPSL? Fejn qed jaqdu d-doveri tagħhom, jiġifieri ma' liema dipartimenti qegħdin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-ħaddiema li kienu qabel jaħdmu t-Tarzna u l-Malta Shipbuilding u li issa jagħmlu parti mill-IPSL, qed jaqdu d-doveri tagħhom fid-Dipartimenti u Entitajiet tal-Gvern kif jidher fit-tabella annessa.
Tista' il-Ministru tara jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament hux tieħu l-pensjoni sew li hi intitolata għaliha, u dan peress li ħadmet numru ta' snin f'Malta u jidher li records ma nstabux?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-post Ten.063510 jistax jinbiegħ mill-gvern lill-familja li qed toqgħod fih, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-post li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ma jistax jinbiegħ għaliex l-art li fuqu mibni għadha qed tiġi esproprjata.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14411 u jgħid kemm hemm fabbriki (il-bini) f'kull zona industrijali f'pajjiżna? Jista' jgħid ukoll kemm hemm kumpanniji f'kull zona, liema huma u kemm timpjega nies kull waħda minnhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14414 u jgħid kemm għalqu fabbriki mis-sena 2004 sal-lum? Liema kienu u kemm kienu ilhom joperaw f'pajjiżna?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li f'dak li għandha x'taqsam il-Malta Enterprise, bejn l-2004 u l-2005 għalqu 20-il kumpanija. 3 minn dawn il-kumpaniji ġew irreġistrati fis-sittinijiet, 3 fl-1970, 4 oħra fl-1980 u 9 kumpaniji ġew irreġistrati fl-1990 u waħda wara s-sena 2000.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14417 u jgħid kemm ingħataw sensji din is-sena xahar b'xahar? Minn liema settur kienu ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li n-numru totali ta' sensji li ngħataw din is-sena (sa Awissu) kien ta' 1199. Fl-istess perjodu 838 persuna sabu xogħol. It-tagħrif mitlub dwar is-sensji ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Minsitru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14452 u jgħid peress illi ilu jissemma t-Technology Venture Capital, x'sar eżattament sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-intenzjoni tal-Gvern, kif espressa fl-aħħar estimi, hi li jwaqqaf Venture Capital Fund u mhux Technology Venture Capital Fund.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna spiċċat mill-impjieg mill-Malta Enterprise sa mit-twaqqif tagħha sal-lum? X'kariga kienu jokkupaw? Kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-istess Malta Enterprise fis-sena 2005? F'liema grad daħlu?
Response (GATT, AUSTIN)
Kif hawn taħt indikat, (13) tlettax huma il-persuni li spiċċaw mill-Malta Enterprise minn kemm ilha li twaqqfet sal-lum.
4 Managers
1 Analyst
3 Heads
2 Chief Officers
2 Executivees
1 House Keeper Assistant
Fis-sena 2005 fil-Malta Enterprise ġew impjegati (8) tmienja persuni kif spjegat hawn taħt:-
5 Managers
2 Executives
1 Head
Peress li f'risposta għall-mistoqsija parlamentari 12153 il-Ministru qal: "li huwa ppjanat illi jiġu nstallati l-aperturi ta' l-aluminju fil-kuriduri ta' madwar il-bitħa ta' l-iskola tal-Birgu sabiex dawn ikunu magħluqin għall-elementi", jista' il-Ministru jgħid meta se jsir dan għax reġgħet bdiet sena skolastika ġdida u daqt jerġa' jibda l-maltemp?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-aperturi ta' l-aluminium huma diġa ordnati u għandhom jitwaħħlu fil-futur qarib.
Tista' il-Ministru tara jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandhiex tieħu arretrati ta' ħlas nieqes f'għajnuna għall-qgħad?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kumitat tal-boċċi club, Bormla, hux se jingħata l-ħlas għal xogħol li għamel fil-club, liema xogħol kien ġie approvat mill-ministeru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport m'għandu l-ebda involviment f'dan il-każ. Il-Kunsill Malti għall-iSport kien biss bagħat uffiċjal tekniku biex jara x-xogħol. Ma jirriżulta mill-ebda dokument la fil-KMS u lanqas fil-Ministeru ta' xi approvazzjoni kif qed jindika l-Onor. Membru.
Peress li fil-pjanijiet oriġinali għall-kumpless sportiv tal-Kottonera kellu jkun hemm 5-a-side calcetto pitch, jista' il-Ministru jgħid x'sar minn dan il-pjan?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-mistoqsija tiegħu stess numru 14460, f'Seduta 300.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li Triq il-Kaħwiela, Żabbar, tingħata wiċċ diċenti peress li ilha snin twal tkun ta' inkonvenjent għar-residenti li jgħixu fiha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara program ta’ xogħlijiet ta’ bini ta’ numru ta’ toroq residenzjali. Dawn ix-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw mill-program tax-xogħlijiet ta’ l-ADT.
Tista' il-Ministru tgħid meta se tinħadem ir-reviżjoni tal-pensjoni ta' l-ex ħaddiema tat-Tarzna u ta' kumpanniji privati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għaddej bl-eżerċizzju ta' reviżjoni ta' pensjonijiet, inkluż dawk ta' ex-impjegati tat-Tarzna u kumpanniji privati.
Hekk kif titlesta r-reviżjoni ta' ex-impjegati ta' ażjenda, il-pensjonanti konċernati jiġu nfurmati ndividwalment bir-rata ta' pensjoni ġdida u, fejn applikabbli, jitħallsu l-arretrati dovuti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet mis-sena 2003 sal-lum sabiex lukandi jitwaqqgħu u flokhom jinbena bini ġdid? Liema huma?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) rċeviet tmien (8) applikazzjonijiet mill-2003 sa llum, sabiex lukandi jitwaqqgħu u flokhom jinbena bini ġdid. Dawn huma:
PA 0141/03 - Grand Hotel Verdala, Inguanez Street, Rabat, Malta
PA 3069/03 - Clover Hotel, Triq it-Tartarun c/w Triq il-Baħħara, San Pawl il-Baħar
PA 6500/03 - Corner Site at Triq it-Tamar c/w Triq it-Trill, San Pawl il-Baħar
PA 7420/03 - Parti mill-kumpless tal-Galaxy Hotel, St. Ignatius Street c/w Depiro Street, Sliema
PA 7482/03 - Cartwheel Hotel, Triq Sant'Antnin, San Pawl il-Baħar
PA 2444/04 - Ex-Andar Hotel, Triq Munxar, Munxar, Għawdex
PA 4543/04 - Site at Triq iż-Żewwieqa, Għajnsielem, Għawdex
PA 5538/04 - Mistra Village, Xemxija Hill, St. Paul's Bay
PA 6153/04 - Les Lapins Hotel, Ta' Xbiex Seafront, Ta' Xbiex
PA 3043/05 - Forum Hotel Trqi Sant’Andrija, Swieqi
Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera — Membri
Question
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Kottonera? Jista' jgħid kemm ingħataw fondi sena b'sena mit-twaqqif tiegħu sal-lum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-membri tal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera huma kif jidhru hawn taħt:
Paul Vella Critien - Chairman
Perit Chris Spiteri - Deputy Chairman
Ray Bondin - Koordinator Eżekuttiv
Joseph Scerri - Kunsill Lokali Bormla
John Boxall - Kunsill Lokali Birgu
Joseph Casha - Kunsill Lokali Isla
Michael Cohen - Kunsill Lokali Kalkara
Lawrence Farrugia
Charmaine Gerada
Mark Lombardo
Lorenzo Zahra
Spiżjar Maurice Debono
Joseph Carbonaro
James Cauchi
Mario Farrugia - Fondazzjoni Wirt Artna
Charles Bonello
Maria Sultana
Charles D’Alfonso - F’isem il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura
Perit Anthony Abela - F’isem it-Taqsima tax-Xogħlijiet tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11301.
Bormla — Skola primarja - bini ta' car park taħt il-ground
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress sabiex jinbena car park taħt il-ground ta' l-iskola primarja ta' Bormla, u dan forsi biex xi darba dan il-ground li jitgawda mit-tfal ta' Bormla, jinġieb fi stat tajjeb?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-proġett tal-car park mhux proġett li jaqa' fir-responsabbilta' tiegħi m'hinix informat dwar xi progress seta' sar.