Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnu l-bust tal-bronze tal-Gran Mastru Cottoner li kien f'Notre Dame Gate? Jista' jgħid x'inhu l-ħsieb ta' x'ser isir minnu u fejn se jitpoġġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-bust tal-bronz ta' Cottoner li jinsab fuq il-faċċata ta' Bieb is-Sultan ilu għal dawn l-aħħar xhur jiġi restawrat fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr ġewwa Bighi. Huwa il-ħsieb tal-Fondazzjoni Wirt Artna, li taħt il-kustodja tagħha jinsab Bieb is-Sultan fil-Birgu, li darba x-xogħol fuqu jkun lest dan jerġa' jitqiegħed fejn kien.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ħlas li jridu jħallsu l-anzjani residenti f'homes taħt il-Private Public Partnership?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontribuzzjoni dovuta mill-anzjani residenti f'Homes taħt il-Private Public Partnership Scheme tkun komputata hekk-
60% minn kull pensjoni, benefiċċju, għajnuna soċjali, bonus jew allowance li jirċievi nett mit-taxxa fuq id-dħul.
60% minn kull qliegħ ieħor li jkun irċieva matul is-sena kalendarja minnufih qabel is-sena li fiha ssir l-istima ta' qliegħ ieħor, nett mit-taxxa id-dħul.
Jitqies ukoll il-valur ta' kull propjeta' (eskluża d-dar ta' residenza/ residenza tas-sajf). Il-valur ta' din il-propjeta' mmobbli urbana jkun ittrattat bħala li jipprovdi qliegħ fis-sena ekwivalenti għal 5.5% tal-valur kapitali tiegħu.
Il-kontribuzzjoni li ssir mir-residenti m'għandiex tkun waħda tali li tħalli lir-residenti b'inqas minn Lm600 fis-sena għad-dispożizzjoni tiegħu. Qabel ma daħlet din il-miżura l-anzjani kien jibqagħlhom Lm550.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri għat-tiswija fit-tarzna tul is-sena 2005? Kemm dam kull vapur għat-tiswija?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li n-numru ta' vapuri li daħlu fit-Tarzna għat-tiswijiet kien ta' 107. It-tul ta' żmien li kull vapur dam għat-tiswijiet ivarja skond ix-xogħol. Din l-informazzjoni hija meqjusa bħala kummerċjalment kunfidenzjali.
Peress li l-fortizza Sant'Anglu (mhux l-upper fort) tinsab fi stat tal-mistħija, jista' il-Ministru jgħid x'xogħlijiet ser isiru matul is-sena 2006 fuq din l-istess fortizza?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tieħu passi sabiex tirrijabilta u tnaddaf il-partijiet pubbliċi ta’ Forti Sant’ Anġlu. Ix-xogħlijiet jikkonsistu f’tindif ta’ skart u materjal ieħor li kien ġie mitfuħ fil-fortizza, twaqqiegħ ta’ strutturi relattivament moderni li ġew ivvandaliżżati u li jinsabu fi stat ħażin u anke perikolużi għal min iżur il-post. Hu maħsub li bit-twaqqiegħ ta’ dawn l-istrutturi, li jikkonsistu f’żewgt ikmamar (barracks), jagħti spazju sabiex ikunu jistgħu isiru attivitajiet kulturali fi pjazza ġdida li tkun pavimentata adekwatament.
Wara li titlesta' r-rijabilitazzjoni f’partijiet ohra (stores) mill-fortizza, dawn l-istess stores ikunu jistgħu jintużaw għal skopijiet aktar utli.
Jista' il-Ministru jgħid meta ħarġet it-tender biex jinbena lift fl-iskola primarja ta' Bormla? Meta beda x-xogħol? F'liema stadju wasal u jekk tlesta, meta tlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol beda fis-27 ta' Frar 2005 u tlesta fil-15 ta' Ottubru 2005.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14454 u jgħid liema kienu l-films li nġibdu Malta, wara li daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida li rat it-twaqqif ta' kummissarju tal-films, li bbenefikaw mill-inċentivi ġodda? X'kien l-ammont għal kull produzzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sa mit-twaqqif tal-Att dwar il-Kummisjoni Cinematografika ta' Malta li daħal fis-seħħ fil-15 ta' Lulju 2005 inġibdu erba' produzzjonijiet. Dawn kienu 'Munich' prodott minn Universal Pictures u Dreamworks, 'Blackbeard' prodott minn kumpanija ingliza Dangerous Films għall-BBC u National Geographic u 'Godspeed' prodott minn kumpanija Germaniza Orange Pictures. Fil-present produzzjoni Germaniza oħra bl-isem ta' 'Die Pamir' prodotta minn Polyphone Film, għall-istazzjoni televiżiv ADR/Degeto qed tinġibed fil-Mediterranean Film Studios.
S'issa, minkejja li ġew approvati tliet applikazzjonijiet proviżorji, għadhom ma ingħataw l-ebda inċentivi minħabba l-fatt li l-ispiża li għamlu dawn il-produzzjonijiet f'pajjiżna għad trid tiġi verifikata.
Issa li l-periklu ta' l-avian flu qed jersaq lejn l-Ewropa, jista' il-Ministru jara x'jista' isir sabiex ikun ikkontrollat l-ammont dejjem jikber ta' ħamiem selvaġġ fl-ibliet tagħna, l-aktar f'Bormla?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ma nħossx li Malta għandha tieħu deċiżjoni unilaterali dwar jekk għandiex tittieħed xi miżura drastika bħal din fuq il-ħamiem. Jien infurmat li l-Kumitat Xjentifiku tal-Kummissjoni Ewropea se jiddiskuti din il-kwistjoni fil-granet li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-waiting list sabiex jidħlu fil-home ta' Bormla? Minn fejn huma u kemm għandhom eta'? Jista' il-Ministru jgħid kif inhu l-proċess ta' l-għażla għad-dħul fil-homes?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 124 persuna fuq il-waiting list biex jidħlu fid-Dar ta' Bormla. Il-biċċa l-kbira minnhom huma min-naħa t'isfel ta' Malta u l-etajiet ivarjarw bejn is-60 u l-94 sena. L-għażla għad-dħul hija li wara l-approvazzjoni tal-Bord jitpoġġew fuq waiting list skond id-data ta' l-applikazzjoni pero' tingħata prijorita' lil min ikun qiegħed jgħix waħdu u jkun f'riskju, dan dejjem ikun indikat mill-istess Bord.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-ikel ta' l-immigranti irregolari għadux isir mill-membri ta' l-armata? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid minn min qed isir u kif ġie magħżul?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Tista' il-Ministru tgħid meta se jinħadmu l-arretrati tal-pensjonanti ex-ħaddiema tal-BOV u Mid-Med Bank?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif kelli okkażżjoni ngħid fi Tweġibiet għall-Mistoqsijiet preċedenti dwar l-istess suġġett, id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali għaddej b’eżerċizzju kontinwu ta’ reviżjoni ta’ pensjonijiet konness ma ftehim kollettivi li jsiru minn żmien għal żmien. Dan l-eżerċizzju jinkludi r-reviżjoni ta’ pensjonijiet ta’ ex-ħaddiema tal-BOV.
Ninsab infurmata li kif titlesta r-reviżjoni ta’ pensjonijiet ta’ ex-ħaddiema ta’ azjenda partikolari, dawn il-pensjonanti jiġu nfurmati personalment dwar ir-riżultat u, fejn applikabbli, jitħallsu l-arretrati dovuti.
Dwar l-ex-ħaddiema tal-Mid-Med, illum l-HSBC, ninsab infurmata li ż-żidiet kontemplati fil-ftehim kollettiv huma marbuta mal-performance ta’ l-impjegat individwali u jitħallsu bħala performance bonuses. Ovvjament persuni rtirati m’humiex intitolati għal reviżjoni fil-pensjoni li tirriżulta minn ħlas marbut ma’ performance fuq ix-xogħol.
Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex ħafna djar fi Triq ix-Xatt, Kalkara sfaw mgħarrqa b'ilma tax-xita li ġie minn wara, fejn qabel kien il-wied tal-Kalkara u issa qed jinbena? Jista' jara li dawn il-familji ma jerġgħux isofru l-istess danni kull meta tagħmel ix-xita?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.