Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jirċievi r-refund għall-ħlas żejjed ta' income tax il-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba d-dispozizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pozizzjoni li jizvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna konċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tat-Refunds tad-dipartiment matul il-ħin tal-uffiċċju.
Tista' il-Ministru tivverifika x'inhi r-raġuni li l-pensjoni tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, naqset meta hu tilef lil martu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali nforma bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk il-pensjonanti li rċevew l-arretrati għal numru ta' snin, f'cheque wieħed mal-pensjoni, ġew intaxxati f'daqqa u mhux kull ammont għal kull sena partikolari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevolli Interpellant li l-proċedura kurrenti bħalissa tagħmilha possibbli li wara li tkun spiċċat is-sena, id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jgħaddi l-informazzjoni kollha dwar il-pensjonijiet lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Din l-informazzjoni jkun fiha wkoll
breakdown
ta’ l-arretrati u għal liema sena dawn ikunu jirreferu. Minn din l-informazzjoni mbagħad id-dipartiment ikun jista’ jalloka l-ammonti għas-sena relattiva skond il-liġi. Jista’ pero’ jkun hemm xi kazi li ma jkunux ġew inkluzi fid-dokument oriġinali mibgħut mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, madankollu dawn ukoll jistgħu jiġu aġġustati. Jekk dan huwa l-kaz, l-Onorevoli Membru jista’ jinforma lill-persuna konċernata biex tmur fil-Helpdesk tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni biex dan ikun jista’ jagħmel il-verifika meħtieġa.
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' l-impjegati kollha (miċ-chairman 'l isfel) tal-Kordin grain terminal? Jista' jagħti s-salarju u l-benefiċċji l-oħra ta' kull impjegat?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inħadem overtime fil-Kordin grain terminal minn Jannar 2005 sal-lum? Kemm tħallsu flus għal dan l-overtime? Jista' jgħid kull persuna li ħadmet overtime tul dan il-perijodu kemm tħallset tiegħu? Jista' jgħid ix-xogħol f'dan l-overtime x'kien jinkludi?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li minn Jannar 2005 sa l-aħħar ta' Novembru 2005 inħadem 7457 siegħat ta' overtime .
Tħallsu Lm28,739.50 għal dan l-overtime. Percentaġġ għoli minn dan l-overtime jitħallas mil-klijenti. Ix-xogħol f'dan l-overtime kien kollu relatat ma xogħol tal-Kumpanija.
L-ammont ta' flus mħallas f'overtime minn ras għal ras kien ta' Lm2394 u varja bejn Lm1275 u Lm3660.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li xi kultant jiddaħħal/jiddaħħlu xi ħaddiem/a minn barra l-Kordin grain terminal biex jagħmlu xogħol bil-gaffa? Kif jintgħażlu dawn in-nies? Jista' jgħid meta kienu l-każi, jekk dan hu fl-affermattiv, tul is-sena 2005 u kemm tħallas ta' dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-Kordin Grain Terminal ma tqabbad lil ħadd biex juża jew iħaddem gaffef u wisq inqas tikri gaffef.
Jista' il-Ministru jgħid x'vetturi għandha l-Kordin grain terminal, ta' liema ditta huma u minn min suppost jintużaw?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li il-vetturi ta' Kordin Grain Terminal huma dawn:
KIA CERES Jintuża għall-bżonn tal-Kumpanija
OPEL VAN Jintuża għall-bżonn tal-Kumpanija
SUBARU IMPRESA Jintuża għall-bżonn tal-Kumpanija
BMW Għall-użu tac-Chief Executive
OPEL Għall-użu tal-Operations Manager
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru qabdiet ta' droga tul ix-xahar ta' Diċembru, 2005, l-ammonti u t-tip?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont u t-tip ta’ droga li nqabdet mill-Pulizija matul ix-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2005 huwa kif muri hawn taħt:
TipAmmont
Cocaine3.5grms
Heroin5.5grms
Cannabis grass2grms
Cannabis resin14kg 410.1g
Ecstacy1,964 tablets
Dalmine10 tablets
Amphetamine*1kg
*Din is-sustanza kienet inqabdet f’Ottubru, pero’ ma kienx magħruf in-natura tagħha. Ir-riżultat kien ġie komunikat lill-Pulizija f’Diċembru.
Jista' il-Ministru jgħid xi progress sar dwar l-iżvilupp ta' dock 1? Jista' jgħid min huma l-kumpanniji li wrew l-interess f'dan l-iżvilupp? Min huma x-shareholders ta' kull waħda minnhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 16293.
Il-Konsorzju tal-Cottonera Waterfront Group p.l.c. huwa magħmul minn:
Vassallo Builders Group Limited
Ballut Blocks Limited
Blokrete Limited
Hal Mann Holdings Limited
Alberta Projects Limited
B & C Limited
Raniolo Limited
Applied Economics Consulting Limited
Filwaqt li l-Gruppo Romegas huwa magħmul minn:
Yoo Limited of the U.K. (U.K.)
Rosso Cachia Limited as a local subsidiary of the firm Franco Rosso Italia (Italy)
S. N. Immobiliare Srl of Italy (Italy)
Desert Rose Limited (Malta)
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol programmat għall-Forti Sant'Anġlu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi t-Taqsima tax-Xogħlijiet issottomettiet żewġ applikazzjonijiet lill-Awtorita’ Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar biex jitwaqqgħu strutturi relattivament moderni li ġew vandaliżżati u li jinsabu fi stat ħażin u perikoluż.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol programmat għall-Forti Sant'Anġlu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qed jimpenja ruħu bi sħiħ sabiex il-Forti Sant' Anġlu jiġi preservat għall-ġenerazjonijiet futuri, kif wkoll jitgawda fil-preżent, hekk kif jixraqlu dan il monument ewlieni tal-wirt storiku Malti.
Il-Ministeru qed jieħu varji miżuri sabiex dan ix-xogħol ta’ riabilitazzjoni tal-Forti Sant' Anġlu jkun jista` jitwettaq.
1.
Se jiġi trasferit l-uffiċju ċentrali tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ġewwa sezjoni mill-Forti, li sa ftit ilu kien mitluq u użat bħala sempliċi maħzen. B’din il-miżura il-Gvern qed jassigura li waħda mill-għola istituzzjonijiet kulturali ta’ dan il pajjiz ikollha preżenza permanenti ġewwa il-Forti, u li parti ġdida ta` dan is-sit jinfetaħ regolarment għall-publiku.
2.
Il-Gvern beda wkoll intervent ta’ tindif u restawr tal-Forti, partikolarment f’dawk il-bnadi tal-Forti l-aktar mitluqin u fi stat ta’ konservazjoni ħazina. Dan ix-xogħol jinvolvi:
Tindif tal-Forti minn materjal ta’ skart u ħaxix ħazin. Dan ix-xogħol qed isir bin-nies tal-
Beach Cleaners Section
tad-Dipartiment tat-Turizmu. Sal-lum tneħħew fuq 40 tunellata skart minn ġewwa il-Forti.
Xogħol ta’ Restawr tal-partijiet storiċi tal-Forti. Dan ix-xogħol qed jiġi dirett mill-Unita` tar-Restawr, tad-Divisjoni tax-Xogħolijiet.
Tneħħijja ta’ żidiet moderni, jiġifieri ta’ l-aħħar ħamsin sena, minn ġewwa il-Forti. Ħafna minn dawn iż-żidiet saru fiż-żmien meta il-Forti intuża bħala
hotel
, u huma ta’ dannu u jkerħu l-ambjent ta’ dan is-sit. Fosthom ta` min isemmi it-tneħħija ta' pixxina li kienet inbniet fuq is-swar ta’ din il-Fortizza fis-snin sebgħin.
3.
Ftuħ regolari minn Frar ta’ din is-sena tal-Forti Sant Anglu għall-publiku, permezz ta’ ftehim bejn il-Ministeru ġħat-Turizmu u Kultura, il-konsorzju Kottonera Waterfront Group u l-organizazzjoni non-governativa Fondazjoni Patrimonju Malti. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-viżitaturi ta’ dan is-sit ser jingħatalhom servizz aħjar permezz ta’ gwidi. Il-fondi ġenerati minn din l-inizzjativa se jintużaw esklużivament għall-kura, amministrazzjoni u studju tal-Forti Sant' Anġlu.
Jista' il-Ministru jgħid liema produzzjonijiet ċinematografiċi nġibdu Malta tul is-sena 2005? Kemm dam ix-xogħol fuq kull produzzjoni? Jista' jgħid liema kienu dawk li bbenefikaw mill-inċentivi ġodda u kemm kien l-ammont għal kull każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' il-Ministru tgħid min hu ntitolat sabiex jibbenifika mit-tnaqqis fuq is-surcharge tad-dawl u l-ilma?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni ntitolati li jibbenefikaw mit-tnaqqis mis-surcharge fuq id-dawl u l-ilma huma dawk li jibbenefikaw ukoll mir-rebate fuq l-istess servizzi skond il-provedimenti tar-Regolamenti dwar il-Provvista tal-Kurrent Elettriku, taħt l-Att ta’ l-Enemalta, u tar-Regolamenti dwar il-Fornitura ta’ l-Ilma, taħt l-Att dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma.
Jista' il-Ministru jinvestiga l-ilment ġej minn residenti fi Triq San Dwardu, fil-Birgu li qed ikun hemm żbroff ta' drenaġġ fil-wied magħruf bħala Tal-Ħawli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda lment ma ġie rrapurtat lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika minn residenti fi Triq San Dwardu, Birgu.
Minn investigazzjonijiet li saru fuq il-post minn uffiċjali ta' dan id-Dipartiment irriżulta li kien hemm sadd fil-main sewer u li dan tneħħa nhar it-Tlieta 10 ta' Jannar 2006, mid-Drainage Unit tal-Water Services Corporation. Spezzjonijiet reġgħu saru l-Erbgħa 11 ta' Jannar 2006 u ġie nnotat li l-iżbroff issa waqaf.
Jista' il-Ministru jinvestiga l-ilment ġej minn residenti fi Triq San Dwardu, fil-Birgu li qed ikun hemm żbroff ta' drenaġġ fil-wied magħruf bħala Tal-Ħawli?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16124 u jgħid illum x'inhi l-funzjoni tal-Medigrain? Jista' jgħid jekk għadx hemm persuni assenjati magħha, u jekk fl-affermattiv jgħid jekk għandhomx xi benefiċċji u x'inhuma? X'sar minnha l-proprjeta' (mobbli u immobbli) ta' l-istess kumpannija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li illum il-Medigrain qegħda fi stat ta' likwidazzjoni f'idejn Pricewaterhouse Coopers.