Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kottonera — Gallariji ta' l-Injam

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li terġa' toħroġ l-iskema għal bdil tal-gallariji ta' l-injam fil-Kottonera mill-MEPA? Jekk fl-affermattiv, meta hu l-ħsieb li jsir dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-iskema għall-bini tal-gallariji ta' l-injam ilha sejra mill-1996 u s'issa ġew allokati Lm 172,500. Din l-iskema ser terġa’ tiġġedded din is-sena u sejħa għal applikazzjonijiet sabiex wieħed ikun jista jibbenefika ser joħorġu f'qasir żmien. S'issa diġa ġew allokati Lm 40,000 għal din is-sena, liema somma jista' jkun li tiżdied minn xi fondi oħra bħal dik ta’ l-Environment Initiative Partnership Programme (EIPP). Din l-iskema ser tkun tapplika għal kull bini skedat fil-gżejjer Maltin u għall-bini f'żoni ta' Konservazzjoni Urbana fiż-Żejtun, is-Siġġiewi u r-Rabat Għawdex.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ġew allokati postijiet mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali, lokal lokal, matul is-sena 2005? Tista' tgħid lil min ġew allokati, eżempju ġuvni, single parent, miżżewġa, separat, eċċ.?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorita' tad-Djar — Bini ta' postijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm qed jinbnew appartamenti, maisonettes, djar u garages mill-awtorita' tad-djar bħalissa? F'liema lokalita' qegħdin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tarmac fit-Tieni Distrett

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-toroq fit-tieni distrett elettorali li se jingħataw it-tarmac matul is-sena 2006?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li fil-ġranet li ġejjin ser jinbeda x-xogħol fuq Triq Antonio Falzon u Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fil-Kalkara, fuq it-Triq tax-Xatt tal-Birgu quddiem il-Casino di Venezia, fuq Triq San Lawrenz, Birgu kif ukoll fuq N/S in Triq il-Magħsar, Żabbar. Bħalissa għaddej ukoll ix-xogħol fuq Garden Road, Żabbar. L-Awtorita' dwar it-Trasport qed tiffinalizza lista ta’ toroq f’Malta li jridu jinbnew mill-ġdid. It-toroq ser isiru skond il-prijoritajiet li jinħarġu minn dan il-programm. Tajjeb li jingħad li toroq mhux se jingħataw it-tarmac biss, iżda qegħdin jinbnew mill-ġdid u qegħdin jiġu mgħoddija s-servizzi kollha. Dan kollox skond l-istandards ta’ kostruzzjoni ta’ toroq residenzjali.

Joint Office

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm proprjeta' li hija tal-Joint Office? Jista' jgħid f'liema lokalita' qiegħda?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qiegħed jitlob tinsab f'Annex 8 li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra flimkien ma' kopja tal-ftehim bejn il-Gvern ta' Malta u s-Santa Sede dwar il-proprjeta' li l-awtoritajiet tal-Knisja Maltija għaddew lill-Gvern Malti. Ta' min jgħid li l-lista ta' proprjetajiet f'Annex 8 hija soġġetta għall-korrezzjonijiet li wkoll tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #16936 Sitting 350 2006-02-07 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Sant'Anġlu — Manutenzjoni

Question

Peress li ftit ilu ntqal li se jsir xogħol ta' tindif u manutenzjoni f'Sant'Anġlu, jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li ser jsir ġewwa il-Forti Sant’Anġlu maħsub li jinkludi dan li ġej: · Tindif preliminari ta’ partijiet interni fil-Fortizza min skart u ħaxix ħażin li akkumula f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Sal-lum tneħħew madwar ħamsin tunellata skart. · It-tneħħija ta’ binjiet moderni u ntrużivi minn ġewwa il-fortizza fosthom ‘is-swimming pool’ u strutturi ohra marbuta mal-lukanda li nbniet fis- snin sebgħin. · L-introduzzjoni ta’ servizzi essenzjali neqsin jew miksurin bħal elettriku, ilma faċilitajiet sanitarji, telefon, u IT connectivity. It-tranġar ta’ parti mill- Barracks ingliżi biex jistgħu jilqgħu l-uffiċċji tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. · L-introduzzjoni ta’ pjan għas-sigurta' tal-Forti Kollu. · Restawr tal-partijiet storiċi tal-Fortizza.

Forti Sant'Anġlu — Manutenzjoni

Question

Peress li ftit ilu ntqal li se jsir xogħol ta' tindif u manutenzjoni f'Sant'Anġlu, jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fil-Forti ta' Sant'Anġlu u l-madwar kien sar xi tindif bejn April u Mejju 2004 mis-Sezzjoni tad-Tindif fi ħdan il-Ministeru. Fil-preżent qed isir xi xogħol ta' tindif u restawr mill-ħaddiema tas-Sezzjoni tar-Restawr b'koordinazzjoni mas-Supretendenza tal-Wirt Kulturali. Wara li joħorgu l-permessi meħtiega mill-MEPA ser jitwaqqgħu strutturi, fosthom swimming pool li saret fis-sebgħinijiet. Eventwalment il-parti l-antika ser isservi ta' uffiċini għas-Supretendenza tal-Wirt Kulturali.

Bormla — Masġar

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett ta' masġar li se jinbena fl-area magħrufa bħala x-Xagħra, f'Bormla? Meta hu l-ħsieb li jitlesta dan ix-xogħol? Kemm se jqum? Kif se jkun u minn min se jkun iffinanzjat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-proġett ta’recreational area qed jinbena fl-area magħrufa bħala x-Xagħra (fejn is-sur ta' Santa Liena) f’Bormla, li ser jitlesta' fl-aħħar perjodu ta' din is-sena u huwa stmat li ser jiġi jiswa madwar Lm277,000. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta ta’ dan il-proġett.

Bormla — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ħarġet it-tender sabiex isir lift fl-iskola primarja ta' Bormla? Meta ngħatat it-tender? Meta sar il-ħlas? Meta tlesta x-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tender ġiet ippubblikata fil-11 ta' Ottubru 2002 u għalqet fil-24 ta' Ottubru 2002. Ġiet awarded lill-kuntrattur fis-16 ta' Diċembru 2002. Il-ħlasijiet li saru sal-24 ta' Novembru 2005 kienu ta' Lm7,393.69. Ix-xogħol ġie ċċertifikat permezz ta' final inspection certificate fis-17 ta' Ottubru 2005.

Kunsilli Lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji dwar kemm irriżenjaw kunsillieri sa mit-twaqqif tal-kunsilli lokali? Minn liema lokalita' kienu ġejjin? Min kienu u kemm damu kunsillieri f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għadu qed jinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Bormla — Mina ta' Sta Liena

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol qed isir fil-mina ta' Sta Liena, Bormla? Kemm hu mistenni jdum dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li dan ix-xogħol jikkonsisti f’pavimentar bil-ġebla tal-qawwi u nstallazjoni ta’ sistema ġdida tad-dawl. Sal-llum tlestew il-livelli fuq il-post u beda t-tqiegħed tal-kurduna bil-ġebla tal-qawwi. Qegħdin jitqiegħdu wkoll il-PVC pipes li ser jintużaw għas-sistema tad-dawl u ser jinbeda l-pavimentar bil-ġebla tal-qawwi. Sakemm ma jinqalgħux problemi relatati ma provista ta' materjal/fittings eċċ., dan ix-xogħol huwa programmat li jkun lest fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena.

Bormla — Skola G Despott

Question

Peress li l-Ministru qal li se jsir bini ta' blokki ġodda fl-iskola G Despott, Bormla, jista' jgħid jekk hemmx pjani għall-ground ta' l-istess skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-pjan tal-Gvern għall-iżvilupp ta' l-iskola Giuseppe Despott, Bormla, jinkludu wkoll upgrading tal-ground ta' l-iskola.

Persuni li għaddew bord

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta' persuni li għaddew bord, maqsuma skond il-lokalita', tul l-2005?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-persuni li bdew jirċievu Pensjoni għall-Invalidita' mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, jien infurmata li n-numru totali ta' dawk li bdew jirċievu din il-pensjoni matul l-2005 kien ta' 1,181. Ninsab infurmata wkoll li, peress li l-lokalita' ta' fejn wieħed jgħix mhix waħda mill-kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi din il-pensjoni, ma tinżammx statistika dwar il-lokalita' ta' fejn jabitaw dawn il-benefiċjarji.

ADT — Rotta Nru 1

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga l-ilment imressaq lili li r-rotta Nru 1 mhux qed titħaddem? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li r-rotta numru 1 għadha titħaddem normali, jiġifieri mis-6.00 sa l-10.00 ta’ filgħodu. Din titlaq waħda mill-venda tal-Birgu u tgħaddi minn tal-Ħawli. Mill-10.00 ta’ filgħodu l-quddiem, il-karozzi li jitilqgħu mill-Belt ta’ kull u kwart jgħaddu minn tal-Ħawli u n-nies li jkunu qegħdin jistennew għall-Belt jitilgħu ma’ l-istess xarabank. Jien infurmat ukoll li l-Awtorita' dwar it-Trasport ser tiċċekja li r-rotot qed isiru kif suppost permezz ta’ l-Enforcement Officers tagħha.

Saħħa — Kartuna r-roża u kartuna s-safra

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti sabiex persuna tkun tista' tikkwalifika għal: a) karta r-roża u b) kartuna s-safra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex wieħed jikkwalifika għall-Kartuna s-Safra irid ikun qed ibati minn waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fl-Iskeda V tal-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Għar-rigward ta' min jikkwalifika għall-Karta r-Roża, nitlob lill-Onor. Interpellant iressaq il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Bormla — Pjazza G Gulia

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir xi ħaġa biex l-ispralli u kaptelli li hemm jaqsmu Pjazza G Gulia, Bormla, jiġu rranġati u ma jibqgħux ta' periklu kif inhuma issa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bormla — Pjazza G Gulia

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir xi ħaġa biex l-ispralli u kaptelli li hemm jaqsmu Pjazza G Gulia, Bormla, jiġu rranġati u ma jibqgħux ta' periklu kif inhuma issa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport se tagħmel xogħlijiet ta’ emergenza biex jitranġaw temporanjament dawn l-ispralli u kaptelli. Barra minn dan l-ADT se tagħmel proposta għall-xogħlijiet permanenti fuq dan il-culvert.