Jista' il-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li għamlu xogħol lil xi dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u għadhom ma tħallsux? X'inhu l-ammont f'kull każ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ma nistax nifhem x'utilitá jista' jkollha l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Ministru. Għalhekk, kif ukoll għaliex il-ħin estensiv li jkun meħtieġ sabiex tinġabar din l-informazjoni jintuża aħjar, ma nħossx li hemm il-ħtieġa li tingħata l-informazzjoni li qed tintalab.
Jista' il-Ministru jara li ssir tiswija tas-swar li qed jiġġarfu wara l-appartamenti Block 1A, San Ġwann T'Għuxa, Bormla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li wara li d-Dipartiment ikkonċernat għamel investigazzjonijiet preliminari, jidher li l-ħsarat jirrekjedu studji aktar dettaljati. Id-Dipartiment ser jinkludi dawn l-istudji fil-programm ta' xogħol għal din is-sena.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi skema sabiex ġuvni (ħaddiem mal-gvern) li jgħix ma' ommu anzjana jingħata special leave sabiex idur b'ommu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk ikunx jista' jibbenefika minn xi benefiċċju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx xi skema sabiex ġuvni (ħaddiem mal-gvern) li jgħix ma' ommu anzjana jingħata special leave sabiex idur b'ommu? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid jekk ikunx jista' jibbenefika minn xi benefiċċju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.
Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija, persuna li tkun fuq special unpaid leave mill-prinċipal biex iddur b’ommha, tista’ tkun intitolata għall-Pensjoni tal-Wens imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, kemm il-darba:
· dik il-persuna tissodisfa t-test tal-mezzi;
· l-omm tkun ċertifikata minn bord mediku maħtur taħt l-imsemmi Att li hi bedridden jew wheelchair bound; u
· jkun hemm rapport minn social worker li jikkonferma li l-applikanti tkun qed tieħu ħsieb weħedha ta’ l-omm.
Dwar it-test tal-mezzi, ninsab infurmata li l-ammont kapitali ma jridx jaqbeż Lm6,000 u d-dħul massimu ma jridx jaqbez Lm35.38 fil-ġimgħa, kalkulat skond ir-Raba’ Taqsima tas-Sitt Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn għases tal-pulizija f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid x'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ ta' kull għassa u x'inhu l-complement ta' kull għassa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent, b'kollox il-Korp tal-Pulizija għandu 56 Għassa f'Malta u 20 f'Għawdex. L-Għases prinċipali kollha jinżammu miftuħa l-ħin kollu, filwaqt li l-oħrajn jista' jkun li jingħalqu temporanjament meta l-preżenza tal-pulizija li jkun xogħol f'dik l-Għassa tkun meħtieġa x'imkien ieħor barra mill-Għassa. Hemm ukoll xi għases f'lokalitajiet ta' villeġġatura, bħal l-għases ta' l-Għadira u dak ta' Lapsi, li jinfetħu biss fix-xhur tas-sajf. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi fil-preżent hemm madwar 570 membru tal-Korp li huma assenjati xogħol fuq beat duties fid-Distretti fejn hemm dawn l-Għases.
Jista' il-Ministru jara li jsiru lockersgħall-istudenti li jattendu l-iskola E. S. Inglott, Bormla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-amministrazzjoni ta' din l-iskola ma tħossx il-bżonn li tagħmel lockers għall-istudenti ta' din l-iskola. F'każijiet ta' studenti li għandhom ċertu diffikultajiet fiżiċi, l-iskola tagħmel arranġamenti meħtieġa biex l-istudenti jingħataw it-tieni sett ta' kotba biex jibqa' d-dar u s-sett l-ieħor jinżamm mill-Assistenti Kapijiet.
Dan ġie anke diskuss mal-Kunsill ta' l-istudenti u qatt ma kien hemm xi pressjoni biex dawn il-lockers isiru.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tax-xogħol li hu ppjanat għall-iskola G. Despott, ta' Bormla? Meta se jibda x-xogħol u meta se jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhux il-każ li l-pjanti jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Stima meta jitlesta x-xogħol tkun tista' ssir meta l-kuntratt tax-xogħol jingħata wara li jiġu finalizzati l-proċeduri tal-permessi u tat-tender.
Jista' il-Ministru jgħid kemm turisti żaru l-mużewijiet li għandna f'pajjiżna, maqsuma skond il-post, tul is-sena 2005?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru globali ta' viżitaturi li żaru l-mużewijiet f'pajjiżna matul l-2005. Statistika speċifika ta' kemm minnhom kienu turisti ma teżistix.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16126 u jgħid għal liema skop inbena garage fuq il-moll ta' lab. wharf għall-Kordin grain terminal ? Meta saru l-applikazzjonijiet mal-MEPA u meta ġew approvati? Għalxiex qed jintuża dan il-garage?
Response (GATT, AUSTIN)
Wara n-nirien ta' April 2005, sabiex isiru t-tiswijiet fuq il-makkinarju, etc, kien hawn xi xogħolijiet ta' blasting u spraying għaddej.
Għaldaqstant inħass il-bżonn li minnufih jinbena garaxx ieħor mal-ħamsa diġa eżistenti sabiex niggaraxxjaw xi makkinarju u karozzi għal waqt dawn ix-xogħolijiet.
Sabiex jirregola is-sitwazzjoni il-Perit tal-Kumpanija għamel l-applikazzjoni meħtieġa mal-MEPA.
Applikazzjoni numru 0419/06 data 20 Jannar 2006.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li siefru fuq xogħol uffiċjali matul l-2005? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni u kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ma nistax nifhem x’utilitá jista’ jkollha l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Membru. Għalhekk, kif ukoll għaliex il-ħin estensiv li jkun meħtieġ sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista’ jintuża aħjar, ma nħossx li hemm il-ħtieġa li tingħata l-informazzjoni li qed tintalab.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li siefru fuq xogħol uffiċjali matul l-2005? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni u kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jingħata wiċċ xieraq lil Triq il-Għasel, Żabbar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara program ta' xogħlijiet ta' bini ta' numru ta' toroq residenzjali. Dawn ix-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw mill-program tax-xogħlijiet ta' l-ADT.
Peress li l-MEPA approvat il-permessi kollha tal-kunsill lokali ta' Bormla sabiex fl-area ta' Verdala jinbnew żewġ grounds tal-football 5'a-side, u peress li l-istess kunsill lokali sab investitur privat sabiex f'partnership jagħmlu dan il-proġett, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm lill-gvern li jilqa' għat-talbiet tal-kunsill lokali ta' Bormla u jagħmel devoluzzjoni ta' l-imsememija art?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-talba ta' devoluzzjoni tal-Kunsill Lokali Bormla għall-area fil-Verdala, kif ukoll il-proposti ġodda mressqa mill-Kunsill, qed jiġu kkunsidrati mad-dipartimenti konċernati.