Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li s-sezzjoni taż-żgħażagħ (sezzjoni li jinġabru persuni bi bżonnijiet speċjali fiha - juvenile section) ġewwa Mt Carmel se tispiċċa u tingħaqad ma' sala oħra? Veru li r-raġuni wara dan hija nuqqas ta' finanzi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'se jsir bil-bini eżistenti?
Jista' il-Ministru jispjega jekk hemmx xi ħsieb speċjali, wara li din is-sezzjoni ġiet żviluppata, sabiex il-pazjenti li jagħmlu użu minnha kienu jibbenfikaw minn dan il-post għax ma kenux parti integrali minn dan l-isptar? Jekk dan kollu se jseħħ, meta se jsir dan?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s'issa m'hemm l-ebda ħsieb li l-Juvenile Ward tispiċċa u tingħaqad ma' xi sala oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi fid-devoluzzjoni ta' biċċa art biex flokha jsir pitch tal-football lill-kunsill lokali ta' Bormla?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onorevoli Membru qiegħed jirreferi għal dik il-biċċa art magħrufa bħala Verdala Playing Field, nixtieq ninfurmah illi huwa mistenni li l-Ftehim tal-Kirja jiġi iffirmat fil-futur qarib.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus marbuta ma' kontravenzjonijiet ta' over speeding maqbuda mill-cameras: a) f'Regional Road, b) Mrieħel u c) Xemxija mill-bidu ta' din is-sena (2006) s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Mejju 2006 tħallsu dawn l-ammonti ta' flus marbuta ma' kontravvenzjonijiet ta' overspeeding:
(a) Regional Road Lm259,990
(b) Mrieħel Lm114,730
(c) Xemxija Lm 33,910
Jista' il-Ministru jgħid minn meta daħlet il-proċedura li persuni rikoverati fl-isptar San Luqa jibdew iħallsu 80% tad-dħul għax meqjusa bħala social cases? Kif jiġi deċiż li persuna hi social case?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-proċedura li persuni rikoverati fl-Isptar San Luqa jibdew iħallsu 80% tad-dħul għax meqjusa bħala Social Case bdiet iseħħ fit-3 ta' Jannar, 2004 skond A.L.259 ta' l-2004 Att Dwar is-Sigurta Soċjali (KAP318) Regolament ta' 2004 dwar Rati għal Servizzi Residenzjali Finanzjati mill-Istat.
Meta persuna tiġi illiċenzjata mill-Isptar mill-Konsulent tagħha, u għal xi raġuni jew oħra, din il-persuna tibqa tokkupa sodda, din il-persuna tiġi iddikjarata bħala Social Case.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-pjanta għax-xogħol fuq l-iskola JL G. Despott ta' Bormla tlestewx? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra? Meta se jibda x-xogħol u meta se jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jidhirlix li għandi ndaħħal il-prattika li npoġġi pjanti bħal dawn fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-bidu u tmiem tax-xogħol jiddependi minn meta jiġi konkluż il-proċess tat-tendering u l-għoti tal-kuntratt.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema barranin fil-Malta shipyards bejn Jannar u Mejju 2006? Minn liema pajjiż kienu ġejjin, kemm damu f'kull każ, u f'liema sengħa ħadmu?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni jistennew li ssirilhom operazzjoni tal-kataretti? Kemm saru operazzjonijiet ta' dan it-tip f'dawn l-ewwel xhur tas-sena, xahar b'xahar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant inġabret mis-Surgical Operations Register ta' l-Isptar San Luqa għal perjodu ta' bejn Jannar 2006 u 25 ta' Mejju 2006. L-operazzjonijiet tal-Kataretti għax-xhur ta' bejn Jannar u 25 ta' Mejju 2006, xahar b'xahar saru kif ġej:
Xahar
Numru ta' Operazzjonijiet tal-Kataretti ta' SLH
Jannar 2006
103
Frar
92
Marzu
87
April
86
1 sa 25 ta' Mejju
85
In-numru ta' persuni li hemm jistennew li ssirilhom operazzjoni tal-Katarretti huwa ta' 3,812.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet fi Pjazza S Margherita, Bormla? Meta hemm il-ħsieb li jitlesta dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol fil-ġnien ta' Santa Margerita, Bormla huwa maħsub li jibda għal Settembru ta' din is-sena u hu programmat li jintemm għal madwar April 2007.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-ġbir ta' l-iskart li tħalla mill-bejjiegħa tal-monti ta' Bormla/Birgu nhar it-Tlieta 22 ta' Mejju, 2006 damu sa wara l-4.00 p.m. biex inġabar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li r-responsabbilita' għall-ġbir ta' l-iskart fit-toroq fejn jarmaw il-bejjiegħa tal-monti fil-post imsemmi mill-Onor. Interpellant hi tal-gvern ċentrali u mhux tal-Kunsilli Lokali. Dan is-servizz jingħata mill-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru responsabbli, inżid ngħid ukoll li hu obbligu tal-bejjiegħa tal-monti li ma jħallu l-ebda skart warajhom u dan skond il-kundizzjonijiet tal-liċenzja maħruġa mill-Awtorita' Regolatorja (il-Ministeru responsabbli mill-Kummerċ) u l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom tinħareġ l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill Lokali.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien id-dħul annwali fis-sena 2005 mingħajr surcharge mill-Enemalta u l-WSC għal dawn l-impriżi kummerċjali:
a) micro impriżi (inqas minn għaxar impjegati)
b) impriżi żgħar (anqas minn 50 impjegati)
c) impriżi medji (anqas minn 250 impjegati)
d) impriżi bil-fuq minn 250 impjegati?
X'ikun l-ammont tas-surcharge matul is-sena 2006 kieku l-konsum ikun bħal ta' l-2005?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-enemalta ma żżommx din it-tip ta' nformazzjoni u b'hekk risposta ma tistax tingħata.
B'riferenza għar-request for proposal għall-industrija tal-films maħruġa mill-Ministeru tiegħu, jaħsibx il-Ministru li wara seba' snin topera il-film commission ma tafx eżattament fejn huma l-gaps fl-industrija lokali tal-films?
Response (GATT, AUSTIN)
“Hi prattika normali fl-aspetti kollha ta’ l-amministrazzjoni li l-Gvern jaħdem biex jantiċipa l-futur u ma jistrieħ qatt fl-isforz li jiżviluppa l-opportunitajiet ekonomiċi.
“Il-Gvern qed ifittex konsulenza minn esperti kompetenti fil-qasam ta’ l-industrija ċinematografika biex issir analiżi tad-differenza bejn ir-riżorsi li għandna u x’għandna bżonn biex nilħqu l-viżjoni tagħna għall-industrija tal-films fl-2010.
L-industrija taċ-ċinema hi ta' natura internazzjonali u t-tendenzi jinbidlu spiss u malajr. Il-'gaps' li rridu nsibu u nsolvu jridu jitqiesu f'dan il-kuntest internazzjonali.
“Anke jekk kompetenza biex isir dan l-istudju tista’ teżisti fil-Gvern stess, il-Gvern iħoss li n-natura internazzjonali ta’ dan in-negozju jeħtieġ input estern u parir li jippermettilna nieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-futur ta’ l-industrija.”
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijet, maqsuma f'irġiel u nisa, fl-aħħar sejħa għall-ingaġġ ta' kuntistabbli? Kemm hu n-numru ta' postijiet li se jimtlew?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 346 persuna - 209 irġiel u 137 nisa - li applikaw fl-aħħar sejħa għall-ingaġġ bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija. Huwa maħsub li 100 rekluta jkunu ingaġġati.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi żvilupp dwar parkeġġ fin-naħa tal-Cottonera biex jaqdi l-bżonnijiet ta' l-operaturi fil-waterfront, u jekk dak li suppost isir taħt il-ground ta' l-iskola ta' Bormla għadux fil-pjanijiet? X'qed iżomm lill-gvern biex dan isir? Jista' jgħid kellux xi proposta mill-istess operaturi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 18805. Hemm xi konsorzja li wrew interess li jiżviluppaw huma dan il-car park u l-Ministeru qiegħed ukoll jistudja dawn il-proposti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi żvilupp dwar parkeġġ fin-naħa tal-Cottonera biex jaqdi l-bżonnijiet ta' l-operaturi fil-waterfront, u jekk dak li suppost isir taħt il-ground ta' l-iskola ta' Bormla għadux fil-pjanijiet? X'qed iżomm lill-gvern biex dan isir? Jista' jgħid kellux xi proposta mill-istess operaturi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernt.
Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li qed isir bħalissa fil-Cottonera Waterfront? Meta hemm il-ħsieb li jitlesta? Jista' jgħid jekk ikkonsultax ma' l-operaturi kummerċjali li hemm fuq is-sit?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onor. interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li qed isir bħalissa fil-Cottonera Waterfront? Meta hemm il-ħsieb li jitlesta? Jista' jgħid jekk ikkonsultax ma' l-operaturi kummerċjali li hemm fuq is-sit?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li qed isir bħalissa fil-Cottonera Waterfront? Meta hemm il-ħsieb li jitlesta? Jista' jgħid jekk ikkonsultax ma' l-operaturi kummerċjali li hemm fuq is-sit?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fix-xatt tal-Birgu huma in konnessjoni mall-proġett ta' landscaping ta' dan ix-xatt u ser ikopru l-area bejn il-Mużew Marittimu u l-Menqa. S'issa saru x-xogħlijiet ta' servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid ta' culverts għas-servizzi u għall-ilma tax-xita. Saru wkoll il-crossings neċessarji mill-istess culvertssal-bini u l-palazzi li hemm matul ix-xatt. Culvert eżistenti tnaddaf u tneħħew numru ta' servizzi li huma mejta. Bħalissa l-Enemalta qegħda tgħaddi l-cables tagħha filwaqt li l-Grand Harbour Marina qiegħed jgħaddi fuel main f'wieħed mill-culverts. Ix-xogħlijiet tas-servizzi mistennija jitlestew sal-ġimgħa d-dieħla.
Fil-ġranet li għaddew beda x-xogħol tal-pavimentar fuq in-naħa tal-Menqa.
Saru diskussjonijiet estensivi mall-konsorzja kollha u l-pjanti finali għandhom l-approvazzjoni tagħhom. Saru wkoll konsultazzjonijiet mall-Enemalta u anke mall-għaqda tar-residenti ta' St Angelo Apartments.
Hu mistenni li x-xogħlijiet jitlestew sa Lulju li ġej.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm/jew hemm matul l-2005 sal-lum applikazzjonijiet quddiem il-MEPA għall-bini ta' grounds tal-football? F'liema lokalita' huma u f'liema stadju waslet l-applikazzjoni f'kull każ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.