Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Priġunieri Maltin u barranin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' priġunieri Maltin u barranin fil-Fakulta' Korrettiva ta' Kordin? Jista' jgħid jekk persuna ssentenzjata tistax tibdel l-indirizz tar-residenza waqt li qed tiskonta s-sentenza? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm-il darba saret din fl-aħħar sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' priġunieri ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin fid-9 ta' Lulju 2007 kien ta' tlett mija u ħamsa u sittin. Hemm mitejn u wieħed u ħamsin Maltin u mija u erbatax barranin. Ma hemm xejn li jżomm persuna sentenzjata milli tibdel l-indirizz jew il-post tar-residenza waqt li tkun qed tiskonta sentenza. Fl-aħħar sena qatt ma kellna xi każ simili.

Proġett pilota għal ex-priġunieri

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'wassalha sabiex ħadet id-deċiżjoni sabiex il-proġett pilota għal dar għal ex-priġunieri li m'għandhomx fejn joqogħdu ssir f'Bormla u mhux f'lokalita oħra? X'wassalha biex ġiet identifikata Bormla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ġie deċiż li l-proġett pilota li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant isir Bormla għar-raġuni li d-dar disponibbli hi viċin tal-bini fejn hemm l-Għaqda mid-Dlam għad-Dawl, li pproponiet dan il-proġett. Dan jagħmilha aktar faċli lil din l-Għaqda li se tmexxi dan il-proġett. Barra minn hekk, dawk li se jirċievu kenn f’din id-dar mistennija li jibbenefikaw mis-servizzi offruti minn Aċċess, li wkoll qiegħed viċin ta’ din id-dar.

Proġett pilota għal ex-priġunieri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'wasslu sabiex ħa d-deċiżjoni sabiex il-proġett pilota għal dar għal ex-priġunieri li m'għandhomx fejn joqogħdu jsir f'Bormla u mhux f'lokalita oħra? X'wasslu biex ġiet identifikata Bormla?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi m'għandu x'jaqsam xejn ma' dal-proġett.

Saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi tip ta' allowance għall-uffiċjali tas-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol, li m'għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom karozza ta' l-awtorita'? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm minn dawn l-uffiċjali li jieħdu din l-allowance, u min huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol, ma hawn l-ebda uffiċjal li għandu dan it-tip ta' allowance. Izda kull uffiċjal għandu għad dispozizzjoni tiegħu karozza ta' l-Awtorita' u dan biex iwettaq x-xogħol tiegħu ta' kuljum.

Birgu — Xatt ir-Risq - Arkati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm xi arkati f'Xatt ir-Risq, Birgu li għadhom vojta? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn joħorġu għall-kiri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li f'Xatt ir-Risq l-Isla hemm arkata waħda li hija vakanti. Is-sejħa għall-offerti għal kiri ta' din l-arkat ħarġet nhar il-Ġimgħa 4 ta' Mejju 2007.

Birgu — Kerrejja antika

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex jitneħħa l-periklu li hemm fuq kerrejja antika fi Triq l-Antika, Birgu?

Response (BORG, TONIO)

Peress li l-mistoqsija mhix ċara għal liema proprjeta' qed tirreferi u peress li fi Triq l-Antika l-Birgu hemm iżjed minn kerrejja antika waħda u li m'humiex kollha tal-Gvern, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħti dettalji iktar preċiżi tal-proprjeta' li qed jirreferi għaliha.

MEPA — Infiq fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefqet flus il-MEPA fuq safar matul is-sena 2006, xahar b'xahar? Jista' jgħid fejn kienet id-destinazzjoni ta' kull safra, x'kienet ir-raġuni, min mar f'kull safra u x'inhu l-grad ta' kull wieħed minnhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) nefqet Lm43,703.55 f’safar għas-sena finanzjarja 2006. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-bqija tad-dettalji mitlubin mill-Onorevoli Interpellant.

Maltacom — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema tal-Maltacom maqsum skond il-grad, u dan sakemm din għaddiet għand Tecom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li peress li l-Maltacom kienet u għadha kumpanija kwotata fuq l-iStock Exchange, din it-tip ta' informazzjoni ma tistax tingħata.

Fabbriki mwaqqfa f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn fabbriki li waqqfu l-operat tagħhom f'Malta matul is-sena 2006? Minn liema settur kienu ġejjin? Kemm kienu jimpjegaw nies? Kemm kienet ilha topera f'pajjiżna kull waħda minnhom? Jista' jgħid liema huma dawn il-fabbriki?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Ħaddiema li għalqu l-61 sena

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema f'xi entita' li taqa' taħt ir-responsabbilta' tagħha li għalqu l-61 sena? Minn liema entita' ġejjin? Kemm għandhom eta'? Għal kemm żmien ingħataw extension u għal liema raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni b'diżabilita — Reserved parking

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-kriterji dwar l-eliġibilita' għal reserved parking għall-persuni b'diżabilita'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ħruġ ta' permessi għar-reserved parking għall-persuni b'diżabilita' jaqa' taħt ir-responsabbilta' ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Residenza għal ex-priġunieri

Question

B'referenza għall-allokazzjoni ta' dar biex isservi ta' residenza għal ex-priġunieri, tista' l-Ministru tgħid jekk ikkonsultatx mad-deputati, inkluż il-Prim Ministru, li jirrappreżentaw ir-residenti ta' l-akkwati, kif ukoll ma' l-Arċipriet tal-parroċċa u l-patrijiet ta' Santa Tereża? Ma taħsibx li fi kwestjoni bħal din kellha tagħti każ ta' l-opinjoni tal-ġirien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-dar li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ġiet allokata biex tagħti kenn lil persuni li joħorġu mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin u li ma jkollhomx fejn jgħixu. Il-Ministeru tiegħi kellu laqgħa dwar is-suġġett mal-Kunsill Lokali u anki ttieħdu in konsiderazzjoni suġġerimenti li tressqu mill-istess Kunsill. Ma naħsibx li l-Arċipriet tal-Parroċċa u l-Patrijiet ta' Santa Tereża jistgħu ikollhom xi ħaġa kontra dan il-proġett li qiegħed jgħin lill-parruċċjani Bormliżi li jinsabu f'sitwazzjoni soċjali mwera. Lanqas nista nimmaġina li d-Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra jistgħu jkollhom opinjoni negattiv fir-rigward ta' proġett li jgħin nies vulnerabli mid-Distrett tagħhom.

Euro Assistants — Sistema FAIR

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Euro Assistants li qed iduru n-negozji sabiex tissaħħaħ is-sistema FAIR, mhux jgħaddu l-pakkett ta' materjal kollu lin-negozji? Jista' jgħid x'tip ta' calculators se jingħataw lill-poplu? Kif u mnejn se jinġiebu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġà ġie spjegat f’risposti parlamentari oħrajn, l-NECC għadu qed jistenna l-price guns u l-calculators minħabba dewmien li ġie esperjenzat biex jiġi assigurat li jinstab l-apparat neċessarju u li jaqdi l-bżonnijiet tas-sidien tal-ħwienet filwaqt li jiġi mħares l-aspett finanzjarju ta’ l-ispiża. Is-sidien tan-negozji ser jingħataw dak kollu li kien imwiegħed. Mal-pakkett li qed jingħata meta ħanut jiġi mdaħħal fl-inizjattiva FAIR, qed jingħataw l-affarijiet kollha li ġew imwiegħda ħlief il-price gun u l-calculator. Il-price gun ser ikun qed jingħata fil-ġimgħat li ġejjin filwaqt li l-calculator ser jingħata aktar tard peress li l-iskop tal-calculator huwa li jgħin lil tal-ħanut jimmaniġġja l-bqija fil-proċess tal-bidla. Dwar il-calculators li ser jingħataw lill-poplu, l-NECC f’dawn il-ġranet qed tqassam gazzetta f’kull dar fejn qed tispjega kif il-calculator li ser jingħata lill-poplu ser ikun. Dawn il-calculators ser ikunu qed jingħataw minn sponsor li d-dettalji tiegħu ser jitħabbru fil-jiem li ġejjin.

Banek tal-lottu — Qliegħ finanzjarju

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet/soċjetajiet li jirċievu xi dħul finanzjarju mill-qliegħ tal-banek tal-lottu? X'kien dan is-sehem għal kull waħda minnhom matul is-sena 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Good Causes Fund

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet/soċjetajiet li ħadu xi għajnuna mill-Good Causes Fund matul l-2006? X'kien l-ammont li ħadet kull waħda minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-mejda tal-Kamra.

Riżorsi u Infrastruttura — Ħaddiema li għalqu l-61 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'xi entita' li taqa' taħt ir-responsabbilta' tiegħu li għalqu l-61 sena? Minn liema entita' ġejjin? Kemm għandhom eta'? Għal kemm żmien ingħataw extension u għal liema raġuni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi hemm impjegat wieħed biss li għalaq il-61 sena ma’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Dan għandu 61 sena. Il-kuntratt tiegħu qiegħed jiġi estiż minn xahar għal xahar. Din l-extension qiegħda tingħata minħabba li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi għad għandha bżonn is-servizzi ta’ dan l-uffiċċjal.
Leg 10 PQ #25683 Sitting 548 2007-07-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema li għalqu l-61 sena

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema f'xi entita' li taqa' taħt ir-responsabbilta' tagħha li għalqu l-61 sena? Minn liema entita' ġejjin? Kemm għandhom eta'? Għal kemm żmien ingħataw extension u għal liema raġuni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant rigward impjegati li għalqu l-61 sena u ngħataw estensjoni hija kif murija fit-tabella li tidher hawn taħt. Numru ta' ħaddiema Minn liema sezzjoni ġejjin Eta' Grad Għalkemm żmien ingħataw extension u għal liema raġuni 1 Sptar Ġenerali 68 Konsulent tal- Għal tnax il-xahar li jiskadu Ġinekoloġija f'Awissu 2007

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Ħaddiema li għalqu l-61 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'xi entita' li taqa' taħt ir-responsabbilta' tiegħu li għalqu l-61 sena? Minn liema entita' ġejjin? Kemm għandhom eta'? Għal kemm żmien ingħataw extension u għal liema raġuni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fl-isptar Zammit Clapp hemm 7 ħaddiema li għalqu -il 61 sena: tnejn għandhom 61, tnejn għandhom 62, tnejn għandhom 63, wieħed għandu 64. Fl-isptar Zammit Clapp hemm min għandu extension on a month-to-month basis waqt li oħrajn impjegati fuq part time basis. Dawn il-persuni ma jinkludux nies li huma fuq il-Hospital Management Committee jew impjegati bħala konsulenti. Dawn il-kuntratti ġew estiżi minħabba l-esiġenzi tal-isptar, tal-esperjenza tagħhom u minħabba li dawn il-persuni kollha huma b'saħħithom. L-Awtorita' dwar il-Mediċini għandha magħha żewġ Medical Assessors impjegati b'kuntratt definit. Dawn għandhom 72 u 73 sena. Il-kuntratti tagħhom jagħlqu wieħed f'Mejju 2007 u l-ieħor f'Ġunju 2007.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Ħaddiema li għalqu l-61 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'xi entita' li taqa' taħt ir-responsabbilta' tiegħu li għalqu l-61 sena? Minn liema entita' ġejjin? Kemm għandhom eta'? Għal kemm żmien ingħataw extension u għal liema raġuni?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.