Legislature:
Category:
Reset
Active:

Home f'Bormla — Ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu l-ilmenti kontinwi ġejjin minn anzjani residenti fil-Home f'Bormla li qed ikollhom kesħa kbira peress li s-sistema li ssaħħan qed tkun mitfija għal ħinijiet twal?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li s-sistema ta' central heating fid-dar tal-anzjani f'Bormla qiegħda tiffunzjona mingħajr problemi. Din is-sistema ta' central heating tkun mixgħula u tiġi aġġustata skond il-bżonnijiet partikolari tal-anzjani u tad-dar biex b'hekk tinżamm temperatura komda.

Pensjoni tas-servizz

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema tal-gvern li għandhom pensjoni tas-servizz? Jista' jaqsamhom skond id-dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jikkjarifika l-mistoqsija tiegħu u jgħid jekk l-informazzjoni mitluba għandhiex tkun dik ta’ min huwa rtirat u qed igawdi minn pensjoni tas-servizz jew inkella dawk li għandhom fis-servizz u huma ntitolati għal pensjoni tas-servizz.

Eżami ta' l-EO's

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa ta' l-EO's? Fhiex wasal il-proċess u kemm ser jingħataw dan il-grad?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li kien hemm 1097 applikant għall-aħħar sejħa ta’ l-eżami ta’ l-Executive Officer. Il-proċess jinsab fil-fażi finali tiegħu u l-ħatriet jingħataw skond l-esiġenzi tas-Servizz.

Zebra crossings

Question

Jista' l-Ministru jara li jinżebgħu z-zebra crossings li hemm ħdejn il-posta ta' Bormla, kif ukoll oħrajn li hemm fil-main roads fil-Kottonera li huma responsabbilta' tal-gvern?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ADT ha tkun qed tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tifriska ż-żebgħa f’dawn iż-żebra crossings.

Kuruduri

Question

Tista' l-Ministru tara li jsir dak ix-xogħol neċessarju sabiex il-kuruduri ta' l-appartamenti f'St Nicholas Married Quarters, Bormla jerġgħu jibdew jixgħelu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.

Bormla Home

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha l-aktar applikazzjoni antika li hemm fil-waiting list għall-home ta' Bormla?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-aktar applikazzjoni antika li hemm fil-waiting list għad-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla hija datata 9 ta' Frar 1999. Minn kuntatti li saru ma din il-persuna mis-Social Workers tad-Dipartiment min mindu applikat jirriżulta li din uriet ix-xewqa li tibqa tgħix fid-dar tagħha. Riċentament l-applikazzjoni ġiet riveduta u kienet approvata mill-Admission Board fis-7 ta' Diċembru 2006 bħala Low Priority.

Air Supplies

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqfet l-Air Supplies? Kemm kien hemm ħaddiema fl-aħħar qabel għaddiet għand Nuance Group? Jista' jgħid kemm-il ħaddiema tilef l-impjieg tiegħu? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-ftehim biex Nuance Group qed topera dak li kienet tagħmel l-Air Supplies?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kumpanija Air Supplies & Catering Co Ltd ġiet registrata fit-18 ta’ Ġunju 1974 u bdiet topera f’Awissu ta’ l-istess sena. Filwaqt li nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 26951, ninfurmaħ li peress li l-kumpanija msemmijja hi privata, m’għandiex informazzjoni kemm din il-kumpanija għandħa mpjegati fuq il-kotba tagħha. Il-Kuntratt tal-bejgħ tal-ishma tal-kumpanija huwa ta’ natura kummerċjali u għaldqstant ma nħossx li għandu jiġi ppublikat.

Servizz ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibilita' li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata s-servizz ta' l-ilma hekk kif ingħataw il-ġirien tagħha? X'inhi r-raġuni għala din għadha bla servizz daqshekk essenzjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

EU aid

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu ntitolat għall-għajnuna (EU aid) li tingħata ta' ross/għaġin etc?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuni ntitolati għall-għajnuna ndikata mill-Onor. Interpellant huma dawk intitolati għall-għajnuniet, benefiċċji u pensjonijiet mhux kontributorji mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.

Bormla

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa minħabba l-ammont kbir ta' firien li hemm fix-Xatt, Bormla, li qed jagħmlu ħajjet ir-residenti infern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat illi l-ħaddiema mid-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali għamlu trattament għal kontra l-ġrieden, illum 9 ta' Novembru 2007, fl-akkwati msemmija. Din iż-żona ser tibqa' taħt sorveljanza u trattamenti oħra jerġgħu jsiru l-ġimgħa d-dieħla.

Pensjoni tas-servizz

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema tal-gvern li għandhom pensjoni tas-servizz? Tista' taqsamhom skond id-dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi ghal impjegati tal-Gvern li ghandhom dritt ghall-pensjoni tas-servizz meta jirtiraw, ninsab infurmata li ebda Dipartiment li jaqa taht id-dekasteru tieghi ma jzomm din l-informazzjoni.

Operazzjonijiet ta' kataretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list għall-operazzjonijiet tal-kataretti? Kemm isiru operazzjonijiet fil-ġimgħa (tal-kataretti)? X'inhi l-possibilita li dawn jiżdiedu issa fl-isptar l-ġdid?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-waiting list għal operazzjonijiet tal-kataretti hija ta' 4830. Il-medja ta' operazzjonijiet tal-kataretti fil-ġimgħa hija bejn 25 u 29.

Dar għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list għad-dħul fil-home għall-anzjani ta' Bormla? Minn liema lokalita' ġejjin? Minn min hu magħmul il-bord li jiddeċiedi min jidħol f'din il-home? Kull meta jiltaqgħu? Kemm-il każ jaraw kull darba? X'inhu l-kriterju biex l-anzjani jiġu kklasifikati top priority, priority u not urgent?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-waiting list għad-dar ta' l-Anzjani Bormla hu ta' 173. L-applikanti huma minn dawn il-lokalitajiet: Birgu, B'Kara, Bormla, Fgura, Floriana, Gudja, Isla, Gżira, Kalkara, Kirkop, M'Scala, Msida, M'Xlokk, Naxxar, Paola, Qormi, Rabat, San Ġwann, Sannat, Siġġiewi, Santa Luċia, Tarxien, Valletta, Żabbar, Żebbuġ, Żejtun, Żurrieq. Il-Bord ta' l-għażla għad-dħul fid-Djar ta' l-Anzjani (inkluża id-Dar ta' Bormla) u San Vinċenz de Paul hu magħmul minn dawn il-membri: Chairman Is-Sur Salvu Sciberras Membri Dr Frank Bartolo, Dr Ronald Fiorentino, is-Sinjura Bernardette Psaila, is-Sinjura Faustina Sammut u s-Sur Remigio Zammit Segretarja Is-Sinjura Jessica Calleja Il-Bord normalment jiltaqa kull ġimgħa. Normalment f'kull sessjoni l-Bord jara madwar 30 applikazzjoni, iżda n-numru jvarja 'l isfel jew 'l fuq skond il-kumplessita' tal-każi. Il-kriterji li l-Bord juża biex jipprioritiżża l-applikazzjonijiet huma dawk mediċi u soċjali u jiġu klassifikati urġenti, għolja u baxxa. F'kaz li l-applikant ma jkollux il-kriterji minimi soċjali u mediċi, l-applikazzjoni tiġi rifjutata.

Immigranti llegali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' immigranti llegali li hawn f'pajjiżna maqsuma skond in-nazzjonalita'? Kemm daħlu minnhom matul is-sena 2007? Jista' jaqsamhom skond l-istatus li għandhom? X'għajnuna tingħata lilhom mill-gvern u entitajiet oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ immigranti irregolari hemm fiċ-ċentri ta’ detenzjoni hu ta’ 1,699 maqsuma skond il-pajjiż kif iddikjaraw mnejn kienu ġejjin, kif elenkat hawn taħt. Minn dawn, fis-sena 2007 daħlu 1,694. AFGHANISTAN 1 MOROCCO 2 ALGERIA 2 MAURITANIA 2 BENIN 6 NIGER 47 BURKINA FASO 29 NIGERIA 142 CHAD 13 PAKISTAN 2 CONGO 6 PALESTINE 6 ERITREA 212 SENEGAL 21 ETHIOPIA 134 SIERRA LEONE 10 GAMBIA 22 SOMALIA 442 GHANA 130 SUDAN 52 GUINEA 19 SYRIA 2 GUINEA BISSAU 7 TANZANIA 1 IRAQ 5 TOGO 57 IVORY COAST 171 TUNISIA 3 LIBERIA 9 UZBEKISTAN 1 LIBYA 7 ZIMBABWE 1 MALI 135 Waqt li jkunu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, l-immigranti irregolari, minnbarra li jingħataw affarijiet basiċi ta’ kulljum, bħal tlett ikliet kulljum, ħwejjeġ ta’ taħt u ta’ fuq, sapun u affarijiet oħra għal iġene personali, sapun biex jaħslu l-ħwejjeġ, u post fejn jorqdu, dawn jingħataw ukoll ktejjeb li jispjegalhom id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, għajnuna legali waqt l-istadju ta’ l-appell għat-talbiet ta’ status ta’ refuġjat/status umanitarju, telecards kull xaharejn biex iċemplu lill-qrabathom, gazzetti lokali bl-Ingliż ta’ kuljum, aċċess għall-NGOs, kif ukoll blalen tal-football, basketball u volley ball. Dwar l-immigranti irregolari li jinsabu f'ċentri oħra, nitlob lill-Onor Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Proprjetajiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-proprjetajiet li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, humiex proprjeta' tal-gvern jew Joint Office?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern (inklużi dawk tal-Uffiċċju Konġunt) il-proprjetajiet indikati mill-Onorevoli Interpellant m'humiex tal-Gvern.