Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mediċina Premarin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-mediċina Premarin 1.25 mg tingħatax b'xejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern m'għandhomx jixtru l-mediċina speċifika Premarin 1.25mg, għalkemm fadal xi stokk zgħir tal-prodott. Id-Dipartiment qiegħed jixtri u jqassam prodott alternattiv.

Zabbar — Żbir ta' siġra

Question

Jista' l-Ministru jara li tinżabar siġra li kibret ħafna li tinsab quddiem Block F fi Triq il-Klin, Zabbar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-lokalitá indikata mill-Onorevoli Interpellant taqa' taħt ir-responsabbiltá tal-Kunsill Lokali.

Għaqda li tieħu ħsieb l-qtates

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna tista' tiġi offruta lil għaqda li tkun qed tieħu ħsieb il-qtates fil-lokalita' tagħha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar baġit il-Gvern ippjana fond ta' Lm150,000 għal inizjattivi fil-qasam tat-trattament xieraq ta' l-annimali bla sid u s-santwarji li jieħdu ħsiebhom. Nofs din iċ-ċifra hija ntiża biex isir programm ta' tiswija fuq dawn l-annimali bla sid u n-nofs l-ieħor huwa ntiż biex organizazzjonijiet mhux governattivi reġistrati bħala non-profitable jiġu mgħejjuna jtejbu s-santwarji tagħhom wara li l-applikazzjoni tagħhom għal fondi tkun eżaminata minn panel imwaqqaf għalhekk taħt il-Kunsill dwar it-Trattament Xieraq ta' l-Annimali (Animal Welfare Council).

Bormla — Garaxxijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-garaxxijiet li hemm fi Triq E.S. Inglott, Bormla taħt il-binja ġdida tal-HA li issa ilhom vojta ħafna, humiex se joħorġu għall-kiri jew għal bejgħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li wieħed miż-żewġ stores li jinsabu biswit il-binja ndikata mill-Onor. Interpellant ġie allokat b'kera waqt li l-ieħor mistenni jinħareġ għall-bejgħ bl-offerti fil-futur qarib.

Kontijiet ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx l-investigazzjoni mitluba mill-familja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u dan minħabba kontijiet esaġerati ta' l-ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi l-Onorevoli interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal PQ 27587 li fiha ntqal li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma kienet ser tagħmel spezzjoni fil-post sabiex tara jekk hemmx xi ħsara, leakage jew xi anomalija oħra fis-sistema ta’ l-ilma. Fil-fatt, ninsab infurmat li uffiċċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma għamlu żewġ spezzjonijiet u ma sabu l-ebda anomalija. Il-konsumatur ġie nfurmat li m’hemm l-ebda każ ta’ aġġustamenti fil-kontijiet b’ittra datata 11 t’Ottubru 2007

Persuni li qatt ma ħadmu

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif tiġi kkalkulta l-pensjoni għal dawk il-persuni li qatt (jew rari) ma' jaħdmu sena sħiħa, bħal fil-każ ta' dawk fl-industrija tal-films?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-rata tal-pensjoni mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali tiddependi, b'mod ġenerali, fuq żewġ fatturi bażiċi, li huma n-numru ta' kontribuzzjonijiet imħallsa u d-dħul pensjonabbli ta' l-applikant. Il-kalkolazzjoni proprja hi teknikament tant komplikata u tinvolvi varjabbli oħra li wieħed ma jistax jiġġeneralizza. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi persuna speċifika nitolbu jagħtiha parir li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha jew iċċempel SPIC fuq freephone 159 biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Reviżjoni tal-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tara li ssir reviżjoni tal-pensjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha jew iċċempel SPIC fuq freephone 159 biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Anzjani — Żieda fil-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk iż-żieda mħabbra fl-aħħar budget ngħatatx lill-anzjani kollha? Jekk fl-affermattiv, tista' tivverifika l-każ tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għaż-żieda għall-għoli tal-ħajja din ingħatat sħiha lill-pensjonanti kollha. Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Ta' Qali — Crafts village

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tenders fuq xogħol fil-crafts village Ta' Qali li kellhom jaqgħlu fid-9 ta' Jannar, għalqux? Jekk dan ma sarx, x'inhi r-raġuni wara dan? Jista jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta' l-istess xogħlijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dawn it-tenders ħarġu mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq, u għalhekk nitolbok tindirizza l-mistoqsija lil dak il-Ministeru.

Birgu — Sant'Anġlu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li ġie mwiegħed snin ilu fuq l-appartamenti ta' Sant'Anġlu, il-Birgu, jiġifieri l-ħolqien ta' ġnien pubbliku, tlestiex?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi għat-tweġiba li nagħtat għall-mistoqsija numru 25652 fis-seduta numru 543.

Bormla — Triq ix-Xatt

Question

Peress li ġie deċiż li jsir xogħol ta' tiswija ta' toroq f'numru ta' lokalitajiet wara l-maltempati li kellna, jista' l-Ministru jara li jsir xogħol simili fi Triq ix-Xatt, Bormla minn Dock 1 sal-Knisja ta' Santa Tereża?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Maintenance Unit tal-ADT għamlet xogħol ta’ patching bil-cold asphalt f’din it-triq immedjatament wara l-maltemp sabiex għalqet il-ħofor li rriżultaw u b’hekk tneħħa l-periklu. L-ADT ser tkun qed tevalwa l-possibilita’ li jsir ‘reinstatement’ bil-hot tarmac.

Gwardjani lokali — Numru ta' ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid u jivverifika jekk hux minnu li meta gwardjan lokali ma jagħmilx biżżejjed ċitazzjonijiet għas-sodisfazzjon ta' l-A/O jew il-kunsill lokali, dan jitneħħa u xogħolu jibda jkun għassa ma' xi sit ta' kostruzzjoni, crane jew għeluq ta' triq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-assenjar ta' Gwardjani Lokali fuq xogħol speċifiku isir mill-aġenziji rispettivi peress li din hija materja purament amministrattiva.

Kumitati konġunti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu eżattament xogħol l-uffiċjali awtorizzati mqabbda mill-Kumitati Konġunti tal-kunsilli lokali? Kemm hawn kumitati konġunti f'Malta u Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi x-xogħol ta' l-Uffiċjal Awtorizzat jinkludi: - li jokkordina x-xogħol kollu tal-Kumitat Konġunt dwar l-infurzar lokali; - li jagħti kull struzzjonijiet kif deċiż mill-Kumitat Konġunt lill-aġenzija tal-gwardjani lokali u lis-service provider tas-sistema elettronika ta' l-infurzar lokali; - li jikkordina x-xogħol kollu konness ma' l-infurzar lokali ma' entitajiet oħra bħal, l-Awtorita' dwar it-Trasport, id-Direttorat dwar Liċenzjar u Testijiet, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kunsilli Lokali eċċ; - li jattendi l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt; u - li jagħti l-kummenti tiegħu lill-Bord tal-Petizzjonijiet dwar petizzjonijiet magħmula dwar ċitazzjonijiet maħruġa mill-Gwardjani Lokali. Hemm tmien (8) Kumitati Konġunti f'Malta u wieħed (1) f'Għawdex.

Possession and use

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ir-residenti li joqogħdu fl-appartamenti li hemm fi Blocks A, B u C fi Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla jistgħux jixtru r-residenza tagħhom u jekk humiex miżmuma minħabba possession and use? Jekk dan hu l-każ (pussess u użu) jista' jsir xi ħaġa biex dawn isiru sidien ta' djarhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-appartamenti li hemm fi Blokki A, B u C fi Triq il-Pellegrinaġġ Bormla fil-fatt huma kollha mibnija fuq art li ġiet esproprjata mill-Gvern taħt titlu ta' pussess u użu. Sakemm il-Gvern ma jkunx f'pożizzjoni li jikkonverti dan it-titlu f'wieħed ta' xiri assolut dawn l-appartamenti ma jistgħux jinbiegħu mill-Gvern.