B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 320 magħmula fis-26 ta' Ottubru, 1998 u risposta mogħtija fit-18 ta' Novembru, 1998, jista' l-Ministru jispjega kif wasal li jagħti r-rati ta' dawl u ilma għal konsumaturi lil korpi kostitwiti u unions, meta ma kellux l-informazzjoni bażika mitluba fil-mistoqsija parlamentari numru 320?
Jista' l-Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 320?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Gvern, kif kien wiegħed fil-programm elettorali, raħħas sostanzjalment it-tariffi tad-dawl u ta' l-ilma. Il-Gvern wasal għal dan ir-roħs wara li ra li kien soċjalment ġust, ekonomikament vijabbli u wkoll wara konsultazzjonijiet mal-partijiet soċjali kollha.
Dan ir-roħs sar wara li l-cost production ta' unit ta' konsum ta' dawl u ta' unit ta' konsum ta' ilma eżistenti fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti servew bħala gwida fil-formulae tat-tariffi l-ġodda, u ċioe Lm1.10c kull metru kubu ta' Ilma u 4.7c kull unit ta' dawl.
Iż-Żewġ Korporazzjonijiet qed jeżaminaw diversi sistemi biex il-prezz tal-produzzjoni jkompli jonqos.
Peress illi qed jingħad illi d-deficit pubbliku għal 1998 se jkun madwar Lm170 miljun, jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi l-esperti tat-Teżor waslu għal din l-figura, meta ftit xhur ilu kienu ndikaw figura ħafna anqas?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onor Interpellant ikollu risposta dettaljata fid-diskors tal-Budget.
Peress li jidher li l-Gvern għandu arretrati ta' taxxa (Income tax) li jammontaw għal aktar minn Lm160 miljun, jista' l-Ministru jgħid kif wasal għal din il-figura?
Din il-figura tirrifletti ex officio assessments?
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jikkalkola il-Gvern li jista' attwalment u ġustament jiġbor minn dawn l-arretrati?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern Nazzjonalista bejn l-1992 u l-1996 fuq l-introduzzjoni tas-sistema DAS fid-Dipartiment tal-Gvern?
F'liema dipartiment ġiet introdotta is-sistema DAS?
Din is-sistema hija ppjanat li taħdem fuq accrual basis minflok cash basis?
Wara l-esperjenza ta' diversi snin b'din is-sistema, jaħseb il-Gvern li din hija l-aħjar sistema ta' accounting system?
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 1208?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-
Kunsilli Lokali ħareġ ċirkulari lil Kunsilli Lokali biex
tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Għaldaqstant nagħti tweġiba meta l-informazzjoni tinġabar
kollha.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' investigazzjonijiet li saru jew qegħdin isiru matul din is-sena fuq il-kunsilli lokali? Min huma l-membri tal-Bord ta' Investigazzjoni? X'kien l-eżitu ta' dawn l-investigazzjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nagħti tweġiba f'xi seduta oħra peress li l-informazzjoni
għad trid tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impurtati settijiet tat-television tal-kulur xahar b'xahar mill-1996 sa Ottubru 1998? Jista' jgħid mil-liema pajjiżi ġew impurtati?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tingħata tweġiba f`xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu dawk il-persuni li taw servizz ta' Consultancy Services lil kull kunsill lokali matul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998? Għal liema proġetti taw is-servizz tagħhom dawn il-konsulenti u kemm tħallsu għal kull proġett?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nagħti tweġiba f'xi seduta oħra peress li l-informazzjoni
għad trid tinġabar.
Bħala parti mill-kampanja ta' tindif madwar Malta, jista' l-Ministru jgħid: (a) jekk inbdietx din il-kampanja ta' tindif u x'konsultazzjoni saret mal-kunsilli lokali; (b) jekk fl-affermattiv, f'liema rħula beda jsir xi xogħol u minn min qed isir dan ix-xogħol; (c) jekk fin-negattiv xi pjanijiet hemm, u minn liema bliet u rħula għandu jinbeda x-xogħol ta' tindif?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Mill-21 sat-28 ta' Novembru 1998, ser tinżamm il-kampanja ta' kull sena 'Clean up the World', fejn id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jgħin u jikkordina inizjattivi volontari ta' tindif minn għaqdiet u individwi.
Din is-sena, il-Ministeru għall-Ambjent qed jaħseb biex, fl-istess żmien iniedi kampanja parallela ta' tindif, minn ħaddiema ta' l-istess gvern, liema tindif ikompli anki fil-ġimgħat ta' wara.
Bħalissa l-Ministeru għall-Ambjent għaddej b'laqgħat mal-Kunsilli Lokali dwar diversi materji li jolqtuhom. Fost affarijiet oħra qed jissemmew postijiet speċifiċi li jinħtieġu interventi partikolari ta' tindif.
Diġa' nbeda x-xogħol madwar Santa Margherita Lines fil-Kottonera.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti kkalkolax kemm se jammonta approssimattivament il-kontribut ta' Malta għall-Unjoni Ewropea?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Għadu kmieni wisq, f'dan l-istadju, biex wiehed jikkalkola l-kontribut ta' Malta bħala membru. Dan minħabba li wieħed irid jara kemm se jkun hemm membri ġodda filwaqt tas-sħubija ta' Malta u x'sejrin ikunu l-kriterji ta' kif jiġi kkalkulat il-kontribut ta' kull pajjiż f'dak il-mument
Peress li huwa mifhum li l-Gvern Malti bagħat xi rapport dettaljat lill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rijattivazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' Malta, jista' l-Viċi Prim Ministru jindika: a) x'inhuma l-kriterji li l-Gvern Malti poġġa quddiem bħala essenzjali għar-ristrutturazzjoni ta' l-ekonomija Maltija; b) x'inhuma l-kondizzjonijiet li l-Gvern Malti għamel dwar is-Settur Pubbliku; c) x'kienet il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar is-sussidju li l-Gvern jagħti lid-Drydocks u lil korporazzjonijiet oħra; d) x'kienet il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-monopolju mogħti lil Maltacom qabel ma ġiet parzjalment privatizzata; u e) jekk il-Gvern Malti ndikax x'jistgħu jkunu d-derogi mitluba mill-Gvern Malti fl-interess nazzjonali?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ma bagħat l-ebda rapporti lil-Kumissjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien: (a) in-numru ta' turisti li żaru Malta fl-1994, fl-1995, fl-1996, fl-1997 u fl-1998 sa Ottubru; (b) id-dħul mit-turiżmu fl-istess snin sena b'sena; (c) hemm żieda ta' sodod fil-lukandi fl-istess snin u f'liema kategorija ta' lukandi saret iż-żieda relattiva jekk kien hemm fl-istess sena?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-għadd ta' turisti li żaru Malta fis-snin imsemmija kien hekk:
1994 1,176,223
1995 1,115,971
1996 1,053,788
1997 1,111,161
1998 (sa Settembru) 941,288
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 513.
L-għadd ta' sodod fil-Lukandi fl-ewwel ta' Jannar fl-istess snin li ma jinkludix is-self catering units, kien kif jidher hawn taħt:
5* 4* 3* 2* 1* Unclassified Total
1994 1554 8393 9000 1560 507 - 21014
1995 1674 9688 8099 1836 432 - 21729
1996 1274 9688 8464 2017 372 - 21815
1997 1774 10153 8500 2377 372 - 23176
1998 2878 10179 7587 2014 240 1932 24830
Peress li l-Gvern Nazzjonalista ilu ħafna jsostni u jisħaq dwar l-għajnuna finanzjarja li Malta tirċievi mill-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (i) kemm tkun l-għajnuna finanzjarja għas-settur agrikolu u qasam tas-sajd taħt ir-regoli preżenti tal-Common Agricultural Policy; (ii) kemm tista' tkun l-assistenza finanzjarja lill-industrija Maltija in ġenerali; (iii) x'għajnuna jistgħu jirċievu t-tarznari Maltin; (iv) liema huma l-oqsma l-oħra ta' l-ekonomija Maltija u tal-ħajja soċjali li jikkwalifikaw għal xi għajnuna finanzjarja u kemm tkun tammonta din l-għajnuna?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Għalkemm huwa fatt illi l-Unjoni Ewropea tipprovdi għajnuna finanzjarja sostanzjali lill-membri tagħha f'diversi oqsma permezz tal-fondi strutturali u 'cohesion funds', l-għajnuna f'kull settur tingħata abbażi ta' proġetti li jiġu sottomessi mill-pajjiżi membri għal dan il-għan. Għalhekk mhux possibbli li wiehed jagħti informazzjoni dettaljata dwar tali għajnuna li Malta tkun tista' tirċievi meta ssir membru ta' l-Unjoni. Li jistgħa jingħad b'ċertezza huwa li l-iskop ta' dawn il-fondi huwa jsit titjib ġenerali fis-setturi konċernati b' mod li jiġu avviċinati il-livelli ekonomiċi u soċjali medji fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-fondi jinkludu għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta' diversi ażjendi sabiex tiżdied il-vijabbilita' tagħhom bil-għan li jsiru aktar kompetittivi.
Peress li l-Unjoni Ewropea qed topponi bi sħiħ għat-twaqqif u eżistenza ta' hekk msejjha "low tax zones" fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jindika x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti vis-a-vis r-raġuni fiskali preżenti li joffru tax credits sostanzjali lill-kumpaniji barranin u offshore li joperaw minn Malta?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex beħsiebu li jżomm u jsaħħaħ dan ir-reġim fiskali jew inkella hux dispost li jillimita kemm-il darba jiġi mġiegħel jagħmel dan mill-Unjoni Ewropea?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Il-konformita' tar-reġim fiskali f'Malta mal-linji ta' gwida li għadhom kif tfasslu mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-materja imsemmija mill-Onorevoli Interpellant għad trid tiġi evalwata mill-Gvern. Kull tibdil li jirriżulta li jkun megħtieġ fir-reġim fiskalifż Malta biex dan jiġi armoniżżat fuq medda ta' żmien adegwat mal-obbligi tal-Unjoni Ewropea jiġi ttrattat fil-qafas tad-diskussjonijiet għas-sħubija.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern rigward il-proċess ta riċiklaġġ ta' skart? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi negozjati ma' investituri privati li huma interessati li jgħinu f'dan il-proċess?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-pjani tal-Gvern huma li jiġi riċiklat l-iskart organiku permess tas-sistema tal-'composting' u li jiġu rkuprati l-frazzjonijiet l-oħra li huma utli għal sistema oħra tar-riċiklaġġ.
Qegħdin jiġu kkunsidrati proposti li nirċievu minn investituri privati.