Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14068 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Interim From: CHARLES MANGION To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Kunsilli Lokali — Qormi

Question

Peress li l-kunsill lokali ta' Ħal Qormi uża fondi pubbliċi biex alloka kuntratt ta' computing, u peress li jidher li l-ebda tender pubblika ma saret mill-istess kunsill, jista' l-Ministru jinvestiga biex jara jekk il-proċeduri finanzjarji u l-proċeduri normali ġewx esegwiti u jekk le, dan il-proċess jitwaqqaf?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f`seduta oħra.

Kunsilli Lokali — Fondi

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' l-allokazzjoni tal-fondi lill-kunsilli lokali għas-snin 1999 u 2000?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi ghat-Tweġiba li tajt ghal-mistoqsija Nru. 13719.

Qormi — Tiswija ta' toroq

Question

Peress li x-xogħol waqaf ħesrem b'inkonvenjent kbir għar-residenti, jista' l-Ministru jgħid meta se jitlestew dawn it-toroq, ċioe': (a) Triq Amleto Spiteri; u (b) Triq il-Ħabbież ġo Ħal Qormi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dawn it-toroq waqaf ix-xogħol fihom peress li nstab li kienu mibnija fuq il-ħamrija u jridu jsiru preparamenti biex din il-ħamrija titneħħa. Ix-xogħol qiegħed isir mill-Kunsill Lokali.

Luqa — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa l-ħsieb tal-gvern li jimplimenta l-proġett tal-kontroll ta' l-ilma tax-xita ġo Wied il-Knejjes, Triq il-Karmelo, Ħal-Luqa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dan hu proġett tal-Kunsill Lokali u l-Onor. Interpellant mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu l-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li xogħol fuq Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, se jitkompla u jista' jgħid meta se jkun lest?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kuntratt biex isir dan ix-xogħol li kien ħareġ is-sena l-oħra issa ngħata u d-Dipartiment tal-Kuntratti qiegħed jieħu passi biex joħroġ il-'letter of acceptance'.

Ministeru tal-Ġustizzja — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent għandu ngaġġat mal-Ministeru tiegħu u kemm jitħallsu dawn il-konsulenti individwalment?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li fil-Ministeru kollu tal-Gustizzja u Gvern Lokali jinghata servizz minn tlett konsulenti li huma: 1) L-Avukat Anthony Cutajar li ġi ngaġġat fid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, f`Mejju ta` din is-sena. Ir-remunerazzjoni ta` Dr Cutajar hi ta` LM100 fix-xahar plus VAT. Dr Cutajar qed jassisti d-dipartiment billi l-persuna li qabel kienet taghti l-pariri Legali ġiet trasferita f`dipartiment ieħor fuq talba taghhom. 2) L-Avukat Victor Borg Grech, li ġie ngaġġat bħala konsulent legali fil-Qorti f`Mejju tal-1996. Ir-remunerazzjoni ta` Dr Victor Borg Grech hi ta` LM100 fix-xahar u hi VAT Exempt. 3) L-Inginier Joseph Muscat, li ġie ngaġġat bħala konsulent tekniku fil-Qorti f`Settembru tal-1996. Ir-remunerazzjoni tas-Sur Muscat hi LM100 fix-xahar plus VAT. Oltre dawn il-konsulenti, il-Ministeru ghandu wkoll is-servizzi tas-Sur Maurice Caruana bħala Advisor fid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali. Is-Sur Caruana ġie ngaġġat b`effett mis-27 ta` Ottubru 1997 u r-remunerazzjoni tieghu hi dik ta` LM5,000 fis-sena.
Leg 9 PQ #12062 Sitting 210 1999-12-15 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Luqa - Tarxien Road

Question

Jista' l-Ministru jassigurana li l-provvista ta' l-ilma f'Tarxien Road, Luqa, tkun mingħajr sadid?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment ta` l-Onorevoli Interpellant gie mghoddi lill-Korporazzjoni ghas-Servizzi ta` l-Ilma sabiex jigi investigat u jekk ikun il-kaz jittiehdu l-passi mehtiega.

Kunsilli Lokali — Poteri

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-poteri u r-responsabbiltajiet ġodda delegati lill-kunsilli lokali matul l-1999?

Response (GATT, AUSTIN)

Responsabbilitajiet ġodda li ġew delegati lill-Kunsilli Lokali matul din is-sena jinkludu: . Ftehim mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma fir-rigward tal-final road re-instatement wara tiswijiet fit-toroq. . Ftehim mad-Dipartiment tal-Libreriji biex il-Kunsilli Lokali jmexxu huma l-ftuh tal-librerija fil-lokal tagħhom. . Id-Devoluzzjoni Lokali ta` propjeta pubblika li tista` tintuża ahjar. . Skema mal-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Tahriġ(ETC) ta` xogħol fil-komunita` għal dawk li jirregistraw għax-xogħol. Matul din is-sena bdew ukoll diskussjonijiet intensivi għall-introduzzjoni ta` delegi oħra bħall-infurzar ta` ċertu liġijiet bl-introduzzjoni tal-Gwardjani u Tribunali Lokali,kif ukoll il-bdil ta` bozoz maħruqa mal-Korporazzjoni Enemalta u l-ġbir ta` ċertu liċenzji oħra mill-Kunsilli Lokali.

Imqabba — Għoti ta' l-Onorifiċenzi

Question

Peress li nqalgħu kwestjonijiet dwar il-ġemellaġġ ta' Mqabba ma' Ferrara, fir-rigward ta' l-għoti ta' l-Onorifiċenzi u l-Ministru ġie mitlub jindaga fuq il-każ, jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-investigazzjoni, jekk saret?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena infurmat li meta d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali indaga fuq il-kaz irrizulta li l-ġemellaġġ li ghalih qed issir referenza kien sar bejn Każin tal-Banda fl-Mqabba u iehor fl-Italja u mhux bejn il-Kunsilli Lokali koncernati. Avveniment kulturali li gie nkoraggut mill-Kunsill. Ghaldaqstant ma kienx hemm lok ta` investigazzjoni.

Kunsilli Lokali — Ftehim mal-WSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-kunsilli lokali li aċċettaw l-arranġament li għamel id-Dipartiment tal-Kunsilli u l-Water Services Corporation?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-`Model Agreement` mal-Korporazzjoni ghas-servizzi ta` l-ilma ġie iffirmat bejn il-Korporazzjoni u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali wara konsultazzjonijiet li saru mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali. Ghaldaqstant dan l-arranġament ġie aċċettat mill-Kunsilli Lokali kollha tramite l-Assoċjazzjoni taghhom. Jekk l-Onorevoli Membru qed jistaqsi kemm kienu l-Kunsilli Lokali li iffirmaw il-ftehim, s`issa l-ebda Kunsill ma ffirma ghalkemm partijiet mil-ftehim diġa qed jitħaddem u xi patching qed isir fuq ir-rati li ġew stabbiliti fil-ftehim. Irid jinghad ukoll li hemm xi Kunsilli li qed jiddiskutu mal-Korporazzjoni biex dan il-ftehim jiġi ffirmat ma` gruppi ta` Kunsilli Lokali, kif se jsir ghat-Tribunali Lokali, ħalli jintlaħaq iktar l-iskop ta` `value for money`.
Leg 9 PQ #10751 Sitting 178 1999-11-10 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Promozzjonijiet

Question

B'riferenza għat-tweġiba parlamentari għall-mistoqsija parlamentari numru 10043, jista' l-Prim Ministru jgħid fejn ġew impjegati n-numru ta' 918 fl-1998 u 821 bejn Jannar u Settembru, 1999? Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni huma bil-kuntratt u kemm bl-approvazzjoni tal-Public Service Commission?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra żewġ skedi li juru fejn ġew impjegati d-918 reklutati mal-Gvern fl-1998, u t-821 li daħlu bejn Jannar u Settembru 1999. Dawn l-iskedi jinkludu dawk l-impjegati li daħlu bl-approvazzjoni tal-Public Service Commission, jew tal-Board of Local Examinations, iżda ma jinkludux persuni li huma bil-kuntratt.
Leg 9 PQ #11057 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 10751?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar.
Leg 9 PQ #10730 Sitting 170 1999-11-02 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Konsulenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il konsulent għandha ngaġġati mal-Ministeru tagħha u kemm jitħallsu dawn il-konsulenti individwalment?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ħlief il-konsulenti fid-dixxiplini varji li qegħdin iservu fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex il-Ministeru għal Għawdex m'għandu l-ebda konsulent ieħor ingaġġat miegħu.
Leg 9 PQ #10751 Sitting 170 1999-11-02 Oral · Interim From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Promozzjonijiet

Question

B'riferenza għat-tweġiba parlamentari għall-mistoqsija parlamentari numru 10043, jista' l-Prim Ministru jgħid fejn ġew impjegati n-numru ta' 918 fl-1998 u 821 bejn Jannar u Settembru, 1999? Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni huma bil-kuntratt u kemm bl-approvazzjoni tal-Public Service Commission?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #10789 Sitting 170 1999-11-02 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent għandu ngaġġat mal-Ministeru tiegħu u kemm jitħallsu dawn il-konsulenti individwalment?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m`hemm l-ebda konsulent ingaġġat mal-Ministeru ta` l-Intern.

Department of Family Welfare

Question

Peress li informazzjoni li jkollu d-dipartiment dwar familji hija ta' natura konfidenzjali, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif id-dipartiment mingħajr konsultazzjoni ma' individwi konċernati jgħaddi informazzjoni konfidenzjali lil terzi, biex dawn it-terzi jikkuntattjaw lil dawn l-individwi jew familji biex jiġbru informazzjoni konfidenzjali? Speciemen ta' ittra mibgħuta lill-individwu qed tintbagħat separatament.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-każ li għalih qed jagħmel referenza l-Onor. Membru huwa każ ta' studentessa Universitarja li qed issegwi kors ta' B.A.(Hons.) fis-"Social Work" u li kienet dettaljata mill-Universita' sabiex tagħmel il-"practicum" tagħha mad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja. F'dan ir-rigward l-istudentessa kien jinħtiġilha tintervista numru ta' familji li kienu addottaw. Irrid ngħid li meta d-Dipartiment avviċina lil dawn il-familji: (i) għamilha ċara li min ma riedx jiġi ntervistat dan setgħa jagħmlu liberament; (ii) għamilha ċara wkoll li kwalunkwe nformazzjoni li setgħet tingħata kellha tiġi ttrattata b'mod kunfidenzjali.
Leg 9 PQ #10828 Sitting 170 1999-11-02 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Tindif

Question

Peress li xhur ilu kienet ħarġet call for tender għat-tindif ta' l-Isptar San Luqa, jista' l-Ministru jgħid jekk din ġietx magħżula? Jekk le, min qed jesegwixxi t-tindif u jekk dan hux qed isir b'direct order lill-privat jew jekk hux mill-ħaddiema tal-Gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

1. L-ebda offerta ma ġiet magħżula wara s-sejħa għall-offerti. 2. Ix-xogħol ta` tindif illum qed isir mid-ditta Salamander Janitor Services Ltd. b'estensjoni fuq il-kuntratt oriġinali li l-istess kumpanija kellha. L-impjegati ta` l-oħra baqgħu jagħmlu xogħol ieħor ta` tindif f'dawk l-'areas' li ma kienux parti mill-kuntratt oriġinali.
Leg 9 PQ #10829 Sitting 170 1999-11-02 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

EU — Financial Protocolls

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' l-għajnuna finanzjarja li Malta ngħatat u utilizzat taħt il-Financial Protocolls li Malta kellha ma' l-EU mill-1987 sa l-1996?

Response (BORG, JOE)

Fil-perjodu bejn il-1987 sal-1996 Malta rċeviet is-segwenti għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropeja. It-Tieni Protokoll Finanzjarju (1983-1988) kien jipprovdi għal 29.5 MECU għajnuna finanzjarja għal Malta. Minn dawn il-flus kien hemm 10.5 MECU bħala 'grants', 16 MECU bħala self tal-Bank ta' l-Investiment Ewropew (EIB) u 3 MECU bħala 'soft loan'. L-element tal-'grants' intuża kif ġej: - 2.4 MECU għall-industrija tat-turiżmu - 3.1 MECU għall-infrastruttura - 4.5 MECU għall-edukazzjoni u t-titjib ta' l-'istandards' teknici - 0.5 MECU għall-koperazzjoni amministrattiva u studji ekonomiċi. Is-self ta' l-EIB (16 MECU) intefaq fit-terminal il-ġdid fl-ajruport ta' Hal-Luqa waqt li s-'soft loan' (3 MECU) mar għall-proġett ta' l-impjant tar-riċiklaġġ. It-Tielet Protokoll Finanzjarju (1988-1993) kien fih 38 MECU li minnhom 23 MECU kienu taħt forma ta' self mil-Bank ta' l-Investiment Ewropew (EIB), 2.5 MECU Risk Capital u 12.5 MECU 'grants'. Is-self ta' l-EIB intefaq kif ġej: - 10 MECU fl-impjant ta' 'desalination' ta' Pembroke - 7 MECU għal diversi proġetti tad-dranaġġ - 6 MECU għal xiri ta' makkinarju fil-qasam tat-traffiku ta' l-ajru. Ir-'Risk Capital' mar għal 'equity' u 'joint venture projects' fil-qasam ta' l-industrija u t-turiżmu. L-allokazzjoni tal-'grants' (12.5 MECU) intefqu kif ġej: - 2 MECU biex jitħallsu l-interessi fuq is-self tal-Bank ta' l-Investiment Ewropew (EIB) - 2.4 MECU għall-proġett fuq il-ħarsien tal-kosta Maltija mit-tniġġiż taż-żejt - 4.2 MECU għall-proġetti fl-oqsma tas-saħħa u telemomunikazzjoni - xiri ta' makkinarju u taħriġ. 2 MECU minn dan l-ammont li kienu allokati għall-proġett tas-sistema tat-telefon fil-Belt Valletta ma ġewx utiliżżati - 2.2 MECU fi proġett li jinkludi xiri ta' makkinarju u taħriġ għall-laboratorju ta' l-istandards - 1.7 MECU fi proġetti u studji varji li l-għan tagħhom kien li jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi bejn iż-żewġ naħat Ir-Raba Protokoll Finanzjarju (1995-1999) Dan gie iffinalizzat fl-1996 u kien jinkludi 13 MECU bhala 'grants', 2 MECU bhala 'risk capital' u 30 MECU f'self mill-EIB. Wara t-tibdil tal-Gvern,fl-1996 il- programm indikattiv kellu jigi rivedut. Il-Progetti ta' dan il-Protokoll li qegħdin jigu implimentati bhalissa jinkludu 3 miljuni Euro fi Progetti varji: koperazzjoni fil- qasam ta' l-istatistika, boroz ta'studju u assistenza teknika f'diversi oqsma ta' l-ekonomija. Għadu kif gie ffirmat ukoll ftehim bejn l-EIB u bank Malti biex jigu utilizzati ir-'risk capital' li jammonta għal 2 miljuni Euro.
Leg 9 PQ #10724 Sitting 169 1999-11-02 Oral · Interim From: CHARLES MANGION To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Ministeru tal-Ġustizzja — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent għandu ngaġġat mal-Ministeru tiegħu u kemm jitħallsu dawn il-konsulenti individwalment?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f`xi seduta ohra peress li l-informazzjoni mitluba ghadha qed tinġabar.
Leg 9 PQ #10725 Sitting 169 1999-11-02 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent għandu ngaġġat mal-Ministeru tiegħu u kemm jitħallsu dawn il-konsulenti individwalment?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma hemm ebda konsulent ingaġġat mal-Ministeru għall-Ambjent.