Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skema “Investment Aid”

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aktar tagħrif dwar l-iskema Investment Aid u jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw minn din l-iskema?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-iskema tal-Investment Aid Tax Credits 2014 - 2020, il-kreditu ta' taxxa mogħti taħt dan inċentiv huwa ddikjarat fit-tax return tas-sena ta' wara li l-investiment ikun sar. F'dan ir-rigward, iċ-ċifri tal-2014 jiġu kkompilati fl-2016, filwaqt li iċ-ċifri tal-2015 jiġu kkompilati fl-2017.

Skema “Soft Loan”

Question

Jista’ l-Ministru jagħti iktar tagħrif dwar l-iskema Soft Loan u jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw minn din l-iskema?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-iskema tas-Soft Loans, 7 impriżi (5 zgħar u medji; 2 kbar) bbenifikaw fl-2014 u 4 impriżi zgħar u medji bbenifikaw fl-2015. Fl-2014 l-għajnuna finanzjarja ammontat għal €9,135,000 li minnhom €6,335,000 ingħataw lil kumpaniji zgħar u medji; waqt li fl-2015 l-għajnuna finanzjarja ammontat għal €5,363,750.

WI-FI access points

Question

Jista’ l-Ministru jagħti update ta’ numru ta’ WI-FI access points ġewwa Malta?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ WiFi Points li kien hemm f’Diċembru kienu 190. Bħalissa t-total ta’WiFi Points huwa ta’225. Huwa ppjanat li sal-aħħar tas-sajf in-numru ta’ WiFi Points jitla għal bejn 300 – 350.

Kompjuters tal-gvern — upgraded

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kompjuters tal-gvern ġew upgraded għall-Windows 10?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lil Onorevoli interpellant li l-MITA wetqet 51 ‘Operating System upgrades' għall-Windows 10. Dan in-numru huwa żgħir minħabba li bħalissa għaddej process ta’ piloting tal-Windows 10 f’ dipartimenti differenti. Għaddejja inizjattiva oħra sabiex aktar applikazjonijiet ikunu ‘compatible’ mall-Windows 10 u għalhekk in-numru tal-kompjuters bil-Windows 10 ikunu jistaw jiżdiedu. Il-pjan hu li aktar kompjuters ġodda u dawk li jiġu reformatted jibdew isiru bil-Windows 10 sabiex il-kompjuters bil-Windows 10 fil-Ġvern jiżdiedu bil-mod mingħajr ma jinħoloq inkonvenjent għall-utenti. Apparti dawn l-fiġuri, bejn -2014 u l-2015 il-MITA wetqet ‘Operating System upgrades' fuq diversi komputers tal-Gvern: · Fl 2015, twettqu 2,203 software upgrade għall-Windows 8.1, 15 għall-Windows 10 · Fl 2016 (sa 7 ta’ Marzu 2016) twettqu, 720 upgrades għall-Windows 8.1, 36 għall- Windows 10 Dawn il-fiġuri jeskludu compjuter upgrades fl-iskejjel.

Arts Council Malta — festivals

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’festivals hemm ippjanati mill-Arts Council Malta, għal din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

F’dawn l-aħħar snin ġew implimentati diversi programmi artisticinu kulturali li pproduċew riżultati sinifikattivi. L-iskala u l-impatt soċjali ta' dawn il-programmi qed jattiraw ħafna attenzjoni pożittiva. Il-kunċett ta’ “festivals” kien seminali fil-proċess ta' implimentazzjoni ta' din l-iskema kulturali. Il-Kunsill Malti għall- Arti imbarka fuq pjan strateġiku ta' ħames snin (2016 - 2020) u ser jiġi żgurat li l-festivals jkun fiċ-ċentru tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' aġenziji u organizzazzjonijiet kulturali barranin. Il-Festivals jipprovdu opportunita’ ta’ parteċipazzjoni lill-pubbliku filwaqt li jservu ta’ beneficċju għall-kommunita’. Nistgħu nidentifikaw ħames benefiċcji prinċipali: il-Festivals jagħtu lis-soċjeta’ sens ta’ identita’ filwaqt li jiċċelebraw it-tradizzjoni u joħolqu sens ta’ inklużjoni. Barra minn hekk, il-Festivals joħolqu sens ta’ kburija nazzjonali fejn kull persuna tħossha membru sħiħ taċ-ċittadinanza ta’ pajjiżha. Il-Festivals iservu wkoll biex jirriġeneraw il-lokalitajiet fejn jittellgħu u u jsaħħu s-sens komunitarju. Finalment, il-Festivals joffru pjattaforma lill-artisti biex jesponu x-xogħol tagħhom filwaqt li joħolqu interazzjoni bejnhom u l-udjenzi tagħhom. Dawn l-attivitajiet kulturali joffru spazji li fihom isseħħ interazzjoni kreattiva bejn l-artisti lokali u dawk internazzjonali. Rwol ieħor importanti tal-Festivals huwa li jistimula lill-udjenzi u jimmottivahom biex jipparteċipaw. Huwa ppruvat li attivitajiet bħall-Festivals mhux biss għandhom valur ta’ rikreazzjoni iżda jservu wkoll biex jipprovdu opportunitajiet u benefiċcji soċjali u ekonomiċi, filwaqt li joħolqu inċentivi soċjali u kapital kulturali. Għal din is-sena, il-Kunsill Malti għall-Arti għandu ppjant il-festivals li ġejjin: · Għanafest World Music Festival 10 - 12 ta’ Ġunju · Malta International Arts Festival 8 – 18 ta’ Lulju · Jazz Festival 21 – 23 ta’ Lulju · Kunċert Rock 29 ta’ Lulju · Karnival tas- Sajf dati għad iridu jiġu mħabbra · Notte Bianca 1 ta’ Ottubru · The Three Palaces Music Festival 4– 13 ta’ Novembru Din is-sena, il-Malta International Arts Festival flimkien mal-Għanafest, il-Jazz Festival u n-Notte Bianca, kollha organizzati mill-Kunsill Malti għall-Arti ġew onorati bl-EFFE label 2015-2016.

PBS u l-Università ta’ Malta — dokumentarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu d-dokumentarji li saru b’kollaborazzjoni bejn il-PBS u l-Università ta’ Malta? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex ippjanat li jkun hemm aktar dokumentarji ta’ din ix-xorta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li b’riżultat ta’ ftehim li ntlaħaq bejn il-PBS u l-Universita’ ta’ Malta, ġie żviluppat l-ewwel dokumentarju minn serje, LAB TO LIFE bil-għan li tingħata attenzjoni lill-proġetti ta’ riċerka mill-aqwa li bħalissa qegħdin isiru fid-diversi dipartimenti tal-Universita’. L-ewwel dokumentarju fis-serje, jiffoka fuq it-Talassemija. Barra dan id-dokumentarju, diġa’ bdew jinħadmu tliet dokumentarji oħra.

Taħrig ta’ membri tal-Ġudikatura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kollaborazzjonijiet li jeżistu ma’ entitajiet internazzjonali għat-taħriġ ta’ membri tal-Ġudikatura?

Response (BONNICI, OWEN)

Fit-18 ta' Frar ta' din is-sena, ġie inawgurat il-bidu tal-proġett propost mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u l-Ambaxxata tal-Irlanda f'Malta, intitolat "Improve Quality of Prosecution and Protection of Victims of Trafficking through the Justice System in the Republic of Malta”Il-Gvern ta' Malta huwa ddeterminat li jieħu l-miżuri kollha kontra t-traffikar tal-persuni u fil-fatt kien hemm progress notevoli fl-indirizzar tal-kwistjoni tat-traffikar tal-bnedmin billi ttieħdu passi prekawzjonarji kontra t-traffikar sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-identifkazzjoni tal-vittimi tat-traffikar u jiġu implimentati miżuri ta' protezzjoni għal dawk identifikati. F'dan ir-rigward, nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja l-Gvern Irlandiż, b'mod aktar speċifiku l-Ambaxxata tal-Irlanda f'Malta għall-inizjattiva meħuda flimkien mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni li jimpenjaw ruħhom li janalizzaw il-ħtiġijiet tas-sistema ġudizzjarja u taħriġ ipprovdut lill-imħallfin u l-prosekuzzjoni. It-titjib tar-rati tal-prosekuzzjoni u ż-żieda fin-numru ta' każijiet identifikati ta' traffikar mis-sistema ġudizzjarja Maltija huma wħud mill-riżultati mistennija. Dawn ir-riżultati ser jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ġustizzja ugwali u ġusta għall-benefiċċju tas-soċjetà Maltija u se tkompli tissolidifika l-impenn tal-Gvern u tal-IOM fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem għas-snin li ġejjin.

Belt Valletta — Attivitajiet tal-lejliet l-ewwel tas-sena - attendenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-attendenza għall-attivitajiet imtella’ fil-Belt Valletta f’Lejliet l-Ewwel tas-Sena, mis-sena 2011 sal-2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li dawn l-attivitajiet ta’ għeluq tas-sena, li issa saru mistennija ferm mill-poplu Malti, jiġu organizzati b’kooperazzjoni bejn id-dekasteru tiegħi, il-Ministru għat-Turiżmu, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Fondazzjoni Valletta 2018 u G7 Events u jinkludu diversi avvenimenti fosthom kunċerti minn artisti lokali u anke kunċert mill-Orkestra Nazzjonali. Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni Valletta 2018 illi rekords ta’ dawn l-attivitajiet bdew jinżammu mill-Fondazzjoni mis-sena 2013. Jidher minn dawn ir-rekords li l-popolarita’ ta’ dawn l-attivitajiet żdiedet minn sena għall-oħra. Fil-fatt, għalkemm numri preċiżi ta’ attendenza huma diffiċili biex jinġabru, fl-2013 hu kkalkolat li kien hemm attendenza ta’ 40,000 persuna u fl- 2014 kien hemm attendenza ta’ 50,000 persuna. L-aħħar edizzjoni ta’ dawn l-attivitajiet mhux talli żammet l-istess udjenzi iżda żdiedet b’mod sostanzjali u qabżet l-aspettativi li kellna aħna u laħqet is-70,000 persuna. Minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li taw semmhom biex il-Belt Valletta issir kalamita għall-attivitajiet li jagħtu spinta lill-ekonomija tal-belt kapitali tagħna fix-xhur tax-xitwa.

Heritage Malta u l-Università ta’ Malta – memorandum of understanding

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar il-Memorandum of Understanding iffirmat bejn Heritage Malta u l-Università ta’ Malta u x’benefiċċji se jkunu qed igawdu minnhom iż-żewġ istituzzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li permezz tal-Memorandum of Understanding bejn Heritage Malta u l-Università ta’ Malta iż-żewġ istituzzjonijiet se jkunu jistgħu jibbenefikaw b’mod reċiproku mir-riżorsi tekniċi, akkademiċi u umani rispettivi tagħhom, speċjalment fid-Diviżjoni tal-Konservazzjoni ta’ Heritage Malta u fil-laboratorji tal-Fakulta tal-Ambjent Mibni, fid-Dipartiment tal-Inġinerija tal-Metallurġija u l-Materjali, u fid-Dipartiment tal-Kimika tal-Università. Il-ftehim jistabbilixxi wkoll qafas sabiex jiġi pprovdut tagħlim u servizzi ta’ żvilupp professjonali, kif ukoll użu reċiproku tar-riżorsi fil-libreriji rispettivi.

Containers li għaddew minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żidiet jew tnaqqis fin-numru ta’ containers li għaddew minn Malta bejn l-2014 u l-2015?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta Freeport Corporation Ltd tikkonferma li bejn l-2014 u l-2015 kien hemm żieda fin-numru ta' containers li għaddew minn Malta.

Heritage Malta – proġetti kapitali

Question

Jista’ jgħid xi proġetti kapitali Heritage Malta għandha ppjanati għax-xhur li ġejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għal din is-sena Heritage Malta (HM) qed taħdem fuq dawn il-proġetti: Fondi Nazzjonali (Vot Kapitali) · Tkomplija tar-restawr tal-faċċati u t-turretti, u titjib estensiv fil-faċilitajiet tas-sala tal-Mużew Marittimu fil-Birgu. · Tibdil tas-saqaf tal-asbestos u restawr tal-faċċati u l-aperturi tal-bitħa interna tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. · Tkomplija tax-xogħol ta’ restwar tal-bitħa principali, u sala ġdida għall-wirja permanenti fil-Palazz tal-Inkwizitur. · Xogħol estensiv ta’ restawr fil-volti li jagħtu għall-bitħa prinċipali kif ukoll fil-bitħa sekondarja tal-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali (Palazz Vilhena). · Tisħiħ tas-sistemi ta’ sigurta fit-tempji ta’ Ħal Tarxien, l-Imnajdra u Ħaġar Qim, fejn se jiġi nstallat ukoll ‘environmental monitoring station’ ġdid. · Xogħol ta’ tisbiħ fit-Tempji ta’ Ħal Tarxien, il-Katakombi ta’ San Pawl, il-Forti Sant Anġlu u Sant Iermu bħala tkomplija u tisħiħ tal-proġetti ko-finanzjati mill-ERDF. Proġetti tal-UE · Fil-frattemp, HM qed taħdem fuq tliet proġetti possibbilment ko-finanzjati mill-ERDF, li jiswew madwar €5 miljun kull wieħed. Dawn huma MUŻA (Mużew tal-Arti fil-Berġa tal-Italja), il-Mużew t’Għawdex (flimkien mal-MGOZ), u l-proġett tal-Palazz tal-Gran Mastru (flimkien mad-Direttorat tar-Restawr). · Tkomplija tal-bdil tas-servizzi infrastrutturali fl-Ipoġew (madwar €1 miljun ko-finanzjat mill-fondi Norveġizi – EEA). Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha involuti għal hidma kontinwa li Heritage Malta qedgha tagħmel biex inkomplu nippreservaw u nippromwovu l-wirt kulturali ta’ pajjiżna, sabiex b’hekk jkun aktar aċċessibli għall-udjenzi varji.

Baroque Festival

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-attendenza għall-Baroque Festival tal-2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-raba’ edizzjoni tal-International Baroque Festival kienet tikonsisti f’ġimagħtejn ta' mużika sabiħa bejn is-16 u t-30 ta’ Jannar u inkluda 25-il avvenimenti f'disa' postijiet differenti madwar il-Belt Valletta. L-attendenza totali għall-Baroque Festival 2016 kienet ta’ 6753. Prodott u ġestit mit-Teatru Manoel il-Festival kull ma jmur qed jiżdied fil-popolarita’ tiegħu u issa jattira appoġġ lokali b'saħħitu u udjenzi internazzjonali. Artisti lokali li pparteċipaw f’din l-edizzjoni tal- Baroque Festival jinkludu Joanne Camilleri, il-Orkestra Filarmonika ta' Malta u Vibe (Valletta International Baroque Ensemble). Il-festival kellu wkoll avvenimenti iddisinjati speċifikament għat-tfal bħal treasure hunt fit-Teatru Manoel nniffsu.

Organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-kultura – fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żieda fl-ammont ta’ fondi allokati biex jingħataw lill-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-kultura, u jekk iva, kemm kien dan l-ammont?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għal din il-mistoqsija parlamentari għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Nies li żaru siti storiċi u mużewijiet ta’ Heritage Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm persuni żaru siti storiċi u mużewijiet ta’ Heritage Malta fl-open days li ġew organizzati fl-2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s’issa din is-sena Heritage Malta organizzat żewġ open days. L-ewwel waħda kienet fil-31 ta’ Jannar fl-okkażjoni tal-Ġimgħa tas-Servizz Pubbliku. Dakinhar is-siti u l-mużewijiet kollha (minbarra l-Ipoġew) f’Malta u Ghawdex kienu miftuħin għall-pubbliku mingħajr ħlas, u attendew 12,227 viżitatur. It-tieni okkazjoni kienet fit-28 ta’ Marzu, fl-okkazjoni tal-450 sena tat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-Belt Valletta, meta l-mużewijiet kollha tal-Belt kienu miftuħa mingħajr ħlas. Dakinhar attendew 6,212 viżitatur.

Heritage Malta — donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw donazzjonijiet lil Heritage Malta f’dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li f’dawn l-ahhar sitt xhur (minn Novembru 2015 sa April 2016) Heritage Malta irceviet 65 donazzjoni. Detallji dwar dawn id-donazzjoniiet qegħdin jitqedgħu fuq il-Mejda tal-Kamra.