Effetti biex il-kawżi jitħaffu iktar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’effett kien hemm biex il-kawżi jitħaffu aktar?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li sabiex jitħaffu iktar il-kawżi, tħejjew numru ta’ inizjattivi sabiex tiżdied l-effiċjenza tul il-proċess ġudizzarju kollu. Uhud minn huma dawn li gej:
Reviżjoni ta’ leġislazzjoni u leġislazzjoni ġdida li għinet sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-qrati:
1: Ir-riforma fil-liġi tad-droga, li wasslet sabiex vittma tad-droga tiġi trattata bħala persuna li għandha bżonn il-kura u mhux bħala kriminal. Din il-liġi wasslet ukoll sabiex numru ta’ kawżi li qabel kienu jitressqu mill-ewwel il-Qorti, issa jiġu referuti għal Bord apposta li jassisti sabiex tingħata kura.
2: L-implimentazzjoni tal-
plea bargaining
fil-qrati kriminali kollha - din l-emenda tagħti l-possibilita` lill-akkużat li jammetti l-ħtija, sabiex jintlaħaq ftehim mal-prosekuzzjoni dwar il-piena. Din wasslet sabiex jiqsaru l-proċeduri fil-Qrati Kriminali.
3: Fi Frar tal-2016, iddaħħlu numru ta’ emendi fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili imsejsa fuq il- proposti tal-Kummisjoni tar-Riforma Ħolistika. Dawn il-miżuri huma kollha intiżi sabiex iżidu l-effiċjenza tal-Qrati Ċivili billi:
- żiedu l-kompetenza tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar (għal €5,000) u tal-Qorti tal-Maġistrati, Sede Ċivili (għal €15,000);
- Iffaċċilitaw in-notifiki tal-atti ġudizzjarji mingħajr il-bżonn tal-awtorizzazzjoni tal-Qorti fil-każ li notifika ma tiġix effettwata b’suċċess;
- Tawtorizza l-Qorti tal-Appelli sabiex tikkoreġi atti ġiudizzjarji mingħajr il-bżonn li dawn jintbagħtu lura fil-Qorti tal-Prim’Istanza;
- Tawtorizza wkoll il-Qrati tal-Appell sabiex iħaffu l-proċeduri fil-konfront ta’ kawżi li huma frivoli, kif ukoll iħaffu dawk il-kawżi li fihom, b’mod volontarju u bil-miktub, jiddeċiedu li jillimitaw it-talbiet u l-kontro talbiet tagħhom;
- Tiffaċilita l-proċess ta’ interdizzjoni;
- Introduċiet il-kunċett ta’
ex-tempore judgements
fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar.
Implimentazzjoni ta’ numru ta’ miżuri teknoloġici:
L-informatika hija għodda importanti sabiex tiffaċilita l-ispeditezza tul il-proċess ġudizzjarju u tiftaħ l-aċċess għall-ġustizzja lill-prattikanti u lill-klijenti varji tal-Qorti. Uħud mill-miżuri implimentati huma:
- Notifika bl-SMS lill-avukati meta l-kawża tiġi differita;
-
E-mails
lill-avukati bid-digrieti tal-Qrati Ċivili kif ukoll bix-xhieda miktuba (traskritta);
-
E-filing
tal-applikazzjonijiet tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar u tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva kif ukoll l-Appelli minn dawn id-deċiżjonijiet;
- Aċċess
online
għall-avukati tal-atti, mandati u informazzjoni dwar il-kawżi ċivili li jkunu qed iservu fihom;
- Aċċess
online
għaċ-ċittadini sabiex jaraw l-atti relatati mal-kawżi ċivili tagħhom;
- It-thejjija ta’ reġistru elettroniku dwar il-mandati li jiġu terminati. B’dan ir-reġistru, mhux biss il-proċess sabiex mandat jiġi terminat sar ħafna iktar sempliċi, iżda wkoll wassal sabiex jonqsu l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura. Fejn qabel terminazzjoni ta’ mandat kienet tiswa madwar €1,500, wara l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura, l-ispiża saret ta’ €50 biss;
- Sistema li biha ċ-ċittadin jista’ jħallas multi u ammendi
online
mingħajr ma għandu għalfejn jersaq lejn il-Qorti;
- Miżura oħra li ġiet implimentata fl-2016, tippermetti l-avukati li jħallsu l-
judicial letters
online
, mill-kumdita` ta’ darhom, mingħajr ma jkollhom bżonn jersqu l-Qorti.
Proġetti
1. Wieħed mill-iktar proġetti kbar u ambizzjużi li qiegħed isir fil-Qrati Kriminali, huwa l-proġett pilota tal-
eCCMS
. Dan il-proġett jintroduċi sistema ġdida tal-proċedura tan-notifiki taċ-ċitazzjonijiet u tax-xhieda, bin-notifiki jiġu mqassma minn kuntrattur privat. Dan il-proġett ġie pilotat fil-Qorti tal-Maġistrati, Sede Kriminali (Traffiku kif ukoll tal-Familja) fejn wassal għal żieda notevoli fl-effiċjenza ta’ dawn iż-żewġ Qrati. Bħalissa qiegħed isir xogħol sabiex dan il-proġett jiġi estiż fil-Qrati tal-Maġistrati, Sede Kriminali.
2. Qiegħed isir ukoll xogħol estensiv ta’ ristrutturar fil-qrati sabiex jiżdiedu l-awli tal-qorti. Dan għandu jgħin sabiex mhux biss il-ġudikatura tkun tista’ taħdem mingħajr xkiel, iżda anke sabiex titfassal it-triq għal-ħatriet ta’ aktar ġudikanti sabiex jitħaffu l-kawżi.
3. Twaqqfet sezzjoni fi ħdan id-Dipartiment tal-Ġustizzja, li qed tanalizza d-data u l-istatistika sabiex tassisti kemm lill-Ministeru, u kif ukoll lill-Ġudikatura jamministraw aħjar il-kawżi tagħhom. Minbarra l-analiżi kontinwa, qiegħed jithejja wkoll rapport kunfidenzjali lil kull Ġudikant b’informazzjoni iktar iddettaljata dwar il-kawżi differenti li jidhru quddiemhom.