Legislature:
Category:
Reset
Active:

Effetti biex il-kawżi jitħaffu iktar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’effett kien hemm biex il-kawżi jitħaffu aktar?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li sabiex jitħaffu iktar il-kawżi, tħejjew numru ta’ inizjattivi sabiex tiżdied l-effiċjenza tul il-proċess ġudizzarju kollu. Uhud minn huma dawn li gej: Reviżjoni ta’ leġislazzjoni u leġislazzjoni ġdida li għinet sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-qrati: 1: Ir-riforma fil-liġi tad-droga, li wasslet sabiex vittma tad-droga tiġi trattata bħala persuna li għandha bżonn il-kura u mhux bħala kriminal. Din il-liġi wasslet ukoll sabiex numru ta’ kawżi li qabel kienu jitressqu mill-ewwel il-Qorti, issa jiġu referuti għal Bord apposta li jassisti sabiex tingħata kura. 2: L-implimentazzjoni tal- plea bargaining fil-qrati kriminali kollha - din l-emenda tagħti l-possibilita` lill-akkużat li jammetti l-ħtija, sabiex jintlaħaq ftehim mal-prosekuzzjoni dwar il-piena. Din wasslet sabiex jiqsaru l-proċeduri fil-Qrati Kriminali. 3: Fi Frar tal-2016, iddaħħlu numru ta’ emendi fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili imsejsa fuq il- proposti tal-Kummisjoni tar-Riforma Ħolistika. Dawn il-miżuri huma kollha intiżi sabiex iżidu l-effiċjenza tal-Qrati Ċivili billi: - żiedu l-kompetenza tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar (għal €5,000) u tal-Qorti tal-Maġistrati, Sede Ċivili (għal €15,000); - Iffaċċilitaw in-notifiki tal-atti ġudizzjarji mingħajr il-bżonn tal-awtorizzazzjoni tal-Qorti fil-każ li notifika ma tiġix effettwata b’suċċess; - Tawtorizza l-Qorti tal-Appelli sabiex tikkoreġi atti ġiudizzjarji mingħajr il-bżonn li dawn jintbagħtu lura fil-Qorti tal-Prim’Istanza; - Tawtorizza wkoll il-Qrati tal-Appell sabiex iħaffu l-proċeduri fil-konfront ta’ kawżi li huma frivoli, kif ukoll iħaffu dawk il-kawżi li fihom, b’mod volontarju u bil-miktub, jiddeċiedu li jillimitaw it-talbiet u l-kontro talbiet tagħhom; - Tiffaċilita l-proċess ta’ interdizzjoni; - Introduċiet il-kunċett ta’ ex-tempore judgements fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar. Implimentazzjoni ta’ numru ta’ miżuri teknoloġici: L-informatika hija għodda importanti sabiex tiffaċilita l-ispeditezza tul il-proċess ġudizzjarju u tiftaħ l-aċċess għall-ġustizzja lill-prattikanti u lill-klijenti varji tal-Qorti. Uħud mill-miżuri implimentati huma: - Notifika bl-SMS lill-avukati meta l-kawża tiġi differita; - E-mails lill-avukati bid-digrieti tal-Qrati Ċivili kif ukoll bix-xhieda miktuba (traskritta); - E-filing tal-applikazzjonijiet tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar u tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva kif ukoll l-Appelli minn dawn id-deċiżjonijiet; - Aċċess online għall-avukati tal-atti, mandati u informazzjoni dwar il-kawżi ċivili li jkunu qed iservu fihom; - Aċċess online għaċ-ċittadini sabiex jaraw l-atti relatati mal-kawżi ċivili tagħhom; - It-thejjija ta’ reġistru elettroniku dwar il-mandati li jiġu terminati. B’dan ir-reġistru, mhux biss il-proċess sabiex mandat jiġi terminat sar ħafna iktar sempliċi, iżda wkoll wassal sabiex jonqsu l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura. Fejn qabel terminazzjoni ta’ mandat kienet tiswa madwar €1,500, wara l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura, l-ispiża saret ta’ €50 biss; - Sistema li biha ċ-ċittadin jista’ jħallas multi u ammendi online mingħajr ma għandu għalfejn jersaq lejn il-Qorti; - Miżura oħra li ġiet implimentata fl-2016, tippermetti l-avukati li jħallsu l- judicial letters online , mill-kumdita` ta’ darhom, mingħajr ma jkollhom bżonn jersqu l-Qorti. Proġetti 1. Wieħed mill-iktar proġetti kbar u ambizzjużi li qiegħed isir fil-Qrati Kriminali, huwa l-proġett pilota tal- eCCMS . Dan il-proġett jintroduċi sistema ġdida tal-proċedura tan-notifiki taċ-ċitazzjonijiet u tax-xhieda, bin-notifiki jiġu mqassma minn kuntrattur privat. Dan il-proġett ġie pilotat fil-Qorti tal-Maġistrati, Sede Kriminali (Traffiku kif ukoll tal-Familja) fejn wassal għal żieda notevoli fl-effiċjenza ta’ dawn iż-żewġ Qrati. Bħalissa qiegħed isir xogħol sabiex dan il-proġett jiġi estiż fil-Qrati tal-Maġistrati, Sede Kriminali. 2. Qiegħed isir ukoll xogħol estensiv ta’ ristrutturar fil-qrati sabiex jiżdiedu l-awli tal-qorti. Dan għandu jgħin sabiex mhux biss il-ġudikatura tkun tista’ taħdem mingħajr xkiel, iżda anke sabiex titfassal it-triq għal-ħatriet ta’ aktar ġudikanti sabiex jitħaffu l-kawżi. 3. Twaqqfet sezzjoni fi ħdan id-Dipartiment tal-Ġustizzja, li qed tanalizza d-data u l-istatistika sabiex tassisti kemm lill-Ministeru, u kif ukoll lill-Ġudikatura jamministraw aħjar il-kawżi tagħhom. Minbarra l-analiżi kontinwa, qiegħed jithejja wkoll rapport kunfidenzjali lil kull Ġudikant b’informazzjoni iktar iddettaljata dwar il-kawżi differenti li jidhru quddiemhom.
Leg 12 PQ #31438 Sitting 496 2017-03-20 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċentri tas-servizz.gov

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhu l-funzjoni taċ-ċentri oħra ta’ servizz.gov u kemm hawn minnhom sal-lum?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-funzjoni taċ-ċentri ta’ servizz.gov hija li toffri servizzi governattivi fil-qalba tal-komunitá biex ic-cittadin jiffranka li jzur postijiet centrali bhall Belt Valletta biex jinqeda. Servizz.gov jaqdi talbiet għall- : i) Informazzjoni, ii) Applikazzjoni, iii) Appuntament ma’ dipartiment jew entita’ tal-Gvern, iv) Sottomissjoni ta’ lmenti, v) Għoti ta’ suġġerimenti dwar servizzi tal-Gvern. Fil-pre¿ent hemm 5 ċentri għas-servizz tal-pubbliku. Dawn jinsabu; Il-Birgu – Ċentru Leap (parti minn) Birkirkara – Ċentru Ċiviku (parti minn) Raħal Ġdid - Kunsill Lokali (parti minn) Qawra – Ċentru Leap (parti minn); u Hal Qormi – Ċentru Servizz.gov Servizz.gov joffri madwar 250 servizz. Lista ta’ dawn is-servizzi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Attivitajiet kulturali mmexxija mill-Gvern li saru barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna x’attivitajiet kulturali, immexxija mill-Gvern, saru barra minn Malta matul l-2016 sa issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Espressjoni ħielsa u hatespeech

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar sabiex ikun hawn espressjoni aktar ħielsa fl-istess waqt li jiġi miġġieled aktar il-hate speech?

Response (BONNICI, OWEN)

Dan il-Gvern mill-ewwel imbarka fuq programm ta’ liberalizzazzjoni mhux biss ta’ liġijiet iżda wkoll ta’ attitudini favur iżjed tolleranza u iżjed liberta’ tal-espressjoni. Id-diversi liġijiet fil-qasam tal-ugwaljanza huma xhieda ewlenija ta’ dan kif huma wkoll l-attitudini liberali fil-qasam tal-liberta’ artistika. B’mod partikolari għandhom jissemmew il-miżuri meħuda permezz tal-Att XXXVII tal-2016 li filwaqt li neħħa r-reat antikwat tal-vilipendju tar-reliġjon saħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82A tal-Kodiċi Kriminali kontra t-tixrid tal-mibgħeda reliġjuża filwaqt li wkoll introduċa reġim iżjed liberali f’dak li għandu x’jaqsam l-offiżi għall-moralita’ pubblika. L-istess Att introduċa l-Artikolu 208E tal-Kodiċi Kriminali li jistabbilixxi reat speċifiku għal min jiżvela ritratti privati ta’ persuna oħra b’kontenut sesswali. Hemm ukoll id-diversi miżuri meħuda bl-Att XXIV tal-2014 illi saħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali dwar il-“hate crimes” u saħħaħ ukoll il-liġijiet dwar il-fastidju (harrassment) u introduċa r-reati ġodda ta’ “stalking” u ta’ “stalking” li jinvolvi biża ta’ vjolenza jew li jikkaġuna allarm. L-aktar miżura reċenti fil-qasam tal-liberta’ tal-espresjoni huwa l-Abbozz ta’ liġi dwar il-Midja u l-Malafama illi jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-ġurnalisti u jaġġorna l-liġi dwar l-istampa.

Bejgħ ta’ proprjetà miżmumin inkomun

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati kien hemm wara l-emendi li ffaċilitaw il-bejgħ ta’ proprjetà miżmumin inkomun?

Response (BONNICI, OWEN)

L-emendi li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huma l-emendi legali introdotti bl-Att tal-2016 li jemenda Diversi Liġijiet (Riforma tal-Ġustizzja) (Proċedura Ċivili) (Att IV tal-2016). Permezz ta’ dan l-Att kull min kellu proprjetà immobbli in komun ma’ ħaddieħor għal aktar minn 3 snin (qabel kienet 10 snin), seta’ b’rikors fil-qorti jitlob l-awtorizzazzjoni sabiex ikun jista’ jbiegħ dik il-proprjetà wara li l-maġġoranza tas-sidien tal-ishma f’dik il-proprjetà jkunu sabu bejgħ tal-istess proprjetà. Fl-2016 jidher li n-numru ta’ sidien ta’ proprjetà għoġobhom li jieħdu azzjoni sabiex ibiegħu proprjetà immobbli in komun ma ħaddiehor żdied. Qiegħed nirriproduċi hawn taħt tabella (A) li turi ammont ta’ rikorsi ta’ dan it-tip li ġew ippreżentati fil-Qorti Ċivili ta’ Malta mill-2010 sat-23 ta’ Frar, 2017 u Tabella (B) li turi ammont ta’ rikorsi ta’ dan it-tip li ġew ippreżentati fil-Qorti ta’ Għawdex, mill-2010 sat-23 ta’ Frar, 2017: Tabella A 2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 10 7 5 5 8 14 24 1 Tabella B 2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2 3 1 1 0 3 4 1

Revoki ta’ prokuri

Question

Jista’ l-Ministru jfisser x’inhu l-benefiċċju tal-emendi fejn jidħlu revoki ta’ prokuri?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onorevoli membru huwa nfurmat illi l-benefiċċju prinċipali tal-emendi huwa ili l-individwi li jkunu jridu jirrevokaw prokura ma jkollhomx jinkorru ħafna spejjeż li sa qabel ir-riforma kienu jammontaw ghal eluf ta' Ewro. Is-Sistema l-gdida taghti wkoll iktar certezza.

Twessiegħ tal-patteġġament fl-awli kriminal kollha

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’feedback kien hemm wara t-twessiegħ tal-patteġġament fl-awli kriminal kollha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-miżura li biha l-patteġġjament ġie estiż ukoll għal kawżi kriminali quddiem il-Qrati tal-Maġistrati kienet waħda mill-miżuri meħuda biex il-kawżi ma jitwalux bla bżonn. Min mindu ġiet introdotta din il-miżura kien hemm numru ta’ kawżi fejn il-piena ġiet patteġġjata b’dan il-mod.

Kawżi tad-droga – appell mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-effett tal-emendi li bihom jista’ jsir appell mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali fil-kawżi tad-droga?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li mindu daħlet fis-seħħ l-emenda legali li permezz taghħa seta’ jsir appell mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali fil-kawżi tad-droga, fi stadju meta l-kawżi kienu ghadhom fi stat ta’ kumpilazzjoni, kien hemm ħmistax (15)-ir rikors mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali, minn dawn tlieta (3) ġew milqugħa, erbgħa (4) ġew miċħuda u tmienja (8) ġew irtirati F’każijiet meta sar rikors wara li nħareġ Att ta’ Akkuża kien hemm dsatax (19)- il talba li minnhom tnejn (2) ġew milqugħa, tnax (12) ġew miċħuda u ħamsa (5) għadhom pendenti.

Alternative Dispute Resolution

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’għamel dan il-Gvern biex ikabbar l-użu tal-Alternative Dispute Resolution (ADR)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-qasam ta’ Alterntive Dispute Resolutions, il-Gvern abbozza emendi għall-Att Dwar il-Medjazzjoni liema Att illum għadda mit-Tielet Qari tiegħu f’dan l-aħħar xahar. L-istess Att sallum għadu ma ġiex ippubblikat fil-Gazzeta tal-Gvern. Illi f’dan il-qasam, hemm features innovattivi fejn jirriżulta li: 1. Estendejna l-Medjazzjoni obbligatorju mhux biss fil-Qorti Ċivili (Sezzjoni Familja) iżda anki sejra tiddaħħal fil-Bord li jirregola l-Kera skont u taħt iċ-ċirkostanzi kif hemm spjegat fl-istess Att; 2. Daħħalna li f’kawzi quddiem il-Qorti Tal-Maġistrati (Malta) u ma' l-ewwel smigħ il-Maġistrat irid jitlob lill-partijiet jekk jixtiequx jiftehmu b’medjazzjoni u f’każ li ma hemmx lok, allura digriet jingħata fl-istess smigħ tal-kawża jew tingħata differiment żgħir sabiex il-partijiet jippruvaw jaslu sabiex jittransiġu l-pendenzi tagħhom. 3. Daħħalna il- videoconferencing għal Medjazzjonijiet liema Medjazzjonijiet jistgħu jsiru anki tramite dawn is-sistemi teknoloġiċi basta li l-partijiet u l-medjatur huma miftiehmin bil-mezzi li sejrin jaddottaw; 4. Daħħalna artikolu fejn il-Gvern jista’ joħroġ skemi għal pubbliku mad-Dipartimenti tiegħu stess li jippromwovu medjazzjonijiet fi kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien bejn il-partijiet u bejn id-Dipartimenti konċernati.

Tisħiħ fl-indipendenza fil-ġudikatura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’sar minn dan il-Gvern sabiex tissaħħaħ l-indipendenza fil-ġudikatura?

Response (BONNICI, OWEN)

L-indipendenza tal-ġudikatura hija waħda mill-elementi bażiċi tal-istat tad-dritt (rule of law) u dan il-gvern ħa diversi passi biex isaħħaħha. Dan kemm fuq il-livell legislattiv u partikolarment fuq dak Kostituzzjonali kif ukoll fuq il-livell prattiku. Fuq il-livell legislattiv l-aktar passi importanti li mexxa dan il-gvern f’ dan il-qasam kienu l-emendi għall-Kostituzzjoni li saru permezz tal-Att XLIV tal-2016 u li bih issaħħet il-protezzjoni Kostituzzjonali tal-Kummissjoni Għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u twaqqfu l-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura u l-Kumitat dwar l-Imħallfin u l-Maġistrati li permezz tiegħu il-ġudikatura teżerċita awto-dixxiplina fuqha nnifisha. Dawn l-iżviluppi kienu passi verament storiċi li abbordaw kwistjonijiet u problemi li kienu ilhom jiġu diskussi fis-sistema Kostituzzjonali Maltija għal ħafna snin u li donnu kien hemm ukoll rassenjazzjoni li dawn qatt ma huma se jissolvew. Fuq il-livell prattiku dan il-Gvern żied ir-riżorsi tal-ġudikatura kemm billi żied in-numru ta’ ġudikanti kif ukoll billi pprovda għat-twaqqif tal-kariga ta’ Court Attorney illi jassistu lill-membri tal-ġudikatura fix-xogħol tagħhom. Dan il-Gvern irriżolva ukoll il-kwistjoni tal-pensjoni tal-membri tal-ġudikatura illi kienet ilha s-snin tiġi diskussa biex b’ hekk setgħet tissaħħaħ ukoll l-indipendenza personali tal-ġudikanti. Għad illi f’ dan il-qasam dejjem jibqa’ xi jsir, din il-leġislatura certament illi se tibqa’ tissemma bħala waħda fejn ġew sblokkati, u fejn sar progress kbir dwar, ħafna kwistjonijiet li jirigwardaw il-ġudikanti u l-indipendenza taghhom kemm personalment kif ukoll bhala organu kostituzzjonali.

Orkestra Filarmonika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’viżibilità kellha l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta barra minn Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta żaret diversi pajjiżi u tellgħet għadd numru sostanzjali ta’ kunċerti barra minn Malta , fejn ndaqqu xogħlijiet ta’ kompożituri Maltin. Qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Direttorat għar-restawr – postijiet restawrati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-postijiet li ġew restawrati mid-Direttorat għar-restawr matul l-2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ postijiet li ġew restawrati matul l-2016, kif ukoll lista ta’ dawk il-postijiet li matul l-istess sena beda xogħol ta’ restawr fuqhom.

Esebizzjonijiet immexxija mill-Gvern li saru barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-esebizzjonijiet kulturali li huma mmexxija mill-Gvern u saru barra minn Malta matul l-2016 sa issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Kunsill Malti għall-Arti – fondi mqassma

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-fondi li qassam il-Kunsill Malti għall-Arti fis-sena 2016 u kif tqassmu?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li l-Kunsill Malti għall-Arti matul is-sena 2016 qassam €1,052,217.7. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni dwar kif ġew mqassma dawn il-Fondi.

Postijiet artistiċi/kulturali li huma mmexxija mill-Gvern – avvenimenti kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ittellgħu avvenimenti kulturali fil-postijiet artistiċi/kulturali li huma mmexxija mill-Gvern matul l-2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Siti storiċi mmexxija mill-Gvern – open days

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nies żaru siti storiċi mmexxija mill-Gvern fl-open days li saru fl-2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li madwar 58,000 ruh daħlu fil-mużewijiet u siti mingħajr ħlas waqt open days organizzati minn Heritage Malta matul l-2016.

Awtorità tax-Xandir – programmi segwiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iktar programmi segwiti u fuq liema stazzjon, skont l-istudji li wettqet l-Awtorità tax-Xandir?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li għalkemm l-Awtorità tax-Xandir tagħmel riċerka regolari dwar l-udjenzi tar-radju u tat-televizjoni mhix il-prassi u lanqas il-mansjoni tal-Awtorità li tiddikjara liema huma l-iktar programmi segwiti u fuq liema stazzjon. Dan minħabba li din id-data hija ta’ natura kummerċjali u dan jaffettwa ħafna ir-reklamar tal-istazzjonijiet. Barra minn hekk, l-istazzjonijiet ixandru programmi ta’ ġeneri differenti indirizzati lejn sezzjonijiet tal-poplu differenti matul il-ġurnata. Għalhekk l-Awtorità tippubblika estimi tal-udjenzi għal kull nofs siegha tal-ġurnata u għal kull ġurnata tal-ġimgħa.

Programmi li għandhom l-iktar udjenzi fuq PBS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iktar programmi li għandhom udjenzi fuq PBS?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li skont l-aħħar stħarriġ tal-udjenza mil-Awtorità tax-Xandir fix-xahar ta’ Ottubru 2016 l-aktar programmi li għandhom udjenza fuq TVM huma: TVM News 98,558 Strada Stretta 73,781 Xarabank 63,393 La Thobbnix 44,609 Manwela 34,320 Skjetti 33,346 Hbieb u Ghedewwa 23,328 Xtra 19,050 Ta’ That Fuq 18,972 Twelve To Three 14,005 Ir-riżultat komplut ta’ dan l-istħarriġ huwa aċċessibli għall-pubbliku minn fuq il-website tal-Awtorità http://ba-malta.org/audience-assessments